Language of document : ECLI:EU:C:2014:2443

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2014 (1)

Kawża C‑352/13

CDC Cartel Damage Claims (CDC) Hydrogen Peroxide SA

vs

Evonik Degussa GmbH,

Akzo Nobel NV,

Solvay SA,

Kemira Oyj,

Arkema France SA,

FMC Foret SA,

Chemoxal SA,

Edison SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Dortmund (il-Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kompetenzi speċjali — Azzjoni għall-finijiet ta’ informazzjoni u kumpens kontra kumpanniji ddomiċiljati fi Stati Membri differenti li jkunu pparteċipaw f’diversi postijiet u mumenti f’akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Artikolu 6(1) — Kompetenza f’każ ta’ għadd ta’ konvenuti — Riskju ta’ deċiżjonijiet irrikkonċiljabbli — Irtirar tal-kawża fir-rigward tal-uniku konvenut iddomiċiljat fl-Istat Membru fejn tkun tinsab il-qorti adita — Żamma tal-ġurisdizzjoni — Abbuż ta’ dritt — Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort — Kunċett tal-‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq’ — Ġurisdizzjoni fir-rigward tal-kokonvenuti kollha għad-danni kollha invokati bbażata fuq kull post fit-territorju tal-Istati Membri fejn l-akkordju illeċitu jkun ġie konkluż u implementat — Artikolu 23 — Klawżoli ta’ ġurisdizzjoni — Klawżoli ta’ arbitraġġ — Effett tal-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbilit bid-dritt tal-Unjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mil-Landgericht Dortmund (qorti reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(3) u 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), kif ukoll, aspett mingħajr preċedent, l-interazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji ewlenin tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni relatati mal-Artikolu 101 TFUE.

2.        Din t-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni għall-finijiet ta’ informazzjoni u kumpens ippreżentata quddiem l-imsemmija qorti Ġermaniża minn rikorrent stabbilit fil-Belġju kontra diversi kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati Membri — li fosthom waħda biss hija stabbilita fil-Ġermanja — li kienu pparteċipaw fi ksur li ġie ddikjarat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, kuntrarju għall-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) kif ukoll kontra l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (3).

3.        Peress li l-partijiet ma qablux dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar titlob l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn tliet perspettivi ewlenin.

4.        Fl-ewwel lok, hija tistaqsi dwar l-applikabbiltà f’kawża bħall-kawża prinċipali tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, li jawtorizza estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-forum b’mod li hija tkun tista’ tiddeċiedi wkoll dwar talbiet relatati ma’ konvenuti oħrajn apparti dak li huwa stabbilit fit-territorju tiegħu, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet irrikkonċiljabbli. Fuq bażi komplementari, din il-kwistjoni hija mqajma fil-każ partikolari fejn, bħal f’din il-kawża, ir-rikorrent ikun irtira l-azzjoni tiegħu fil-konfront tal-uniku kokonvenut stabbilit fl-Istat Membru fejn il-qorti adita tkun stabbilita, li jista’ jiġi kkwalifikat bħala l-“konvenut ta’ ankraġġ” inkwantu l-ġurisdizzjoni tal-forum tkun tista’ tiġi bbażata fuqu biss.

5.        Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija jekk il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, skont dik id-dispożizzjoni, għandux jinftiehem fis-sens li jippermetti li dik il-ġurisdizzjoni tintrabat, fir-rigward tal-konvenuti kollha u għad-danni allegati kollha, ma’ kull wieħed mid-diversi postijiet tal-Istati Membri fejn l-akkordju illeċitu jkun ġie konkluż u/jew implementat u fejn il-libertà ta’ għażla tax-xerrejja tkun tinsab limitata skont ir-rikorrent.

6.        Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju donnha titlaq mill-premessa li wħud mill-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni, li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I, u/jew klawżoli ta’ arbitraġġ li huma invokati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali jkopru d-drittijiet ta’ kumpens mitluba f’din il-kawża. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara jekk, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbilit fl-Artikolu 101 TFUE jistax jipprekludi li dawk il-klawżoli jiġu invokati kontra r-rikorrent għad-danni meta l-azzjoni tkun tressqet quddiem waħda mill-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 5(3) u/jew 6(1) tar-Regolament Brussell I.

