Language of document : ECLI:EU:C:2019:931

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis‑7 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C215/18

Libuše Králová

vs

Primera Air Scandinavia

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – il-punt 1 tal-Artikolu 5 – Ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali – Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi –Kamp ta’ applikazzjoni – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 6 u 7 – Trasport bl-ajru – Kumpens u assistenza tal-passiġġieri – Dewmien twil ta’ titjira – Kuntratt ta’ trasport ikkombinat ma’ akkomodazzjoni konkluż bejn il-passiġġier u organizzatur ta’ vjaġġi – Azzjoni għal kumpens kontra t-trasportatur tal-ajru mhux parti f’dan il-kuntratt – Vjaġġ kollox kompriż – Direttiva 90/314/KEE”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8, ir-Repubblika Ċeka) tidħol fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni ppreżentata, bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2), minn passiġġiera ddomiċiljata fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, kontra kumpannija tal-ajru stabbilita fid-Danimarka, minħabba dewmien twil ta’ titjira li kienet saret minn din tal-aħħar, iżda li kienet inbiegħet lill-passiġġiera, flimkien ma’ akkomodazzjoni, minn aġenzija tal-ivvjaġġar Ċeka.

2.        Essenzjalment, qed issir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, dwar jekk tali azzjoni ġudizzjarja taqax taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fil-qasam kuntrattwali li huma previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (3), minkejja li r-rikorrenti ma kkonkludietx kuntratt mal-konvenuta u li t-titjira kkonċernata kienet tifforma parti minn grupp ta’ servizzi miksuba mingħand terzi. Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

3.        Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li tinkludi l-Artikoli 15 sa 17 tiegħu, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi li jinsabu fl-imsemmija sezzjoni jkoprux azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

4.        Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasal tiddetermina jekk, meta titjira tkun ġarrbet dewmien twil, passiġġier li jkun xtara din it-titjira mingħand aġenzija tal-ivvjaġġar fil-kuntest ta’ vjaġġ kollox kompriż, fis-sens tad-Direttiva 90/314/KEE (4), jistax jinvoka drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jopera. Inqis li għandha tingħata risposta fl-affermattiv f’dan ir-rigward.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 44/2001

5.        Il-punt 1 tal-Artikolu 5, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      (a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti […],

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;,

(c)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);”

6.        Is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, fl-Artikolu 15 tiegħu tgħid:

“1.      F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

c)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[…]

3.      Din is-Sezzjoni m’għandiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.”

7.        F’din is-Sezzjoni 4, l-Artikolu 16(1), jiddikjara li “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”.

8.        Fl-aħħar tal-istess Sezzjoni 4, l-Artikolu 17 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tagħha permezz ta’ ftehimiet ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni konklużi ma’ konsumatur.

9.        Ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis għall-każ inkwistjoni, minkejja li ġie mħassar bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (5), peress li dan l-aħħar strument japplika biss għall-azzjonijiet ippreżentati mill-10 ta’ Jannar 2015, konformement mal-Artikolu 66(1) tiegħu filwaqt li l-azzjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet ippreżentata qabel din id-data (6).

10.      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione loci f’dan il-każ, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma jorbtux lir-Renju tad-Danimarka inizjalment, iżda issa japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u dan l-Istat Membru, sa mill-1 ta’ Lulju 2007, bis-saħħa ta’ ftehim konkluż għal dan il-għan (7).

B.      Ir-Regolament Nru 261/2004

11.      L-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li dan “jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri [b’mod partikolari] fil-każ ta’ titjira mdewma”.

12.      L-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” bħala “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

13.      L-Artikolu 3 tar-regolament imsemmi, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu:

“5.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.

6.      Dan ir-Regolament m’għandux jaffetwa d-drittijiet ta’ passiġġieri taħt id-Direttiva 90/314/KEE. Dan ir-Regolament m’għandux japplika f’każijiet fejn package tour hu kkanċellat għal raġunijiet barra minn kanċellazzjoni tat-titjira.”

14.      Fir-rigward tar-riferiment għad-Direttiva 90/314 li jinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija direttiva kienet tħassret, fl‑1 ta’ Lulju 2018, permezz tad-Direttiva (UE) 2015/2302 (8), konformement mal-Artikolu 29 tagħha. Madankollu, l-ewwel wieħed minn dawn l-istrumenti huwa applikabbli f’dan il-każ fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali.

15.      L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu, rispettivament, id-dritt għal assistenza pprovduta mit-trasportatur tal-ajru li jopera f’każ ta’ dewmien twil f’titjira u d-dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-artikoli.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Libuše Králová, iddomiċiljata fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), ikkonkludiet mal-kumpannija FIRO-round a.s., aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita fir-Repubblika Ċeka, kuntratt li jinkludi l-provvista ta’ titjira bejn Praga u Keflavik (l-Islanda), li kellha sseħħ fil‑25 ta’ April 2013 f’12.40, flimkien ma’ akkomodazzjoni. It-trasport bl-ajru ġie operat minn Primera Air Scandinavia, kumpannija li għandha s-sede tagħha fid-Danimarka. Din it-titjira ddewmet b’erba’ sigħat meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat.

17.      Fl‑24 ta’ Lulju 2013, L. Králová talbet lil Primera Air Scandinavia tikkumpensa d-dannu li hija kienet ġarrbet minħabba d-dewmien tat-titjira. It-trasportatur tal-ajru oġġezzjona għal dan billi argumenta li dan id-dewmien kien dovut għal ċirkustanzi straordinarji li huma ta’ natura imprevedibbli.

18.      Fl‑10 ta’ Ottubru 2013, L. Králová marret quddiem l-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8) sabiex Primera Air Scandinavia tiġi kkundannata tħallsilha kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 400. Insostenn tal-pretensjonijiet tagħha hija invokat, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, u, fir-rigward tal-mertu, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sturgeon et (9).

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2014, dik il-qorti ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni, għar-raġunijiet, b’mod partikolari, li Primera Air Scandinavia ġiet stabbilita fit-territorju tar-Renju tad-Danimarka, li għalih ir-Regolament Nru 44/2001 ma jkunx applikabbli, u li, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument ma jistgħux jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ċeki, peress li l-partijiet fil-kawża jidhru li ma humiex marbutin b’relazzjoni kuntrattwali jew, fi kwalunkwe każ, minn kuntratt li jikkombina vvjaġġar u akkomodazzjoni konformement mal-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-regolament.

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Awwissu 2014, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) ċaħdet l-appell ippreżentat minn L. Králová billi sostniet li r-Regolament Nru 44/2001 kellu jiġi applikat f’dan il-każ peress li kien vinkolanti fir-rigward tar-Renju tad-Danimarka mill‑1 ta’ Lulju 2007 (10), iżda ma kienx jippermetti li tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ċeki.

21.      Fil‑15 ta’ Settembru 2015, adita b’rikors fil-kassazzjoni minn L. Králová, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) annullat id-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza u fl-appell u sussegwentement irrinvijat il-kawża quddiem l-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8), fejn stednitha, b’mod iktar speċifiku, sabiex tiddetermina jekk Primera Air Scandinavia setgħetx titħarrek quddiem il-qrati Ċeki fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 5 u tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001, inkluż jekk ikun il-każ billi tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (11).

22.      F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2018 li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2018, l-Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kienet teżisti relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] u l-konvenuta [fil-kawża prinċipali] fis-sens tal-[punt 1 tal-Artikolu 5] tar-Regolament [Nru 44/2001] minkejja li dawn ma kkonkludewx kuntratt u li t-titjira kienet tifforma parti minn pakkett ta’ servizzi pprovduti bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u terza persuna (aġenzija tal-ivvjaġġar)?

2)      Din ir-relazzjoni tista’ tiġi kkwalifikata bħala relazzjoni li taqa’ taħt kuntratt konkluż minn konsumatur fis-sens tad-dispożizzjonijiet [tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II, li tinkludi l-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001]?

3)      Il-konvenuta [fil-kawża prinċipali] għandha l-kwalità li tiġi mħarrka għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament [Nru 261/2004]?”

23.      Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV.    Analiżi

24.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk f’ċirkustanzi bħal dawn tal-kawża prinċipali, jiġifieri meta l-kawża għad-danni mressqa minn passiġġier bis-saħħa tar-Regolament Nru 261/2004 (12) tikkonċerna titjira li ġiet innegozjata bħala element ta’ grupp ta’ servizzi mibjugħ minn terzi, jeħtieġ li tiġi applikata r-regola ta’ ġurisdizzjoni, ibbażata fuq il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali, stabbilit fil-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (A), jew inkella ta’ dik li tiffavorixxi lill-konsumatur, li hija stabbilita fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament (B) (13). Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess tista’ tkun ibbażata fuq waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija, din il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà, għal tali passiġġier, li jfittex fi proċeduri legali, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur tal-ajru li jopera li kien responsabbli milli jiġu ssodisfatti dawn id-drittijiet (14), anki jekk it-titjira inkwistjoni kienet inbiegħet permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar u fil-kuntest ta’ pakkett kollox kompriż fis-sens tad-Direttiva 90/314 (15) (C) (16).

