Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2007 - Strack vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-118/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Guido Strack (Cologne, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

Jordna lill-konvenuta tħallas id-danni lir-rikorrent fl-ammont ta' EUR 1 000, għal danni morali, inklużi danni għal saħħtu, matul il-perijodu bejn it-8 ta' Settembru 2006 sas-7 ta' Ottubru 2006, ikkaġunati lilu mill-fatt li, sa din l-aħħar data, il-Kummissjoni naqset milli tadotta deċiżjoni legali, fuq it-talba tiegħu tas-7 ta' Marzu 2005 għal dikjarazzjoni li l-marda tiegħu kienet relatata max-xogħol u għall-annullament, bħala konsegwenza ta' din id-dikjarazzjoni, tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni in kwistjoni tat-12 ta' Jannar 2007, tas-26 ta' Frar 2007 u ta' l-20 ta' Lulju 2007;

Jordna lill-konvenuta tħallas id-danni lir-rikorrent fl-ammont ta' mill-inqas EUR 10 000 għal danni materjali u morali, inklużi danni għas-saħħa, li r-rikorrent bata bejn l-1 ta' Novembru 2006 u l-31 ta' Diċembru 2006 b'riżultat ta' aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni u b'hekk jannulla d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni in kwistjoni tat-12 ta' Jannar 2007, tas-26 ta' Frar 2007 u ta' l-20 ta' Lulju 2007;

Jordna lill-konvenuta tħallas l-interessi għal dewmien fil-ħlas fuq l-ammonti dovuti taħt it-talbiet preċedenti, għall-perijodu mis-26 ta' Frar 2007 sad-data meta effetivament isir il-ħlas, b'rata ta' 2 % fis-sena iktar mir-rata għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali stabbilita mil-Bank Ċentrali Ewropew għall-perijodu in kwistjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tat-talba tiegħu għad-danni, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) wettqu numru kbir ta' żbalji amministrattivi u atti illegali fir-rigward tiegħu mis-sena 2000 sas-sena 2006. B'mod partikolari, dan huwa marbut ma' l-ambjent tax-xogħol tiegħu u mal-mobbing fuq il-post tax-xogħol, it-trattament tal-whistleblowing tiegħu, il-mod kif ġew żvolti l-proċeduri għall-evalwazzjonijiet u l-promozzjonijiet, il-komunikazzjoni illegali ta' l-informazzjoni personali tiegħu, l-ostakolar tat-tentattivi tiegħu li jikseb spjegazzjoni għal, u prova ta', dak il-ksur tal-liġi u ċ-ċirkostanzi ta' l-ipproċessar illegali u mtawwal ta' l-applikazzjonijiet tiegħu skond l-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (Ir-Regolamenti tal-Persunal)

Ir-rikorrent isostni li b'dan l-aġir, il-konvenuta kisret ir-regoli dwar il-protezzjoni tas-saħħa, l-Artikolu 255 KE, l-Artikoli 1, 3, 8 u l-Artikolu 41f tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikoli 8 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u 45/2001, l-Artikoli 11a, 12, 22a, 22b, 24, 25, 26, 26a, 43, 45, 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-atti legali li fuqhom kien imwaqqaf l-OLAF u, b'mod partikolari, id-dmir ta' diliġenza u l-projbizzjoni ta' aġir arbitrarju.

B'dan l-aġir, il-konvenuta kkawżat l-allegati danni materjali u morali, peress li, kif aċċettat s'issa l-konvenuta fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent marad b'riżultat ta' dawk l-iżbalji amministrattivi u fl-aħħar sar invalidu. L-eżekuzzjoni illegali u mdewma tal-proċedura msemmija ikkaġunatlu danni morali ulterjuri.

____________