7.        Għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża hija l-ewwel waħda fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba biex tiddeċiedi direttament dwar l-artikolazzjoni bejn, minn naħa waħda, dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jiggarantixxu kompetizzjoni libera fi ħdan l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, u dan fl-okkażjoni ta’ kawża li l-karatteristika speċifika tagħha hija li tirrigwarda akkordju ta’ dimensjoni kbira peress li jikkonċerna għadd kbir ta’ parteċipanti u vittmi u li ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern kollu.

8.        Mill-ewwel, nippreċiża li jidhirli li r-Regolament Brussell I, li l-għan tiegħu huwa li joħloq sistema ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifikament għall-Unjoni għal kwistjonijiet transkonfinali f’materji ċivili u kummerċjali, ma huwiex adattat perfettament biex jiżgura implementazzjoni privata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (jew “private enforcement”, skont it-terminu li normalment jintuża f’dan il-qasam) (4) li tkun effikaċi f’każ bħal dan li għandna quddiemna.

9.        Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tista’ twassal għal tqassim territorjali tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri li joħloq riskju, minn naħa waħda, li ma jkunx adegwat mill-perspettiva tal-portata ġeografika tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li jkun iktar diffiċli għall-vittmi ta’ restrizzjonijiet illeċiti tal-kompetizzjoni li jfittxu u jiksbu kumpens sħiħ tad-danni li jkunu ġarrbu. B’hekk jidhirli li huwa possibbli li l-awturi ta’ dawk ir-restrizzjonijiet jużaw dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat b’mod li tinħoloq sitwazzjoni fejn il-konsegwenzi fid-dritt ċivili ta’ ksur uniku u serju tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandhom jiġu ddeterminati fil-kuntest ta’ serje ta’ proċeduri mferrxa fost id-diversi Stati Membri.

10.      Il-konklużjoni ġenerali li niġbed minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija li, de lege ferenda, minħabba l-partikolarità tar-riperkussjonijiet li jista’ jkollhom prattiki antikompetittivi transkonfinali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili — b’mod speċjali meta dawn ikunu kumplessi bħal fil-kawża prinċipali —, fil-fehma tiegħi jkun tajjeb jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jikkunsidra li jdaħħal fir-Regolament Brussell I regola dwar il-ġurisdizzjoni speċifika għal dawn il-prattiki (5), bħar-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet li hija ddikjarata b’mod speċifiku għall-obbligi li jirriżultaw minn atti antikompetittivi li hija stabbilita fir-Regolament magħruf bħala “Ruma II” (6).

II – Il-kuntest ġuridiku

11.      Skont il-premessi 11, 12, 14 u 15 tar-Regolament Brussell I:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra [ikunu prevedibbli] minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(14)      L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn assigurazzjoni, konsumatur jew kuntratt ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament.

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoni[zz]ata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

12.      L-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Brussell I jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

13.      Il-kapitolu II tal-imsemmi regolament jistabbilixxi serje ta’ regoli dwar il-kompetenza ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. L-Artikolu 2(1) tiegħu jistabbilixxi l-prinċipju li “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

14.      Fit-Taqsima 2 tal-istess kapitolu, dwar il-“Ġurisdizzjoni speċjali”, l-Artikolu 5(3) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li “[p]ersuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija [...] f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

15.      Fl-istess taqsima, l-Artikolu 6(1) jipprovdi li “[p]ersuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

16.      L-Artikolu 23(1) u (5), li jinsab fit-Taqsima 7 tal-istess kapitolu, bit-titolu “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, huwa fformulat hekk:

“1.      Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, [dik] il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. […]

[…]

5. Ftehim [… ]li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn ikunu kuntrarji għal l-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      L-azzjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2006 (7) li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li diversi kumpanniji li jipprovdu l-perossidu tal-idroġenu u/jew perborat tas-sodju (8) kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu kontra l-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li abbażi tagħha wħud minn dawk il-kumpanniji ġew ikkundannati biex iħallsu multi (9).

18.      L-imsemmija deċiżjoni indikat li l-perijodu ta’ ksur ikkonstatat kien bejn il-31 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2000 u li dan kien ikopri t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). L-akkordju inkwistjoni kien jikkonsisti, prinċipalment, fi skambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri dwar il-prezzijiet u l-volumi tal-bejgħ, akkordji dwar il-prezzijiet u dwar it-tnaqqis tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, kif ukoll dwar is-sorveljanza tal-implementazzjoni ta’ ftehimiet antikompetittivi. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dawn il-prattiki ta’ kollużjoni kienu jaqgħu fil-kuntest ta’ laqgħat u ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi li nżammu fil-Belġju, fi Franza u fil-Ġermanja u li l-awturi tal-ksur ipparteċipaw għalihom b’diversi modi iżda filwaqt li kienu konxji min-natura illegali tal-atti moħbija tagħhom li kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

19.      Cartel Damage Claims CDC Hydrogen Peroxide SA (iktar ’il quddiem “CDC”) hija kumpannija stabbilita fil-Belġju bil-għan li tasserixxi d-drittijiet għad-danni li ġew ittrasferiti lilha, direttament jew indirettament, minn uħud mill-impriżi li allegatament ġarrbu danni fil-kuntest tal-imsemmi ksur (10).