A.      Fuq l-applikabbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (l-ewwel domanda)

25.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni (17) japplikawx għal azzjoni għal kumpens bħal dik fil-kawża prinċipali, ippreżentata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004 minn passiġġiera kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera (18), minkejja li ebda kuntratt ma kien ġie konkluż bejn din ir-rikorrenti u din il-konvenuta u minkejja li t-titjira inkwistjoni kienet tifforma parti minn grupp ta’ servizzi pprovduti bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn ir-rikorrent u aġenzija tal-ivvjaġġar.

26.      Il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni jaqblu li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, li hija wkoll l-opinjoni tiegħi, għar-raġunijiet li ġejjin.

27.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-punt 1(a) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jgħid li “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor quddiem il-“qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”. Bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) ta’ dan l-Artikolu 5, fir-rigward tal-“provista ta’ servizzi”, il-post tat-twettiq tal-obbligu li fuqu tkun ibbażata t-talba huwa ddefinit bħala, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, “il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi”. Konformement mal-punt 1(c) tal-Artikolu 5 msemmi, il-kriterju ta’ rabta awtomatiku li huwa previst fil-punt 1(a) tal-Artikolu 5 msemmi għandu jiġi applikat meta r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma tikkostitwixxix “provista ta’ servizzi”, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 (19).

28.      F’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjoni tagħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, dwar il-punt jekk il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali tistax tirriżulta mill-kriterju ta’ konnessjoni partikolari li jinsab fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, kriterju li diġà ġie ddikjarat applikabbli f’każ ta’ talba għal kumpens imressqa minn passiġġier kontra kumpannija tal-ajru fuq il-bażi kemm tal-kuntratt konkluż bejniethom u tar-Regolament Nru 261/2004 (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tgħid hawnhekk jekk dan l-approċċ jgħoddx ukoll f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn il-kontraent tal-passiġġiera kkonċernata ma kienx it-trasportatur tal-ajru li jopera, iżda aġenzija tal-ivvjaġġar li kienet begħtilha t-titjira inkwistjoni flimkien ma’ akkomodazzjoni.

29.      Bħall-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kawżi magħquda li taw lok għas-sentenza flightright et (21), fuq sitwazzjoni li hija paragunabbli ma’ dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, dawn huma wkoll azzjonijiet għal kumpens, ibbażati fuq ir-Regolament Nru 261/2004, minħabba dewmien twil ta’ titjiriet imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jopera li ma kienx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġieri kkonċernati peress li dawn kienu xtraw il-biljetti tal-ajru rispettivi tagħhom mingħand kumpanniji tal-ajru oħra qabel ma ppreżentaw azzjoni kontra t-trasportatur li opera l-parti tat-titjira b’konnessjoni li tinkludi d-dewmien kontenzjuż (22).

30.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, ikopri azzjonijiet għal kumpens għal dewmien twil ta’ titjira b’konnessjoni, ippreżentati minn passiġġieri fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-kontraent tagħhom, fid-dawl tal-motivi hawn fuq imsemmija (23).

31.      Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-dritt nazzjonali, iżda b’mod awtonomu, u li jaqgħu taħt dan il-kunċett l-obbligi kollha li joriġinaw mill-kuntratt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa invokat insostenn tal-azzjoni tar-rikorrent. Sussegwentement, hija kkonfermat li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi punt 1(a) tal-Artikolu 5 ma tirrikjedix il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet fil-proċedura, iżda madankollu tippreżupponi l-eżistenza ta’ obbligu ġuridiku mogħti liberament minn persuna lejn oħra u li fuqha hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent, b’tali mod li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tistrieħ fuq il-kawża tal-azzjoni, u mhux fuq l-identità tal-partijiet (24). Fl-aħħar nett, hija enfasizzat li trasportatur tal-ajru li jopera bħal dak imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 – jiġifieri trasportatur li ma kkonkludiex kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat, iżda li jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn dan l-istrument u għalhekk huwa meqjus li qiegħed jaġixxi f’isem il-persuna li tkun ikkonkludiet il-kuntratt ta’ trasport ma’ dan il-passiġġier – għandu jitqies li jissodisfa obbligi liberament ikkonsentiti fir-rigward tal-kontraent tal-passiġġier, li jkunu joriġinaw mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru konkluż ma’ dan tal-aħħar.

32.      Min-naħa l-oħra, fl-istess sentenza flightright et, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 dwar l-identifikazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru f’każ bħal dak li kien is-suġġett tal-kawżi prinċipali, jiġifieri d-dewmien ta’ titjira b’konnessjoni operata minn żewġ kumpanniji tal-ajru li waħda minnhom ma hijiex il-kontraenti tal-passiġġieri kkonċernati (25). Dwar dan is-suġġett, hija rreferiet għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li jidhirli li huma rilevanti wkoll f’dan il-każ.

33.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-importanza ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib bejn il-forum u l-elementi materjali ta’ kull tilwima li taqa’ taħt il-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li din ir-rabta hija mixtieqa mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u li tali għan ta’ prossimità huwa kkonfermat mill-premessa 12 ta’ dan ir-regolament (26). Hija vverifikat ukoll li l-interpretazzjoni adottata kienet tissodisfa sew il-prinċipju ta’ prevedibbiltà, stabbilit fil-premessa 11 tar-regolament imsemmi, li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma intiżi li jiggarantixxu, sabiex jippermettu kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut jidentifika faċilment il-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, hija enfasizzat li, fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali liberament ikkonsentiti bejn it-trasportaturi tal-ajru bħal dawk inkwistjoni, trasportatur tal-ajru li jopera li ma kkonkludiex kuntratt mal-passiġġier jitqies li qiegħed jaġixxi f’isem it-trasportatur tal-ajru li huwa l-kontraent tal-passiġġier ikkonċernat.

34.      Jiena tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet u l-interpretazzjonijiet li hawnhekk ġew ikkunsidrati jistgħu jiġu trasposti, mutatis mutandis, f’din il-kawża (27), b’tali mod li azzjoni bħal dik ippreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

35.      Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza flightright et bħal f’dan il-każ, l-azzjoni għal kumpens għad-dewmien twil ta’ titjira hija bbażata fuq obbligi li joriġinaw mill-kuntratt inizjali konkluż mill-passiġġier ikkonċernat, li tiegħu dan tal-aħħar jinvoka l-eżekuzzjoni ħażina insostenn tat-talba tiegħu. Il-konvenuta hawnhekk hija wkoll trasportatur tal-ajru li jopera li ma hijiex il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt ikkontestat ma’ dan il-passiġġier, f’dan il-każ l-aġenzija tal-ivvjaġġar, iżda hija dik li tat il-kunsens tagħha liberament fir-rigward ta’ din il-persuna li twettaq it-titjira u għalhekk li tassumi l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 f’isem din tal-aħħar (28), obbligi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija azzjoni. Inqis li huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li t-titjira inkwistjoni kienet inbiegħet flimkien ma’ akkomodazzjoni, jiġifieri inkluża f’“vjaġġ kollox kompriż” fis-sens tad-Direttiva 90/314 (29), peress li din il-partikolarità ma tbiddel b’ebda mod in-natura kuntrattwali tal-obbligi legali li tinvoka r-rikorrenti u lanqas il-kawża tal-azzjoni tagħha. Għaldaqstant, azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija koperta sew, fil-fehma tiegħi, mill-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (30).

36.      B’mod iktar partikolari, azzjoni ta’ dan it-tip taqa’, fil-fehma tiegħi, taħt il-kriterju ta’ konnessjoni fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi li tinsab fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5, jiġifieri l-post tal-provvista tas-servizz ta’ trasport bl-ajru inkwistjoni. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ talbiet għal kumpens imressqa minn passiġġieri fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004 (31), inqis li hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni bħal din fil-kawża prinċipali, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha hemm il-post ta’ eżekuzzjoni tat-titjira mdewma, mifhuma bħala li hija, skont l-għażla tar-rikorrenti, il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan li huma stipulati fil-kuntratt konkluż bejn il-passiġġier ikkonċernat u l-aġenzija tal-ivvjaġġar (32), filwaqt li jiġi osservat li wieħed jew ieħor minn dawn il-postijiet jikkoinċidi, fil-prattika, spiss ma’ dak fejn il-passiġġier huwa ddomiċiljat.

