Language of document : ECLI:EU:F:2015:87

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

15 ta’ Lulju 2015

Kawża F‑35/15

Fernando De Esteban Alonso

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Proċeduri kriminali quddiem qorti nazzjonali – Kostituzzjoni parti ċivili tal-Kummissjoni – Rikors manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, imressaq bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-trattat KEEA skont l-Artikolu 106A, li bih F. De Esteban Alonso jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, tal-21 ta’ Novembru 2014, li tiċħad l-ilment li huwa kien ippreżenta kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2014, li tiċħad it-talba tiegħu għal assistenza bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem ir-“Regolamenti”). Huwa jitlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi provviżorjament ikkundannata tħallsu l‑ammont ta’ EUR 17 242.51.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. F. De Esteban Alonso għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni – Portata – Limiti – Proċeduri kriminali kontra uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

1.      L-għan tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal impjegati jingħataw sigurtà għall-preżent u l-futur, bil-għan li, fl-interess ġenerali tas-servizz, ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli. Id-dmir ta’ assistenza ta’ istituzzjoni huwa għaldaqstant intiż kemm għall-protezzjoni tal-persunal tagħha kif ukoll biex tipproteġi l-interessi tagħha u għalhekk huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni ta’ komunità ta’ interessi. Għalhekk l-amministrazzjoni ma tistax tkun meħtieġa li tassisti uffiċjal issuspettat li serjament kiser l-obbligi professjonali tiegħu u bħala tali suġġett għal proċeduri dixxiplinari. Bl-istess mod, l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-amministrazzjoni li tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa meta hija tkun fil-preżenza ta’ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz. Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ assistenza stabbilit mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi d-difiża tal-uffiċjali, mill-istituzzjoni tagħhom, kontra l-azzjonijiet ta’ terzi u mhux kontra l-atti li jirriżultaw mill-amministrazzjoni stess, li huma rregolati minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, f’kuntest karatterizzat bil-preżenza tal-istituzzjoni bħala parti ċivili fi proċeduri kriminali kontra uffiċjal mill-awtoritajiet nazzjonali għal atti li x’aktarx jikkostitwixxu frodi lill-baġit Komunitarju, l-istituzzjoni tkun qed issegwi interess li jmur kontra dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Għaldaqstant, u jkun liema jkun ir-rwol allegat ta’ terzi f’din il-proċedura, l-istituzzjoni tista’, mingħajr ma tikser l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, tirrifjuta li tassisti l-imsemmi uffiċjal fil-prosekuzzjonijiet kriminali li jinfetħu kontrih u minħabba atti adottati jew akkużi magħmula fil-kuntest tal-istess.

(ara l-punti 32 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il‑Kummissjoni, 178/80, EU:C:1981:310, punt 23; u tat-12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il-Kummissjoni, 229/84, EU:C:1986:241, punt 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il-Kummissjoni, T‑67/99, EU:T:2000:169, punt 35

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑75/09, EU:F:2010:150, punt 49; tal-20 ta’ Lulju 2011, Gozi vs Il-Kummissjoni, F‑116/10, EU:F:2011:124, punt 12; u tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il-Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, li kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑309/15 P

2.      Il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta l-att ikkontestat ikun ġie adottat. Dan il-prinċipju tal-kontenzjuż jimplika li kwalunkwe żvilupp sussegwenti favorevoli għall-partijiet ikkonċernati ma jistax, fi kwalunkwe każ, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dak l-att.

(ara l-punt 34)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il-Parlament, T‑229/11 u T‑276/11, EU:T:2013:127, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Għalkemm il-motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju għandu juri b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni kkonċernata, hija għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex, barra minn hekk, meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att hijiex suffiċjenti għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha.

Minn dan isegwi li motivazzjoni hija suffiċjenti meta hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni, b’mod li l-amministrazzjoni ma tkunx obbligata tagħti l-motivi għall-motivi tagħha.

Fi kwalunkwe każ, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun adegwata, iżda mhux eżawrjenti u huwa biżżejjed li l-amministrazzjoni tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. Għalhekk, l-ineżattezza tal-element ta’ motivazzjoni ma huwiex ta’ natura deċiżiva u ma jaffettwax il-validità tal-att inkwistjoni.

(ara l-punti 38, 39 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-25 ta’ Novembru 1976, Küster vs Il-Parlament, 123/75, EU:C:1976:162, punt 33; u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 70

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, EU:T:2007:207, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il‑Kummissjoni, F‑80/10, EU:F:2011:172, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tas- 6 ta’ Marzu 2013, Scheefer vs Il-Parlament, F‑41/12, EU:F:2013:31, punt 30