20.      B’att tas-16 ta’ Marzu 2009, CDC ippreżentat kawża għad-danni, quddiem il-Landgericht Dortmund, in solidum kontra sitta mill-kumpanniji ssanzjonati mill-Kummissjoni, li kienu ddomiċiljati f’diversi Stati Membri, filwaqt li ġie ppreċiżat li waħda biss fosthom kienet stabbilita fl-Istat tal-forum, jiġifieri Evonik Degussa GmbH (iktar ’il quddiem “Evonik Degussa”), li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Essen (il-Ġermanja) (11).

21.      F’Settembru 2009, wara li l-konvenuti kollha fil-kawża prinċipali ġew innotifikati bit-taħrika tagħhom iżda qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat għall-preżentata tar-risposti tagħhom u l-bidu tal-proċedura orali, CDC abbandunat il-kawża tagħha kontra din il-kumpannija Ġermaniża, minħabba ftehim bonarju. Fit-tmiem tas-sena 2009, il-konvenuti li kienu għadhom partijiet fil-kawża talbu l-intervent ta’ Evonik Degussa kif ukoll ta’ żewġ kumpanniji oħrajn imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (12).

22.      CDC argumentat li, bejn l-1994 u l-2006, l-impriżi li ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom kienu xtraw mingħand fornituri li pparteċipaw fl-akkordju illeċitu kwantitajiet kunsiderevoli ta’ perossidu tal-idroġenu li kienu ġew ikkonsenjati fuq bażi kuntrattwali, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE.

23.      Filwaqt li oġġezzjonaw li wħud mill-kuntratti ta’ kunsinna kienu jinkludu klawżoli ta’ arbitraġġ u klawżoli ta’ għażla tal-forum, il-konvenuti fil-kawża prinċipali lkoll qajmu eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

24.      Il-Landgericht Dortmund ikkunsidrat li l-ġurisdizzjoni tagħha setgħet tkun ibbażata biss fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6(1) u 5(3) tar-Regolament Brussell I, sakemm ma tkunx eskluża b’mod validu permezz ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament, jew klawżola ta’ arbitraġġ. F’dan il-kuntest, b’deċiżjoni ppreżentata fis-26 ta’ Ġunju 2013, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1      a)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Brussell I] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenut stabbilit fl-Istat tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni u konvenuti stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jintalbu in solidum, fil-kuntest ta’ kawża, jipprovdu informazzjoni u jħallsu kumpens għad-danni fir-rigward ta’ ksur uniku u kontinwu li pparteċipaw fih f’numru ta’ Stati Membri f’postijiet u fi żminijiet differenti (fejn dan il-ksur tal-Artikolu 81 KE/Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ikun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea), hemm lok li [dawn it-talbiet jinstemgħu u jiġu deċiżi] fl-istess ħin sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk jiġu deċiżi separatament?

b)      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li l-kawża mibdija kontra l-konvenut stabbilit fl-Istat tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni kienet is-suġġett ta’ rinunzja għall-atti wara n-notifika tal-kawża lill-konvenuti kollha u qabel l-iskadenza tat-terminu previst mill-qorti għar-risposta u qabel il-bidu tal-ewwel seduta?

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Brussell I] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea jintalbu, fil-kuntest ta’ kawża, jipprovdu informazzjoni u jħallsu kumpens għad-danni fir-rigward ta’ ksur uniku u kontinwu li pparteċipaw fih f’numru ta’ Stati Membri f’postijiet u fi żminijiet differenti (fejn dan il-ksur tal-Artikolu 81 KE/Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ikun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea), il-fatt dannuż seħħ, fir-rigward ta’ kull konvenut u għad-danni kollha invokati jew għad-dannu totali, fl-Istati Membri li fihom l-akkordji ġew konklużi u implementat?