37.      Bħalma enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza flightright et, jiena tal-fehma li, minkejja l-fatt li t-trasportatur tal-ajru li jopera ma jkunx il-kontraent tal-passiġġier, l-interpretazzjoni hawn proposta tosserva l-għanijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ prossimità li huma koperti mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali kollha previsti fil-punt1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn dan it-trasportatur aċċetta li jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 f’isem il-kontraent imsemmi. Għalhekk, f’dan il-każ, peress li t-trasportatur tal-ajru stabbilit fid-Danimarka ta l-kunsens tiegħu liberament sabiex iwettaq it-titjira mibjugħa mill-aġenzija tal-ivvjaġġar Ċeka, huwa ma setax jinjora kemm il-post tat-tluq (li jinsab fir-Repubblika Ċeka) kif ukoll il-post tal-wasla (li jinsab fl-Islanda) tal-ajruplan u b’hekk kellu jistenna b’mod raġonevoli, bħal ma kellha tagħmel il-passiġġiera kkonċernata, li qorti Ċeka tiġi adita b’tilwima eventwali, li barra minn hekk tinsab ġeografikament f’pożizzjoni tajba sabiex tiddeċiedi din il-kawża.

38.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens ippreżentata minn passiġġier kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera, minkejja li dawn il-partijiet ma kinux ikkonkludew kuntratt bejniethom u li din it-titjira kienet tagħmel parti minn pakkett ta’ servizzi pprovduti bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u terza persuna.

B.      Fuq l-applikabbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 (it-tieni domanda)

39.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk ir-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn passiġġier u trasportatur tal-ajru li jopera, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li tinkludi l-Artikoli 15 sa 17 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali “fuq kuntratti tal-konsumatur”.

40.      Il-Gvern Ċek jipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-relazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kklassifikata bħala kuntratt konkluż minn konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw f’dan il-kuntest. Min-naħa tiegħi, inqis, għall-kuntrarju, li azzjoni bħal dik pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma hijiex koperta bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fis-Sezzjoni 4 imsemmija.

41.      Qabel kollox, nirrileva li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar jekk il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16(1) tar-regolament imsemmi, li jippermetti lil konsumatur iħarrek il-parti l-oħra fil-kuntratt kemm quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab id-domiċilju tiegħu, jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab id-domiċilju tal-konvenut.

42.      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur li hija prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament li jridu jiġu ssodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi huma, l-ewwel nett, li parti kontraenti jkollha l-kwalità ta’ konsumatur li aġixxa għal użu li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ma jagħmilx parti mill-attività professjonali tiegħu, it-tieni nett, li l-kuntratt bejn tali konsumatur u professjonist ikun ġie effettivmament konkluż u, it-tielet nett, li tali kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji previsti fil-paragrafu 1(a) sa (c) tal-imsemmi Artikolu 15 (33).

43.      F’dan il-każ, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx direttament dawn it-tliet kundizzjonijiet, fejn apparentement ma huwiex ikkontestat li huma ssodisfatti f’dan il-każ, minn tal-inqas fir-rigward tal-kuntratt li ġie konkluż bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-aġenzija tal-ivvjaġġar (34). Madankollu, din il-qorti hija kkonfrontata b’inċertezza li tirriżulta mill-fatt li l-professjonist li kien tħarrek fil-kawża prinċipali ma huwiex dak li miegħu l-konsumatriċi kkonċernata kkonkludiet il-kuntratt li minnu jirriżultaw l-obbligi legali li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura.

44.      Sussegwentement, infakkar li, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma tapplikax għall-kuntratti ta’ trasport, ħlief għal “kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni”, filwaqt li huwa ppreċiżat li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kunċett ta’ “vjaġġ kollox kompriż” fis-sens tad-Direttiva 90/314 (35). Għaldaqstant, passiġġier tal-ajru li xtara biljett tal-ajru sempliċi ma jistax jinvoka r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali relatati mal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi li jissemmew f’din is-Sezzjoni 4, b’differenza minn passiġġier li jkun akkwista biljett tal-ajru fil-kuntest ta’ vjaġġ kollox kompriż (36).

45.      F’dan il-każ, it-titjira mdewma li tat lok għall-azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens ippreżentata mill-passiġġiera kkonċernata kienet inxtrat flimkien ma’ akkomodazzjoni, b’tali mod li huwa ċar li kieku tali azzjoni kienet saret kontra l-aġenzija tal-ivvjaġġar li biegħet il-biljett tal-ajru relatat ma’ din it-titjira, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Sezzjoni 4 kienu jkunu applikabbli. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx b’mod ċar li dan għandu jkun ukoll il-każ fir-rigward ta’ rikors li, bħal fil-kawża prinċipali, jiġi ppreżentat biss kontra t-terz li huwa t-trasportatur tal-ajru li jopera.

46.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-fehma tiegħi, dwar il-punt jekk il-ġurisdizzjoni li setgħet tirriżulta mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn il-konsumatur u l-aġenzija tal-ivvjaġġar, li kieku din kienet il-persuna mħarrka, setgħetx tiġi estiża għat-trasportatur tal-ajru li jopera (37), b’mod li dan tal-aħħar ikun jista’, bħall-aġenzija li fir-rigward tagħha huwa jkun ta l-kunsens tiegħu sabiex iwettaq it-titjira kontenzjuża, jitħarrek quddiem il-qorti tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur (38).

47.      Il-Kummissjoni hija favorevoli għal tali approċċ estensiv, li huwa sostnut ukoll minn L. Králová fil-kawża prinċipali. Skont il-Kummissjoni, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 15(3) in fine tar-Regolament Nru 44/2001 u għaldaqstant is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tagħha għandhom japplikaw fil-kawża prinċipali, meta l-obbligi eżistenti, minn naħa, bejn il-konsumatur u l-aġenzija tal-ivvjaġġar bis-saħħa tal-kuntratt tagħhom li jikkombina l-vjaġġ u akkomodazzjoni u, min-naħa l-oħra, bejn din l-aġenzija u trasportatur tal-ajru bis-saħħa tal-ftehim kummerċjali tagħhom, ikunu marbuta b’mod inseparabbli, anki jekk dawn l-obbligi jinvolvu kontraenti differenti. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

48.      Fl-ewwel lok, il-kliem tad-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, iwassluni, bl-istess mod bħall-Gvern Ċek, sabiex nagħżel l-argument kuntrarju għal dak sostnut mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’dawn id-dispożizzjonijiet, isir riferiment għal “kuntratt konkluż minn […], il-konsumatur” għal “kuntratt ma’ parti [kontraent]”, għal “l-parti l-oħra ta’ kuntratt” konkluż mill-konsumatur, jew anki għal ftehim dwar il-forum li jkun għadda “mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt” (39), formuli li jwassluni nikkunsidra li mhux biss il-konklużjoni attwali ta’ kuntratt għall-konsumatur (40) iżda wkoll l-identità tal-partijiet fil-proċedura (41) huma deċiżivi għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li hemm f’din is-sezzjoni, kuntrarjament għal dak li japplika għall-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-ġurisdizzjoni speċjali dwar “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” (42). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti, fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, mill-Artikolu 16(1) tar-[Regolament Nru 44/2001] imsemmi japplikaw, b’mod konformi mal-kliem ta’ dan l-artikolu, biss għall-kawża mressqa mill-konsumatur kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt, liema ħaġa neċessarjament timplika l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-konsumatur mal-professjonist li titressaq kawża kontrih” (43).

49.      Issa, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma jistax jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li l-konvenuta, jiġifieri t-trasportatur tal-ajru li jopera, hija l-professjonist li miegħu l-konsumatur ikkonkluda l-kuntratt rilevanti. Il-Gvern Ċek jenfasizza, ġustament fil-fehma tiegħi, li anki jekk l-azzjoni eżerċitata minn passiġġier fir-rigward tat-trasportatur f’tali ċirkustanzi għandha titqies li taqa’ taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (44), dan bl-ebda mod ma jimplika minnu nnifsu li bejn dawn il-partijiet teżisti relazzjoni ta’ natura kuntrattwali fis-sens tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tiegħu. Din id-disassoċjazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 5 huma differenti minn dawk tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ddikjarati fl-imsemmija Sezzjoni 4, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu deroga fir-rigward ta’ dawn tal-ewwel (45).

50.      Fit-tieni lok, nosserva li, madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li, fis-sentenza Maletic, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “l-parti l-oħra ta’ kuntratt” li jinsab fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fis-sens li “jirreferi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ukoll għall-parti kontraenti tal-operatur li magħha l-konsumatur kien ikkonkluda dan il-kuntratt u li għandha s-sede tagħha fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur” (46). Il-Kummissjoni tislet ukoll argument minn din is-sentenza insostenn tal-interpretazzjoni li hija tipproponi f’din il-kawża, iżda, fl-opinjoni tiegħi, b’mod żbaljat.

51.      Bħall-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ċek, nosserva li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għas-sentenza Maletic kienu minn numru ta’ aspetti differenti minn dawn inkwistjoni (47). Issa, f’sentenza sussegwenti (48), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-interpretazzjoni li ngħatat fis-sentenza Maletic “hija bbażata fuq ċirkustanzi speċifiċi li fihom il-konsumatur kien immedjatament marbut kuntrattwalment, b’mod indissoċjabbli, ma’ żewġ kontropartijiet” (49) u tqis il-fatt li “l-esklużjoni tal-kontroparti stabbilita fl-Istat Membru tal-konsumatur mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 16 kellha l-konsegwenza li l-qorti li quddiemha tressqet kawża għal kundanna in solidum taż-żewġ kontropartijiet kellha ġurisdizzjoni biss fir-rigward tal-operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor” (50). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li tali “interpretazzjoni ma tistax tapplika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li fihom il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-professjonist li titressaq kawża kontrih hija totalment ineżistenti” (51).

52.      Din il-konklużjoni negattiva tapplika, fil-fehma tiegħi, anki f’din il-kawża, peress li, minn naħa, il-konsumatriċi kkonċernata hawnhekk ma kinitx kuntrattwalment marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ żewġ partijiet kontraenti, iżda kkonkludiet kuntratt biss ma’ aġenzija tal-ivvjaġġar u, min-naħa l-oħra, l-azzjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża sabiex tinkiseb il-kundanna in solidum ta’ tali kontraenti, iżda biss il-kundanna ta’ professjonist li ma kkonkludiex kuntratt ma’ din il-konsumatriċi u li huwa, barra minn hekk, stabbilit fi Stat Membru ieħor minbarra dan.

53.      Fit-tielet lok, nenfasizza li l-interpretazzjoni li nipproponi ma hijiex kuntrarja għall-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma invokati mill-Kummissjoni.

54.      Fir-rigward tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, u għalhekk ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli (52), li r-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan ġenerali li jipprevjeni, kif tindika l-premessa 15 tiegħu u kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Maletic, ser nillimita ruħi sabiex nikkonstata li dan ir-riskju huwa ineżistenti fil-preżenza ta’ azzjoni ġudizzjarja bħal dik fil-kawża prinċipali u li l-prevenzjoni tiegħu ma tikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, l-għan essenzjali tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

55.      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, li s-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 għandha l-għan speċifiku li tiżgura, filwaqt li tistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni favorevoli għall-interessi ta’ din il-parti l-iktar dgħajfa, kif tindika l-premessa 13 ta’ dan ir-regolament (53), nosserva li l-Kummissjoni tinvoka espressament dan l-għan insostenn tal-argument li hija tiddefendi (54), fil-fehma tiegħi, b’mod żbaljat.

56.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament fakkret li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din is-Sezzjoni 4 għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta, u b’hekk ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet li huma previsti espressament, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu derogi (55), u dan mhux biss fid-dawl tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-regolament imsemmi (56), iżda wkoll tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali li huma stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-istess regolament (57).

57.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li “l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn il-konsumatur u l-professjonist li tressqet kawża kontrih tippermetti li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, li hija waħda mill-għanijiet [ta’ dan ir-regolament], hekk kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu” (58). B’hekk, il-fatt li l-professjonist jista’, fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 16(1), jiġi mħarrek quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tal-parti dgħajfa li huwa l-konsumatur huwa kkontrobilanċjat bir-rekwiżit ta’ kuntratt konkluż bejniethom, li minnu tirriżulta l-imsemmija prevedibbiltà.

58.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li ma hemmx lok li jiġu applikati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi li huma ddikjarati fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari fl-Artikolu 16(1) tiegħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-azzjoni li biha l-qorti tar-rinviju hija adita, jiġifieri meta l-konsumatur ikkonċernat ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-professjonist li huwa involut fil-kuntest ta’ azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens.

59.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li tinkludi l-Artikoli 15 sa 17 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex applikabbli għal azzjoni ġudizzjarja bħal din.

C.      Fuq il-possibbiltà, għal passiġġier li jkun suġġett għal dewmien ta’ titjira mixtrija fil-kuntest ta’ vjaġġ kollox kompriż li jaqa’ taħt id-Direttiva 90/314, li jħarrek lit-trasportatur tal-ajru li jopera fuq il-bażi tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (it-tielet domanda)

60.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk trasportatur tal-ajru li jopera għandux il-kwalità sabiex jiġi mħarrek minn passiġġier għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004, anki jekk dawn il-partijiet ma kkonkludewx kuntratt bejniethom u meta t-titjira inkwistjoni tkun inxtrat mingħand aġenzija tal-ivvjaġġar fil-kuntest ta’ vjaġġ kollox kompriż li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/314.

61.      Għalkemm dan huwa l-każ f’termini u fuq bażijiet li huma differenti, kemm il-Gvern Ċek (59) kif ukoll il-Kummissjoni (60) jipproponu li għandha tingħata risposta affermattiva għad-domanda magħmula. Jiena tal-fehma wkoll li għandha tingħata risposta fl-affermattiv u dan fid-dawl tal-elementi li ġejjin.

62.      Qabel kollox, nirrileva li d-domandi fformulati mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, fundamentalment, żewġ kwistjonijiet.

63.      Waħda tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 humiex fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera li jkun wettaq it-titjira inkwistjoni f’isem il-persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt mal-passiġġier (61) anki fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, din il-persuna biegħet lil dan tal-aħħar grupp ta’ servizzi tal-ivvjaġġar u mhux sempliċi trasport bl-ajru. F’dan ir-rigward, ser nillimita ruħi sabiex nindika li dan huwa effettivament il-każ fil-fehma tiegħi u nirreferi, f’dan is-sens, għall-kunsiderazzjonijiet dwar it-tagħlim li għandu jinsilet mis-sentenza flightright et li esponejt fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari (62). Bl-istess mod, il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq din is-sentenza (63), tqis li f’dan il-kuntest il-passiġġier jista’ jħarrek lit-trasportatur li jissodisfa obbligi liberament ikkonsentiti fir-rigward tal-aġenzija tal-ivvjaġġar li biegħet it-titjira li tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż.

64.      Il-kwistjoni l-oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju, li tippreżenta iktar diffikultajiet fil-fehma tiegħi, hija relatata mar-rabta bejn id-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 u dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 90/314 (64), f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

65.      Reċentement talba simili kienet is-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza Aegean Airlines (65), li kienet tirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, id-dritt għar-rimbors ta’ biljett tal-ajru mit-trasportatur tal-ajru li jopera fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, b’mod partikolari meta l-organizzatur tal-vjaġġi (66) jkun f’sitwazzjoni ta’ falliment. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni “li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 [(67)] għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li għandu, skont id-Direttiva 90/314, id-dritt li jikkuntattja lill-organizzatur tal-vjaġġi tiegħu sabiex jikseb ir-rimbors tal-biljett tal-ajru tiegħu, ma għandux iktar, għalhekk, il-possibbiltà li jitlob ir-rimbors ta’ dak il-biljett mingħand it-trasportatur tal-ajru abbażi ta’ dak ir-regolament, inkluż meta l-organizzatur tal-vjaġġi ma jkunx jista’ finanzjarjament jirrimborsa l-biljett u ma jkun ħa l-ebda miżura biex jiżgura dan” (68). Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni kienet meħtieġa għar-raġunijiet li esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi dwar din il-kawża (69).

66.      Nenfasizza li, f’din il-kawża, anki jekk id-domanda magħmula tkopri d-drittijiet kollha mogħtija lill-passiġġieri permezz tar-Regolament Nru 261/2004, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta (70) li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata speċifikament fuq l-Artikoli 6 u 7, li jistabbilixxu rispettivament il-kundizzjonijiet li fihom, f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu joffri lill-passiġġier assistenza skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 8 u 9 tiegħu, kif ukoll kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, konformement mal-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Sturgeon et, fejn id-dannu kkawżat minn titjira li kellha dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat, bħal f’dan il-każ, ġie pparagunat ma’ dak ikkawżat minn titjira kkanċellata. Għalhekk ser nesprimi ruħi, f’dawn il-konklużjonijiet, essenzjalment dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 imsemmija fid-dawl ta’ tali ċirkustanzi, iżda madankollu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet addizzjonali.

67.      Fir-rigward tal-formulazzjoni u tal-istruttura tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 261/2004, nirrileva li dan jinkludi ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-konnessjoni ta’ dan l-istrument mad-Direttiva 90/314. B’hekk, il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament tindika li l-protezzjoni żgurata minn dan tal-aħħar għandha tapplika wkoll għall-passiġġieri ta’ titjiriet li jagħmlu parti minn vjaġġi kollox kompriż li huma koperti mill-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(6) tal-imsemmi regolament jipprovdi li dan ma jippreġudikax id-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva 90/314 (71).