3)      Fil-każ fejn id-danni jintalbu, fil-kuntest ta’ kawża, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE/Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (projbizzjoni ta’ akkordji), il-prinċipju ta’ implementazzjoni effettiva tal-projbizzjoni ta’ akkordji fid-dritt tal-Unjoni jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli ta’ arbitraġġ u l-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni stipulati fil-kuntratti ta’ kunsinna meta, għall-konvenuti kollha u/jew għad-drittijiet invokati kollha jew għal parti minnhom, tali teħid inkunsiderazzjoni jkollu l-effett ta’ deroga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u/jew fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Brussell I]?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn CDC, minn Evonik Degussa biss dwar il-punt b) tal-ewwel domanda, minn Akzo Nobel, Solvay, Kemira, FMC Foret u Edison, mill-Gvern Franċiż biss dwar it-tielet domanda, kif ukoll mill-Kummissjoni. B’ittra tas-26 ta’ Awwissu 2013, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li CDC kienet irtirat l-azzjoni tagħha fil-konfront ta’ Arkema France. Ma sarux seduti ta’ sottomissjonijiet orali.

IV – Analiżi

A –    Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

26.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjonijiet ġenerali f’din il-kawża, nixtieq nenfasizza li r-Regolament Brussell I fih innifsu ma huwiex intiż biex jimplementa r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Kif jindikaw, b’mod partikolari, il-premessi 1, 2 u 6 tiegħu, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jippromwovi “l-operat tajjeb tas-suq intern” u li jiġi żgurat “il-moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”, billi jinħoloq qafas unifikat għall-kawżi dwar din il-kwistjoni f’dak li jirrigwarda kemm it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn tal-aħħar.

27.      Madankollu, jidhirli li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I għandhom jippermettu li tiġi ppreżervata l-effikaċja sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, li għandhom importanza essenzjali għas-suq intern u jikkostitwixxu element primordjali tal-kostituzzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea (13) għaliex, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 101 TFUE, huwa “dispożizzjoni fundamentali indispensabli għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Komunità u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern” (14). Barra minn hekk, ir-regoli proċedurali tad-dritt tal-Unjoni għandhom, b’xi mod, jitqiegħdu għas-servizz tar-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li dawn tal-ewwel huma strument li jippermetti li jsiru tanġibbli d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni privati u pubbliċi, b’mod partikolari mill-perspettiva tad-dritt għal rikors effettiv u għal smigħ xieraq li huwa kkristalizzat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (15).

28.      F’dan ir-rigward, hemm lok, qabel xejn, li jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw taħt id-dritt ċivili minn tort li jikkonsisti fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE mwettaq minn diversi kumpanniji stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri differenti u fejn għadd kbir tal-vittmi huma ddomiċiljati wkoll f’diversi Stati Membri.

29.      Fil-fatt, l-emerġenza ta’ atturi ġudizzjarji bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li għandhom l-iskop li jiġbru flimkien assi bbażati fuq drittijiet ta’ kumpens li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (16), jidhirli li tindika li, f’każijiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni iktar kumplessi, ma huwiex raġonevoli għall-vittmi li jfittxu huma stess u individwalment lid-diversi awturi ta’ restrizzjoni ta’ dak it-tip (17).

30.      Sussegwentement, infakkar li l-għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ akkordju kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi għal dawn tal-aħħar prerogattiva li s-sustanza essenzjali tagħha hija rregolata minn dan id-dritt skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Courage u Crehan (18) u Manfredi et (19) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE). Dan jgħodd kemm għall-eżistenza tal-imsemmija prerogattiva kif ukoll għall-portata materjali essenzjali tagħha, li tinkludi, b’mod partikolari, il-possibbiltà għall-persuni li jkunu ġarrbu dannu li jirċievu kumpens li jkopri mhux biss it-telf li jkunu sofrew (damnum emergens) iżda wkoll il-profitti li jkunu tilfu (lucrum cessans) minħabba dak l-akkordju, minbarra l-ħlas tal-interessi (20).

31.      Madankollu, kif argumentat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jitqies l-istat ta’ żvilupp tad-dritt tal-Unjoni, il-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt għal kumpens sħiħ jibqgħu f’idejn l-Istati Membri, kemm-il darba josservaw il-prinċipju tal-ekwivalenza u l-prinċipju ta’ effettività li huma ddikjarati fl-imsemmija ġurisprudenza (21). Dik iż-żamma tal-kompetenza regolatorja tal-leġiżlaturi nazzjonali f’dan il-qasam tgħodd, b’mod partikolari, għar-regoli proċedurali, iżda ma għadhiex tgħodd għar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet, għaliex il-“liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn restrizzjoni ta’ kompetizzjoni” issa hija ddeterminata b’mod vinkolanti mir-Regolament Ruma II (22).