68.      Fir-rigward tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004, interpretat fis-sentenza Aegean Airlines, dan jipprovdi, b’mod speċifiku, li d-dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru li huwa previst fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu (72) japplika wkoll għall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż, minbarra fil-każ fejn tali dritt jirriżulta mid-Direttiva 90/314, anki jekk potenzjalment (73). Fl-imsemmija sentenza, wara li semmiet ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 261/2004 (74) u fakkret il-portata tal-Artikolu 3(6) tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-Artikolu 8(2) jimplika li d-drittijiet għar-rimbors tal-biljett, bis-saħħa ta’, rispettivament, dan ir-regolament u tad-Direttiva 90/314 (75), ma humiex kumulattivi, peress li tali kumulu huwa ta’ natura li jwassal għal protezzjoni żejda mhux iġġustifikata tal-passiġġier ikkonċernat, għad-detriment tat-trasportatur tal-ajru li jopera, peress li dan tal-aħħar jirriskja, f’dan il-każ, li jkollu jassumi parzjalment ir-responsabbiltà li għandu l-organizzatur tal-vjaġġi fir-rigward tal-klijenti tiegħu, bis-saħħa tal-kuntratt li dan ikun ikkonkluda ma’ dawn tal-aħħar (76).

69.      Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li l-interpretazzjoni tagħhom hija meħtieġa f’din il-kawża peress li huma applikabbli għal talba għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa minħabba dewmien twil ta’ titjira bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jinkludux riżerva espliċita fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/314 li hija ekwivalenti għal dik li tinsab fl-Artikolu 8(2) in fine ta’ dan ir-regolament, li hija limitata għat-talbiet għal rimbors tal-biljett tal-ajru (77).

70.      Fil-fehma tiegħi minn din id-differenza fil-formulazzjoni jirriżulta b’mod ċar li d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li jkopri kemm it-titjiriet ikkanċellati kif ukoll it-titjiriet imdewma b’mill-inqas tliet sigħat (78), huwa tabilħaqq applikabbli għal passiġġier li t-titjira tiegħu tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż, indipendentement mid-drittijiet għal rimbors jew għal kumpens mogħti mid-Direttiva 90/314, minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew minħabba l-eżekuzzjoni żbaljata tas-servizzi li huma s-suġġett tal-vjaġġ imsemmi kollox kompriż (79). Fi kliem ieħor, tali passiġġier jista’, fil-fehma tiegħi, jinvoka, fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jopera, id-dritt għal kumpens standardizzat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004 (80) u, fir-rigward tal-persuna li tkun biegħetlu l-vjaġġ kollox kompriż, id-dritt għal kumpens individwalizzat fuq il-bażi tad-Direttiva 90/314, li jammonta għad-differenza fil-valur bejn is-servizzi li kienu previsti fil-kuntratt tal-ivvjaġġar u dawk li kienu ġew ipprovduti fir-realtà.

71.      F’dan il-każ, id-dannu kkawżat mid-dewmien twil ta’ titjira, bħal dak invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jistax fih innifsu jaqa’ taħt dan l-aħħar tip ta’ kumpens, fil-fehma tiegħi, anki jekk il-ħin tat-titjira kkonċernata kien jinsab probabbilment fil-kuntratt konkluż bejn il-passiġġier u l-aġenzija tal-ivvjaġġar. Inqis li l-obbligu ta’ kumpens impost fuq l-organizzatur ta’ vjaġġi permezz tad-Direttiva 90/314 jista’, min-naħa l-oħra, ikun konsekuttiv għal tali dewmien jekk jiġi stabbilit li dan tal-aħħar eżegwixxa ħażin provvisti oħra li kienu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt kollox kompriż. Madankollu, kif diġà semmejt fil-kuntest tal-kawża Aegean Airlines (81), għandu jiġi evitat li kumpens żejjed ikun ir-riżultat tal-applikazzjoni konġunta tad-drittijiet għal kumpens offruti mir-Regolament Nru 261/2004 u mid-Direttiva 90/314, b’tali mod li, fil-fehma tiegħi, l-ammonti dovuti taħt dan ir-regolament għandhom eventwalment jiġu mnaqqsa minn dawk dovuti taħt din id-direttiva (82).

72.      Fir-rigward tal-kuntest storiku li jidħlu fih id-dispożizzjonijiet rilevanti hawnhekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aegean Airlines u konformement mal-osservazzjonijiet li għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi dwar il-kawża msemmija (83), nenfasizza li mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament iżda li jippermettilhom jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minnu filwaqt li tinżamm is-sistema suffiċjentement protettiva li kienet ġiet stabbilita preċedentement, favur dawn il-passiġġieri, mid-Direttiva 90/314. B’mod partikolari, id-dritt għal kumpens standardizzat li jirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta, evidentement, fost id-drittijiet essenzjali li ngħataw lill-passiġġieri tal-ajru minn dan l-istrument, fejn il-ħlas jiġi kopert mit-trasportatur tal-ajru li jopera (84), u fil-fehma tiegħi, fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 90/314 ma jeżistix dritt ekwivalenti fejn il-ħlas jiġi kopert mill-organizzatur tal-vjaġġi.

73.      Dejjem f’din il-perspettiva temporali, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-Direttiva 2015/2302, li ssostitwixxiet id-Direttiva 90/314 (85), peress li din id-direttiva l-ġdida dwar il-vjaġġi kollox kompriż tinkludi dispożizzjonijiet li jindikaw b’mod preċiż il-mod xieraq kif din għandha tinqara flimkien mar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward tad-drittijiet għal kumpens jew għal tnaqqis tal-prezzijiet previsti minnha (86). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-ammonti mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva 2015/2302, fil-każ ta’ eżekuzzjoni ħażina tas-servizzi tal-ivvjaġġar, u dawk mogħtija bis-saħħa ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni ċċitati, li fosthom hemm ir-Regolament Nru 261/2004, għandhom jitnaqqsu minn xulxin sabiex jiġi evitat kumpens żejjed. Kunsiderazzjonijiet simili jinsabu f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Nru 261/2004 li ġiet ippubblikata konsekuttivament wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2302 (87). Dan jindika, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni issa rrikonoxxa b’mod espliċitu li d-dritt għall-kumpens mogħti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ japplika għal passiġġieri li t-titjira tagħhom tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż.

74.      Fir-rigward tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti (88) mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan huwa intiż prinċipalment sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri anki jekk dan l-istrument huwa intiż ukoll sabiex jiżgura bilanċ bejn l-interessi tal-passiġġieri protetti u dawk tat-trasportaturi tal-ajru.

75.      Issa, il-fatt li l-kategoriji kollha ta’ passiġġieri tal-ajru, inklużi dawk li t-titjira tagħhom tifforma parti minn vjaġġ kollox kompriż, jibbenefikaw mid-dritt għal kumpens li jirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jissodisfa kompletament l-għan prinċipali tiegħu (89), mingħajr madankollu ma jippreġudika l-għan sekondarju tiegħu, peress li l-Artikolu 13 tar-regolament imsemmi jippermetti lit-trasportatur tal-ajru li jopera li jkun ħallas kumpens lil passiġġier bis-saħħa ta’ dan l-istrument jitlob kumpens, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, lil kull persuna li responsabbli min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi min-naħa ta’ dan it-trasportatur (90).

76.      Barra minn hekk fuq livell prattiku nosserva li b’differenza mid-diffikultajiet li huma kkawżati minn talba għal rimbors ta’ biljett tal-ajru bbażata fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, fejn it-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jsibha diffiċli sabiex jidentifika l-prezz tax-xiri tat-titjira meta dan jagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż mibjugħ minn terz (91), talba għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, fl-istess ċirkustanzi ta’ bejgħ, ma tiġġenerax tali problemi ta’ ċifri peress li l-ammont huwa hawnhekk dovut lill-passiġġier fil-forma ta’ somma f’daqqa u fuq il-bażi ta’ kriterji uniformi li jinsabu f’dan l-aħħar artikolu (92).

77.      nikkondividix il-fehma tal-Gvern Ċek li risposta affermattiva għat-tielet domanda preliminari għandha tkun limitata għall-każ fejn id-dewmien huwa imputabbli lit-trasportatur tal-ajru li jopera (93) minħabba li dan għandu jkollu l-possibbiltà li jeħles mir-responsabbiltà tiegħu jekk huwa jipprova l-eżistenza ta’ ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tiegħu (94). Min-naħa tiegħi, inqis li l-qofol ta’ din il-kwistjoni hija li jiġi ddeterminat jekk tali trasportatur jistax jiġi mħarrek għall-finijiet ta’ kumpens minn passiġġieri, u mhux il-kundizzjonijiet li fihom dan jista’ jiġi eżentat mill-obbligu li jikkumpensa lill-passiġġier li, bħala prinċipju, għandu bis-saħħa tar-Regolament Nru 261/2004.