32.      B’analoġija, il-prinċipju ta’ effettività tar-rikorsi għal kumpens stabbilit b’dan il-mod għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandu fil-fehma tiegħi jispira a fortiori l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, fis-sens li dan, bħala att tad-dritt sekondarju adottat mill-Unjoni nfisha, ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħmel il-konkretizzazzjoni tal-imsemmija prerogattiva, li hija mogħtija fuq il-bażi tad-dritt primarju, impossibbli fil-prattika jew wisq diffiċli fil-kuntest ta’ akkordju illeċitu transkonfinali (23).

33.      Fit-tieni lok, nenfasizza li huwa stabbilit, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li azzjoni ġudizzjarja li, bħal dik f’din il-kawża, tkun intiża biex tikseb kumpens min-naħa ta’ impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 101 TFUE, hija tabilħaqq “materja ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell I (24).

34.      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, inkwantu r-Regolament Brussell I issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (25) (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar tgħodd ukoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (26).

35.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li tali ekwivalenza hija akkwistata minn kull waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I ikkonċernati b’din it-talba għal deċiżjoni preliminari — jiġifieri l-Artikoli 5(3), 6(1), u 23(1) tiegħu —, peress li l-kontenut tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjoni ta’ Brussell — jiġifieri l-Artikolu 5(3), 6(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tiegħu — huwa ta’ mill-inqas simili fis-sustanza, jew identiku (27).

36.      Fir-raba’ lok, infakkar li b’mod konformi mal-għanijiet tal-konvenzjoni ta’ Brussell, li huma wkoll dawk tar-Regolament Brussell I, minn naħa waħda għandha kemm jista’ jkun tiġi evitata l-multiplikazzjoni ta’ bażijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess relazzjoni ġuridika u, min-naħa l-oħra, li tiġi ggarantita ċ-ċertezza ġuridika kemm tar-rikorrenti kif ukoll tal-konvenuti permezz tal-kapaċità li jiġi previst b’ċertezza l-forum kompetenti, b’mod partikolari billi l-qorti adita titħalla tiddeċiedi jekk għandhiex ġurisdizzjoni mingħajr ma tkun kostretta li tipproċedi għal eżami tal-merti tal-kawża (28).

37.      Finalment, jidhirli li l-azzjonijiet għal kumpens wara ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jitqiesu mill-maġġoranza bħala li huma bbażati fuq tort (29), għalkemm għandu jiġi ppreċiżat li ma huwiex eskluż a priori li l-bażi ta’ dawn l-azzjonijiet tista’ tiġi kkwalifikata bħala ta’ natura kuntrattwali, ta’ mill-inqas f’ċerti sistemi ġuridiċi nazzjonali (30).

38.      Għaldaqstant, beħsiebni nibda l-eżami tal-kwistjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-tieni domanda preliminari, li tirrigwarda l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, li jipprevedi bażi ta’ ġurisdizzjoni speċjali għall-azzjonijiet għal kumpens ibbażati fuq ir-responsabbiltà għal tort (B). Sussegwentement ser neżamina l-ewwel domanda, dwar l-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament, li tipprevedi ġurisdizzjoni usa’ f’każ ta’ talbiet konnessi ppreżentati kontra diversi konvenuti (C). Ser nispiċċa bit-tielet domanda, li hija relatata ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kif ukoll ma’ aspetti speċifiċi tal-għażla tal-forum, b’rabta mal-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni (D).

B –    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I (it-tieni domanda)

39.      Essenzjalment, it-tieni domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I kif ukoll dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni li tista’ tirriżulta mir-regola speċjali li dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi (1). Jiena jidhirli, b’mod partikolari meta jitqiesu l-għanijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni, li l-applikazzjoni tagħha hija problematika, anzi għandha tiġi eskluża, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom huma inkontestabbli (2).

1.      Fuq il-problema sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja

40.      Fid-dawl tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa stabbilit li l-azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens u informazzjoni li tinsab pendenti quddiemha tikkwalifika bħala “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort” kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u li hija b’hekk tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq dik id-dispożizzjoni. Dik il-kwalifikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ dik in-natura ġiet rikonoxxuta reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (31).

41.      Barra minn hekk, dik il-qorti tirrileva ġustament li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, għal każijiet kumplessi ta’ tort (32), l-espressjoni “post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż” (33), li tinsab fl-imsemmi Artikolu 5(3) tkopri kemm il-post tal-avveniment kawżali li jkun ta bidu għad-dannu allegat kif ukoll il-post fejn iseħħ dak id-dannu, b’mod li r-rikorrent jista’ jagħżel li jfittex lill-konvenuti quddiem il-qorti ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet (34). Hija tfakkar ukoll li f’każ ta’ għadd ta’ danni allegati, madankollu, qorti kompetenti fuq il-bażi ta’ dan l-aħħar fattur ta’ konnessjoni tista’ tiddeċiedi biss dwar talbiet li jikkonċernaw dannu mġarrab fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija jkollha s-sede tagħha (35).

42.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-mod kif għandhom jiġu implementati, fil-kuntest ta’ kawża li jkollha quddiemha, il-kriterji hekk iddefiniti b’mod alternattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-partikolarità tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-akkordju li wasslu għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u għad-danni invokati hija li dawn kienu differenti kemm mill-aspett ġeografiku kif ukoll dak taż-żmien. Hija tistaqsi prinċipalment dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jippermettix li jiġi ppreżentat f’kull “post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u kontra kull membri tal-akkordju illeċitu, rikors dwar id-danni kollha kkawżati minnu, anki meta wħud mill-konvenuti ma jkunux aġixxew direttament fit-territorju tal-Istat Membru tal-forum.

43.      CDC tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li, skont dik id-dispożizzjoni, id-danni kollha mġarrba minħabba l-akkordju li jikkostitwixxi l-imsemmi ksur għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Istati Membri kollha li fit-territorju tagħhom, jew ta’ mill-inqas parti minn dak l-akkordju jkun ġie konkluż jew implementat, jew is-suq ikkonċernat ikun ġie ristrett ta’ mill-inqas parzjalment b’mod dirett u sostanzjali minnu. Il-Kummissjoni tadotta approċċ simili, iżda hija madankollu iktar moderata fir-rigward tal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati li jistgħu jiġu aditi b’mod validu f’dan il-kuntest (36). Il-konvenuti fil-kawża prinċipali li adottaw pożizzjoni dwar it-tieni domanda jargumentaw jew li dik id-domanda hija inammissibbli (37), jew inkella, fir-rigward tal-merti, sabiex tiġi miċħuda l-ġurisdizzjoni globali tal-forum fir-rigward tal-parteċipanti kollha fl-akkordju illeċitu u għad-danni allegati kollha (38).

44.      Infakkar li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, diversi linji gwida jirregolaw l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li l-kunċetti li jinsabu fiha għandhom jiġu ddefiniti b’mod awtonomu, jiġifieri mingħajr ma jintużaw kunċetti ġuridiċi nazzjonali, billi jsir riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dak ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (39). Sussegwentement, peress li din hija regola speċjali, inkwantu tidderoga mill-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, din għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni mhux estensiva iżda restrittiva (40), b’mod partikolari sabiex tiġi evitata ġeneralizzazzjoni tal-forum actoris (41) kif ukoll multiplikazzjoni tal-qrati kompetenti li tiffavorixxi l-forum shopping.

45.      Barra minn hekk, huwa essenzjali li wieħed jiftakar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod konformi mal-għan tal-prossimità msemmi fil-premessa 12 tar-Regolament Brussell I, li r-regola tal-ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 5(3) hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u l-qrati tal-post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż. Hija din ir-rabta li tiġġustifika attribuzzjoni derogatorja tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar, għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċess (42). Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-punti ta’ konnessjoni rikonoxxuti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (43) għandu jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun oġġettivament fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti, jirriżulta li tista’ tiġi adita b’mod validu biss qorti li fit-territorju tagħha jkun jinsab il-fattur ta’ konnessjoni pertinenti (44).

46.      Hija preċiżament l-eżistenza ta’ tali prossimità li, skont il-qorti tar-rinviju, tista’ tkun nieqsa jekk jiġi aċċettat f’din il-kawża li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, ikollha ġurisdizzjoni, fir-rigward tal-konvenuti kollha mħarrka u għad-danni kollha allegati (45), kull qorti li jkollha s-sede tagħha f’wieħed mill-għadd kbir ta’ postijiet fejn l-akkordju illeċitu jkun ġie kkonċepit, organizzat u kkontrollat u fejn il-libertà tal-għażla tax-xerrejja tkun ġiet illimitata fis-suq ikkonċernat. Jiena naqbel ma’ din il-perspettiva, għar-raġunijiet li ġejjin.