78.      Għaldaqstant, inqis li hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier ta’ titjira mdewma bi tliet sigħat jew iktar għandu l-possibbiltà li jitlob kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, minkejja li dawn il-partijiet ma jkunux ikkonkludew kuntratt u li din it-titjira kienet tagħmel parti minn provvista ta’ servizzi kollox kompriż li taqa’ taħt id-Direttiva 90/314 u li għandha tiġi pprovduta bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn dan il-passiġġier u aġenzija tal-ivvjaġġar.

V.      Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-l’Obvodní soud pro Prahu 8 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 8):

1)      Il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens ippreżentata minn passiġġier kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera, minkejja li dawn il-partijiet ma kinux ikkonkludew kuntratt bejniethom u li din it-titjira kienet tagħmel parti minn pakkett ta’ servizzi pprovduti bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u terza persuna,

2)      Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li tinkludi l-Artikoli 15 sa 17 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex applikabbli għal azzjoni ġudizzjarja bħal din.

3)      L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier ta’ titjira mdewma bi tliet sigħat jew iktar għandu l-possibbiltà li jitlob kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, minkejja li dawn il-partijiet ma jkunux ikkonkludew kuntratt u li din it-titjira kienet tagħmel parti minn provvista ta’ servizzi kollox kompriż li taqa’ taħt id-Direttiva 90/314/KEE tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż, u li għandha tiġi pprovduta bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn dan il-passiġġier u aġenzija tal-ivvjaġġar.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7 Vol. 8, p. 10).


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 42).


4      Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 10, p. 132).


5      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


6      Ara l-punt 18 ta’ dwn il-konklużjonijiet.


7      F’dan ir-rigward, ara l-premessa 21 u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid‑19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU 2005 L 299, p. 62). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 5).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).


9      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009 (C‑402/07 u C‑432/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sturgeon et”, EU:C:2009:716), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li “l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar” (punt 69). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604, punt 19).


10      Fuq dan is-suġġett ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, peress li l-konvenuta ma dehritx quddiemha wara li kienet tħarrket, il-ġurisdizzjoni tagħha ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax din id-dispożizzjoni.


12      Nippreċiża li d-dritt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka minħabba dewmien ta’ titjira, li huwa bbażat fuq l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sturgeon et, jikkostitwixxi dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund, C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 45). Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li huma ssodisfatti, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li jinsabu fl-Artikolu 3 tiegħu. Fl-aħħar nett, huwa paċifiku, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li talba għal kumpens imressqa fuq il-bażi tas-sempliċi Regolament Nru 261/2004 għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund, C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 46, u tal‑11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 24, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guaitoli et, C-213/18, EU:C:2019:524, punti 32, 35 et seq.).


13      Anki jekk, fid-dawl tar-risposti proposti f’dawn il-konklużjonijiet, insegwi hawnhekk l-ordni ta’ analiżi ppreferita mill-qorti tar-rinviju, madankollu nosserva li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi jikkostitwixxu lex specialis, u għalhekk għandhom jiġu eżaminati minn qabel, meta mqabbla ma’ dawk relatati mal-materja kuntrattwali inġenerali (ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Engler, C‑27/02, EU:C:2005:33, punti 31 u 32).


14      Jekk tingħata risposta fin-negattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju għandha tiddikjara bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mhux minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, iżda minħabba n-nuqqas ta’ kwalità tal-konvenut.


15      Il-punt 1 ta-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“pakkett” bħala t-“tagħqid irranġat minn qabel ta’ mhux anqas minn tnejn minn dawnli ġejjin meta jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ bi prezz inklużiv umeta s-servizz ikopri perjodu ta’ aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl:
a) it-transport;
b) l-akkommodazzjoni;
c) servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinifikanti tal-pakkett”.


16      Is-sitwazzjoni tista’ tkun iktar kumplessa meta passiġġier jixtri vjaġġ fuq sit tal-internet, għaliex huwa possibbli li l-kontraent reali tiegħu tkun kumpannija oħra, jiġifieri l-vera organizzatriċi ta’ dan il-vjaġġ. Fuq il-kwistjonijiet kollha mqajma hawnhekk, ara, b’mod partikolari, Lambertye‑Autrand, M.-C. de, “Contrats de prestations touristiques et for de protection des consommateurs dans l’espace judiciaire européen – Excursion sur les terres du for de protection du consommateur dans l’espace judiciaire européen en compagnie d’un voyageur de tourisme” Mélanges offerts au professeur Pascale Bloch, Bruylant, Brussell, 2015, p. 381 sa 397.


17      Dawn ir-regoli għandhom natura speċjali sa fejn jidderogaw mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-regolament imsemmi, li jipprovdi li l-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.


18      Fuq il-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” iddefinit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et (C‑532/17, EU:C:2018:527, punti 17 sa 20), kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604, punt 23).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257, punt 40); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Corman‑Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 42), kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 31).


20      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 47), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens ibbażata fuq il-kuntratt konkluż mat-trasportatur tal-ajru li jopera u fuq ir-Regolament Nru 261/2004 hija dik, skont l-għażla tar-rikorrent, li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan, skont kif sar ftehim dwar dawn il-postijiet f’dan il-kuntratt.


21      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018 (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza flightright et”, EU:C:2018:160). Ninnota li din is-sentenza tiġi wara d-data meta ngħatat d-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża.


22      Għandu jiġi ppreċiżat li kull wieħed mill-imsemmija passiġġieri kien irriżerva titjira b’konnessjoni ma’ kumpannija tal-ajru, fejn din il-kumpannija assumiet biss waħda mill-porzjonijiet, filwaqt li trasportatur tal-ajru li jopera assuma l-oħra (ara s-sentenza flightright et, punti 22 sa 24, 37 u 64).


23      Ara s-sentenza flightright et (punti 58 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Minbarra s-sentenza flightright et, ara, fir-rigward tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li huwa ekwivalenti għall-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punti 38 sa 39 u 48), kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr (C‑25/18, EU:C:2019:376, punti 20 u 23 sa 26), fejn huwa mfakkar, b’mod partikolari, li l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija indispensabbli għall-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija, peress li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba kien ġie jew għandu jiġi eżegwit.


25      Ara s-sentenza flightright et (punti 66 sa 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni, jikkostitwixxi l-“post tat-twettieq ta’ l-obbligi” ta’ din it-titjira l-post tal-wasla tat-tieni titjira, meta t-trasport fuq iż-żewġ titjiriet jitwettaq minn trasportaturi tal-ajru differenti u r-rikors għal kumpens għad-dewmien twil ta’ din it-titjira b’konnessjoni, skont ir-Regolament Nru 261/2004, ikun ibbażat fuq inċident li seħħ fuq l-ewwel waħda mill-imsemmija titjiriet, imwettqa mit-trasportatur tal-ajru li ma huwiex il-kontraent tal-passiġġieri kkonċernati.


26      Din il-premessa tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra opportun li l-forum tad-domiċilju tal-konvenut, li bħala prinċipju huwa kompetenti skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament, għandu jiġi ssupplimentat minn fora oħra, li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija ġġustifikata mir-rabta stretta li teżisti bejn il-qorti u l-kawża jew mill-preokkupazzjoni li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel de Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punti 40 u 41), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punti 34 sa 36).


27      Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li d-differenzi fattwali li jeżistu bejn din il-kawża u l-kawżi magħquda li taw lok għas-sentenza flightright et (sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hawnhekk, minn naħa, xtrat il-biljett tal-ajru tagħha permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar u mhux mingħand kumpannija tal-ajru li magħha kkonkludiet kuntratt, u, min-naħa l-oħra, eżerċitat dritt għal kumpens għal titjira diretta, u mhux għal titjira b’waqfa) ma jipprekludux traspożizzjoni bħal din.


28      Konformement mad-dispożizzjonijiet dwar it-trasportatur tal-ajru li jopera titjira f’isem il-kontraent tal-passiġġier ikkonċernat li jinsabu fl-Artikolu 2(b) in fine, u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament.


29      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kuntratt konkluż mill-passiġġier ikkonċernat jgħaqqad il-vjaġġ u akkomodazzjoni huwa determinanti fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari (ara, rispettivament, il-punti 39 et seq. kif ukoll il-punti 60 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).


30      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2017:787, punti 52 sa 61).


31      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 43 sa 47); flightright et, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2019, Ryanair (C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 27). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guaitoli et (C‑213/18, EU:C:2019:524, punt 46)


32      Ninnota li, fl-aħħar tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ċek jipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, iżda huwa jindika preċedentement li, fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tista’ tkun ibbażata fuq l-imsemmi tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5, b’tali mod li għandu jipprevali l-post tal-provvista tas-servizz inkwistjoni, jiġifieri, konformement mal-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan.


33      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 30); tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 23), kif ukoll tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hobohm (C‑297/14, EU:C:2015:844, punti 23 u 24).


34      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jidhru li huma ssodisfatti f’dan il-każ, peress li, skont l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel nett, L. Králová aġixxiet bħala konsumatur finali privat, it-tieni nett, hija kkonkludiet kuntratt ma’ aġenzija tal-ivvjaġġar li, it-tielet nett, hija stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru fejn il-konsumatriċi hija ddomiċiljata, skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 44/2001.


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punti 35 sa 46).


36      Ara wkoll, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Ryanair (C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 29).


37      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi espressament każijiet fejn ġurisdizzjoni derivata tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ konvenut, iżda li ebda wieħed minn dawn il-każijiet (jiġifieri pluralità ta’ konvenuti, talba għal garanzija jew għal intervent jew sejħa ta’ persuna f’kawża, kontrotalba jew anki azzjoni fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem) ma seħħ hawnhekk.


38      Skont id-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi “jekk il-proċedura għall-finijiet ta’ kumpens [mibdija] kontra t-trasportatur tal-ajru għandhiex il-karatteristiċi ta’ relazzjoni li taqa’ taħt kuntratt konkluż ma’ konsumatur, skont ir-relazzjoni kuntrattwali prinċipali [eżistenti] bejn ir-rikorrent (il-konsumatur) u l-fornitur ta’ servizzi kollox kompriż, b’mod li huwa possibbli għall-konsumatur li jinvoka d-drittijiet potenzjali kollha tiegħu li jirriżultaw minn din ir-relazzjoni quddiem [l-istess qorti partikolari]”.


39      Espressjonijiet użati, rispettivament, fl-Artikolu 15(1), fl-Artikolu 15(2), fl-Artikolu 16(1) u (2) u fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 44/2001.


40      F’dan ir-rigward, ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger (C‑180/06, EU:C:2009:303, punti 52 et seq).


41      Fl-opinjoni tiegħi, dan il-kriterju tal-aħħar huwa konformi wkoll mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet imsemmija (ara, b’mod partikolari, il-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


42      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


43      Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 32), kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 45), l-enfasi hija tiegħi.


44      Għar-raġunijiet spjegati fil-punti 25 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Fuq in-natura derogatorja tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 4 msemmija u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom, ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013 (C‑478/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Maletic”, EU:C:2013:735, punt 32).


47      Fil-kawża msemmija, dan kien vjaġġ kollox kompriż mibjugħ minn aġenzija tat-turiżmu stabbilita fil-Ġermanja iżda organizzata minn kumpannija stabbilita fl-Awstrija, vjaġġ li wassal għal rikors ippreżentat minn koppja ta’ konsumaturi ddomiċiljati fl-Awstrija intiż għall-kundanna in solidum ta’ dawn iż-żewġ professjonisti (ara s-sentenza Maletic, punti 11 sa 14). Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tagħmel riferiment għall-analiżi magħmula min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), tinnota li, min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, l-ewwel nett, l-operatur li effettivament kellu jeżegwixxi s-servizz kontenzjuż kien inkarigat mhux mill-vjaġġ kollu kollox kompriż iżda mit-trasport biss u, it-tieni nett, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ħarrket biss professjonist wieħed.


48      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 33).


49      Fil-fatt, skont il-punt 29 tas-sentenza Maletic, “anki jekk operazzjoni waħda, bħal dik li wettqu l-[konsumaturi kkonċernati] li pprenotaw u ħallsu l-vjaġġ kollox inkluż tagħhom minn fuq is-sit tal-internet lastminute.com, tista’ tinqasam f’żewġ relazzjonijiet kuntrattwali distinti, min-naħa waħda, mal-aġenzija tal-ivvjaġġar online lastminute.com u, min-naħa l-oħra, l-organizzatur tal-vjaġġi TUI, din ir-relazzjoni kuntrattwali tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala ‘purament interna’ peress li hija marbuta b’mod inseparabbli mal-ewwel relazzjoni kuntrattwali, li seħħet permezz tal-intervent tal-imsemmija aġenzija tal-ivvjaġġar fi Stat Membru ieħor”.


50      Il-punti 30 u 31 tas-sentenza Maletic jgħidu li “l-għanijiet previsti fil-premessi 13 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li jikkonċernaw rispettivament il-protezzjoni tal-konsumatur bħala ‘parti l-inqas b’saħħitha’ fil-kuntratt kif ukoll it-tnaqqis ‘[ta]l-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri’[,] jipprekludu soluzzjoni li tippermetti azzjoni parallela [mill-konsumaturi kkonċernati, fi qrati differenti], permezz ta’ kawżi konnessi, ta’ żewġ operaturi involuti fil-prenotazzjoni u l-iżvolġiment tal-vjaġġ [kontenzjuż]”.


51      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punti 34 u 35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrent, bħala konsumatur, li akkwista obbligu lill-portatur [bearer bond] mingħand terz professjonist, mingħajr ma l-kuntratt ġie konkluż bejn dan il-konsumatur u l-persuna li ħarġet dan l-obbligu, ma jistax jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-finijiet tal-azzjoni ppreżentata kontra l-imsemmi emittent.


52      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tagħha stess tippermetti li, meta konsumatur jiddeċiedi li jressaq proċeduri legali kemm kontra l-aġenzija tal-ivvjaġġar kif ukoll kontra persuni oħra marbuta magħha, huwa jkun jista’ jinvoka quddiem qorti (waħda) d-drittijiet li huwa jibbenefika minnhom fir-rigward tal-obbligi kollha marbuta b’mod inseparabbli.


53      Fuq il-motivi preċiżi ta’ din il-protezzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 33), kif ukoll tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hobohm (C‑297/14, EU:C:2015:844, punt 31).


54      Dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni tinnota li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt mal-aġenzija tal-ivvjaġġar, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhiex neċessarjament tkun taf jekk din kinitx irrikorriet għal terzi sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha.


55      Ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hobohm (C‑297/14, EU:C:2015:844, punt 32), kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 27 u 43).


56      Infakkar li l-Artikolu 2(1), bħala prinċipju ġenerali, jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat.


57      Dwar ir-regoli applikabbli “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, ara l-punti 27 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar l-ewwel domanda preliminari. F’dan ir-rigward, nenfasizza li jidhirli li r-risposti affermativi li l-Kummissjoni tipproponi li għandhom jingħataw kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni domanda magħmula f’din il-kawża huma kontradittorji, sa fejn dawn ir-risposti jissuġġerixxu li azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku ta’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 5 kif ukoll taħt dik tal-imsemmija Sezzjoni 4, minkejja li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom natura ta’ lex specialis meta mqabbla ma’ dawk tal-punt 1 tal-Artikolu 5 msemmi (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


58      Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016 Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punti 29 sa 32), kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 45 u 46).


59      Dan il-gvern iqis li “[i]r-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira li tagħmel parti minn servizzi kollox kompriż, skont id-Direttiva [90/314], it-trasportatur tal-ajru jista’ jiġi mħarrek għall-finijiet tat-talba għall-kumpens tal-passiġġier bis-saħħa [ta’ dan ir-regolament], bil-kundizzjoni li t-titjira tkun ddewmet minħabba t-trasportatur tal-ajru” (enfasi miżjuda minni).


60      Skont il-Kummissjoni, “trasportatur tal-ajru li jopera, bħall-konvenuta [fil-kawża prinċipali], li ma kkonkludiex kuntratt ma’ passiġġier, bħar-rikorrenti [fil-kawża prinċipali], jista’ jiġi mħarrek għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mir-Regolament [Nru 261/2004]” (enfasi miżjuda minni).


61      Skont l-Artikolu 2(b), moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament.


62      Ara l-punti 34 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Iktar preċiżament b’riferiment għall-punti 62 u 63 u s-sentenza flightright et.


64      Nippreċiża li din il-kwistjoni ma tirriżultax mill-kliem tat-tielet domanda preliminari imma mill-motivi tad-deċiżjoni ta’ rinviju relatati magħha, fejn huma ċċitati d-Direttiva 90/314, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha li jipprevedi li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jagħmel parti minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż huwa responsabbli fil-konfront tal-konsumatur għall-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, anki meta dawn għandhom jiġu eżegwiti minn fornituri ta’ servizzi oħra, bħalma huwa hawnhekk it-trasportatur tal-ajru li jopera, bla ħsara għal azzjoni eventwali eżerċitata kontra dawn tal-aħħar.