2.      Fuq l-implementazzjoni tal-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali

47.      Għalkemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tistax tiġi eskluża fil-prinċipju (46), jiena madankollu inklinat li naħseb li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata b’mod utli fir-rigward tal-każ partikolari ta’ akkordju illeċitu ta’ natura orizzontali, li jkun dam għal żmien sostanzjali, li jkun irrestrinġa l-kompetizzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni u li l-istruttura tiegħu tkun ferm kumplessa peress li tkun tat lok għal serje sħiħa ta’ akkordji u prattiki ta’ kollużjoni, bil-konsegwenza li kemm il-parteċipanti kif ukoll il-vittmi ta’ danni invokati jsibu ruħhom mferrxa f’għadd kbir ta’ Stati Membri (47).

48.      F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-kriterji tal-ġurisprudenza tad-definizzjoni tal-“post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, huma fil-fehma tiegħi inapplikabbli, minħabba t-tifrix ġeografiku sostanzjali tal-kawżi u l-effetti tad-danni invokati. Fil-fatt, iż-żewġ binarji tal-alternattiva ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja jwasslu, f’dan il-każ, biex potenzjalment ikollhom ġurisdizzjoni għadd ta’ qrati tal-Istati Membri, waqt li l-għan tal-imsemmi regolament huwa li jillimita n-numru ta’ proċeduri konkorrenti (48), u dawn ma jippermettux li tiġi identifikata qorti li jkollha “rabta ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib” mal-kawża u li b’hekk tkun “tinsab fl-aħjar pożizzjoni” ratione loci biex taqta’ l-kawża, waqt li din hija l-bażi tal-imsemmi Artikolu 5(3).

49.      Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-post tal-avveniment li jkun ikkawża d-danni allegati, teoretikament wieħed jista’ jirreferi għal kull post fejn l-akkordju illeċitu jkun ġie konkluż mill-membri tiegħu, post li jista’ madankollu jkun diffiċli, jew kważi impossibbli, biex jiġi identifikat meta titqies in-natura moħbija tal-akkordju, ħlief jekk jitqiesu d-diversi postijiet fejn ikunu jinsabu l-uffiċċji rreġistrati tal-partijiet kkonċernati. L-imsemmi kriterju b’hekk jista’ jikkorrispondi għall-postijiet kollha tal-implementazzjoni effettiva tal-akkordju, jiġifieri kull wieħed mill-postijiet fejn il-parteċipanti organizzaw u applikaw b’mod konkret il-modalitajiet tal-akkordji kollużorji tagħhom sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni, permezz ta’ prattiki attivi jew astensjonijiet antikompetittivi (49). F’dan ir-rigward, nippreċiża li, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, jidhirli li s-sentenza Melzer (50), li eskludiet il-possibbiltà li l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata fuq il-post tal-avveniment kawżali mwettaq minn koawtur ta’ fatt dannuż li ma jkunx ġie mħarreġ ġudizzjarjament, għandha twassal biex l-aġir ta’ parteċipant f’akkordju fit-territorju ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu imputati lill-awturi l-oħrajn tal-ksur li jkunu astjenew milli jeżerċitaw kompetizzjoni libera fis-suq korrispondenti tal-imsemmi territorju (51). Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest ta’ akkordju ta’ dimensjoni Ewropea u għal żmien twil, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li dawk il-fatturi ta’ lokalizzazzjoni huma irrilevanti għaliex iwasslu għal bażijiet ta’ ġurisdizzjoni wisq ġenerali, mifruxa u fortuwiti (52), minħabba l-għadd kbir kemm ta’ atturi involuti kif ukoll ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet ikkonċernati u, b’hekk, l-għadd kbir ta’ postijiet fejn seħħew il-fatti ġeneraturi relatati (53).