65      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019 (C‑163/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aegean Airlines”, EU:C:2019:585).


66      Iddefinit, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/314, bħala l-“persuna li, barra milli darba fil, jorganizza pakketti u jbigħhom jew joffrihom għall-bejgħ, kemm jekk direttament kifukoll jekk permezz ta’ bejjiegħ”.


67      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jgħid fil-paragrafu 1(a) tiegħu li fejn “referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti [b’mod partikolari] rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti […] titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunità”. Dan l-Artikolu 8 jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[i]l-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn package, ħlief għad-dritt għal rimbors fejndan id-dritt iqum taħt id-Direttiva 90/314/KEE.”


68      Sentenza Aegean Airlines (punt 44).


69      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (C‑163/18, iktar ’il quddiem “il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines”, EU:C:2019:275, punti 35 sa 67).


70      Ara l-punti 16 sa 18 u n-nota fil-qiegħ tal-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      L-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 261/2004 jżid, l-istess bħall-premessa 16 tiegħu, li dan “ir-Regolament m’għandux japplika f’każijiet fejn package tour hu kkanċellat għal raġunijiet barra minn kanċellazzjoni tat-titjira”. Madankollu, ninnota li huwa biss id-dewmien twil ta’ titjira li tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż, u mhux il-kanċellazzjoni ta’ tali vjaġġ kollox kompriż, li jinsab inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


72      Dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru disponibbli, b’mod partikolari, għall-passiġġier li jkun ġarrab dewmien ta’ mill-inqas ħames sigħat, konformement mal-punt (iii) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 261/2004, li jirreferi għall-Artikolu 8(1)(a) tiegħu.


73      Skont il-punt 31 tas-sentenza Aegean Airlines, “[m]inn dan il-kliem ċar tal-Artikolu 8(2) jirriżulta li s-sempliċi eżistenza ta’ dritt għal rimbors, li jirriżulta mid-Direttiva 90/314, hija biżżejjed biex teskludi l-possibbiltà li passiġġier, li t-titjira tiegħu tkun tifforma parti minn vjaġġ kollox kompriż, jista’ jitlob rimbors tal-biljett tiegħu, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera”.


74      Fuq dan is-suġġett ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi “[j]ekk il-konsumatur jirtira mill-kuntratt [ta’ vjaġġ kollox kompriż], jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, ħlief waħda li tkun tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett qabel id-data tat-tluq, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt:
a) li jew jieħu pakkett ieħor minflok ta’ l-istess kwalità jew kwalità ogħla meta l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun jista’ joffrilu sostitut bħal dan. Jekk il-pakkett tas-sostituzzjoni li jingħata jkun ta’ kwalità aktar baxxa, l-organizzatur għandu jagħti lura d-differenza fil-prezz lill-konsumatur;
b) jew li jitħallas lura malajr kemm jista’ jkun s-somom kollha li jkun ħallas skond il-kuntratt”.


76      Ara s-sentenza Aegean Airlines (punti 32 sa 34), fejn isir riferiment, f’dan ir-rigward, għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (punti 43 u 44 kif ukoll punt 64).


77      Fuq in-natura derogatorja tar-riżerva li tinsab fl-imsemmi Artikolu 8(2) ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (punti 50 u 51).


78      Konformement mas-sentenza Sturgeon et (punt 69).


79      Fil-każ ta’ xoljiment jew ta’ annullament tal-kuntratt tal-ivvjaġġar, minbarra d-dritt għar-rimbors previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 90/314 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet), huwa previst dritt għal kumpens minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 6. Meta ma tiġix ipprovduta “parti sinifikanti tas-servizzi miftiehma”, huwa previst dritt għal kumpens minħabba eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt, fl-imsemmi Artikolu 4(7), “għad-differenza bejn is-servizzi offruti u dawk mogħtija.”. It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw il-limiti li l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt. Ara, ukoll, il-premessi 16 sa 19 tal-imsemmija direttiva.


80      Dwar is-sistema ta’ kumpens, standardizzat u immedjat, peress li ġie stabbilit bir-Regolament Nru 261/2004, ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guaitoli et (C‑213/18, EU:C:2019:524, punti 36 et seq. kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu (C‑354/18, EU:C:2019:637, punt 28).


81      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (punti 63 u 64).


82      Fuq id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw espressament dan is-suġġett li jidhru, issa, fid-Direttiva 2015/2302, ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fit‑13 ta’ Marzu 2013 għall-finijiet ta’ emenda tar-Regolament Nru 261/2004 (COM (2013) 130 final), il-premessa 6 u l-Artikolu 3(6) emendat, li jipprovdi, minn naħa, li r-Regolament Nru 261/2004 japplika wkoll għall-passiġġieri ttrasportati skont il-kuntratti ta’ vjaġġi kollox kompriż iżda ma jippreġudikax id-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva 90/314, min-naħa l-oħra, li l-passiġġier għandu d-dritt li jressaq ilmenti fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament u taħt din id-direttiva, iżda ma jistax, għall-istess fatti, jakkumula drittijiet bis-saħħa taż-żewġ atti leġiżlattivi fil-każ fejn id-drittijiet jippreżervaw l-istess interess jew għandhom l-istess għan u, fl-aħħar nett, li dan ir-regolament ma japplikax meta vjaġġ kollox kompriż jiġi annullat jew imdewwem għal raġunijiet minbarra l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira.


83      Ara s-sentenza Aegean Airlines (punt 32), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (punti 40 sa 46 u s-sorsi ċċitati).


84      Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Pożizzjoni Komuni adottata mill-Kunsill fit‑18 ta’ Marzu 2003 (ĠU 2003, C 125 E, p. 70) u f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2003 [SEC(2003) 361 final, p. 3], ġie enfasizzat li l-impożizzjoni tal-obbligi ta’ kumpens u ta’ assistenza li jirriżultaw mir-Regolament Nru 261/2004 futur fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera kienet tikkostitwixxi soluzzjoni sempliċi u prattika, peress li huwa ġeneralment jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżgura li t-titjiriet jiżvolġu konformement mal-ippjanar u jkun preżenti fl-ajruporti.


85      Anki jekk ma hijiex applikabbli f’dan il-każ (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


86      Fil-fatt, il-premessa 36 u l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/2302 jiddikjaraw, minn naħa, li d-drittijiet għal kumpens jew għal tnaqqis fil-prezz previsti minn din id-direttiva ma jippreġudikawx id-drittijiet tal-passiġġieri fuq il-bażi – fost oħrajn – tar-Regolament Nru 261/2004, min-naħa l-oħra, li l-vjaġġaturi għandhom id-dritt li jressqu lmenti fuq il-bażi kemm ta’ din id-direttiva kif ukoll ta’ dan ir-regolament u, fl-aħħar nett, li l-kumpens għad-danni jew it-tnaqqis tal-prezz mogħti skont id-direttiva msemmija u l-kumpens jew it-tnaqqis tal-prezz mogħti skont ir-regolament imsemmi għandhom jitnaqqsu minn xulxin sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed.


87      Ara l-komunikazzjoni dwar il-Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament Nru 261/2004, ippubblikat fil‑15 ta’ Ġunju 2016 (ĠU 2016, C 214, p. 5), speċifikament it-Taqsima 2.2.6, intitolata “Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament fir-rigward tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox inkluż”.


88      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Aegean Airlines (punt 38), minbarra l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (punti 58 et seq., kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


89      Fuq il-vantaġġi li jirriżultaw lill-passiġġieri koperti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu (C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 26 sa 31).


90      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604, punt 31). Dwar il-qsim tar-responsabbiltà u tal-ispejjeż inerenti għall-kumpens imħallas mit-trasportatur tal-ajru li jopera f’każ ta’ dewmien twil, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2011, “Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport (COM (2011) 898 final, p. 12, punt 7.1)


91      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aegean Airlines (punt 66).


92      Madankollu, ma niċħadx li s-sistema leġiżlattiva li tirriżulta mill-kombinazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u dawk tad-Direttiva 90/314, qabel il-kjarifiki magħmula mid-Direttiva 2015/2302, ma hijiex iktar faċli biex timplimenta għal passiġġier li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ vvjaġġar ma’ kumpannija, hawnhekk l-aġenzija tal-ivvjaġġar, iżda li jkollu jitlob kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mingħand kumpannija oħra, jiġifieri t-trasportatur tal-ajru li jopera (ara wkoll Lambertye-Autrand, M.‑C. de, op. cit. nota 16, p. 397, punt 29).


93      Ara t-tweġiba ta’ dan il-gvern iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


94      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ċek jirreferi għas-sentenza Sturgeon et (punt 69 in fine), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dewmien ta’ titjira ta’ mill-inqas tliet sigħat “ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv”.