50.      Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-post fejn seħħu d-danni allegati, jista’ jitqies, minn perspettiva ekonomika, li dawn tal-aħħar seħħew, jew f’kull post fejn il-vittmi allegati xtraw il-prodotti kkonċernati mill-akkordju illeċitu, jiġifieri fejn ġew iffirmati jew eżegwiti l-kuntratti li l-kontenut tagħhom ġarrab distorsjoni minħabba l-akkordju — f’dan il-każ il-kuntratti ta’ kunsinna konklużi bejn il-konvenuti u l-impriżi li ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom lill-konvenuta —, jew f’kull post fejn dawn il-vittmi jew il-fergħat tagħhom għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom. Il-vittmi indiretti, li ma kinux marbuta b’kuntratt ma’ membru tal-akkordju iżda li madankollu ġarrbu dannu minħabba l-eżistenza tiegħu (54), b’hekk għandhom ikunu jistgħu jinvokaw id-danni li ġarrbu, fil-limiti ffissati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (55). Madankollu għandu jitfakkar li l-possibbiltà ta’ ġurisdizzjoni miftuħa f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li twassal li tippermetti forum actoris, għaliex ir-Regolament Brussell I għandu tendenza li jirrestrinġi dan l-aħħar fattur ta’ ġurisdizzjoni sabiex jippreżerva l-effettività tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2 tiegħu (56). Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu wkoll il-postijiet kollha fejn is-suq ġie affettwat mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-għan tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa li jissalvagwarda l-funzjonament tajjeb tal-attività ekonomika, u mhux li jipproteġi l-interessi individwali ta’ kumpannija partikolari (57). F’dan il-każ, il-ksur li fuqu hija bbażata t-talba għad-danni jkopri t-territorji tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li jwassal biex possibbilment ikollhom ġurisdizzjoni għadd kbir ta’ qrati (58). Dan l-approċċ estensiv imur kontra l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Brussell I u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fl-Artikolu 5(3) tiegħu. Għandu jingħad ukoll li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Shevill et (59) timplika, mingħajr ma huwa possibbli jew mixtieq, fil-fehma tiegħi, li jiġi mmodifikat dan il-punt, li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-post fejn iseħħ il-fatt dannuż tkun maqsuma territorjalment, skont il-fruntieri tal-Istati Membri (60), b’riskju korrelattiv li l-kawżi jinqasmu għaliex il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq din il-bażi ma tistax tifhem id-danni kollha invokati.

51.      Finalment, nenfasizza li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrikonoxxi li għadd ta’ qrati għandhom ġurisdizzjoni f’din il-kawża skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, il-possibiltajiet miftuħa għall-partijiet fil-kawża fuq din il-bażi jkunu miftuħa b’mod wiesa’ ħafna, għalkemm tkun tikkonsisti f’possibbiltà ta’ ġurisdizzjoni ta’ natura speċjali, li b’hekk fil-prinċipju hija ta’ applikazzjoni stretta. Barra minn hekk, ikun hemm perikolu — mhux ipotetiku (61) —, li l-awturi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jippreżentaw azzjonijiet torpedo, fil-forma ta’ azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva, b’mod konformi mas-sentenza Folien Fischer u Fofitec (62), fi Stat Membru fejn ikun magħruf li t-tul ta’ żmien tal-proċeduri jkun partikolarment twil, kontra persuni li jkunu ġew identifikati bħala vittmi matul il-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, ladarba tkun ingħatat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, fil-fehma tiegħi ma għandux ikun iktar possibbli li jkun hemm konstatazzjoni negattiva, minħabba l-effett vinkolanti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatti u l-kwalifikazzjoni ġuridika tagħhom (63).

52.      Bħala konklużjoni, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Besix (64), jidhirli li r-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort jew kważi-delitt, li ġiet stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, hija inapplikabbli fl-ipoteżi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-post fejn il-fatt dannuż ikun allegatament seħħ ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, minħabba l-fatt li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni jkun jikkonsisti f’aġir ikkaratterizzat mill-għadd kbir ta’ postijiet fejn ikunu ġew miftiehma jew eżegwiti, li b’hekk ma jippermettix li jiġi identifikat b’mod ċar u utli liema hija l-qorti li jkollha rabta partikolarment mill-qrib mal-kawża kollha.

53.      Fil-fehma tiegħi, f’każ bħal dan, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata jew b’applikazzjoni tar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I, jew b’applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali oħrajn li dan ir-regolament jistabbilixxi, bħal dik prevista fl-Artikolu 6(1) tiegħu, li tippermetti li t-talbiet ippreżentati kontra diversi konvenuti jingħaqdu flimkien quddiem qorti waħda, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ xi waħda minn dawn ir-regoli jkunu sodisfatti kif suppost. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala bażi ta’ ġurisdizzjoni, tar-rabta ta’ konnettività li teżisti bejn talbiet ippreżentati kontra diversi konvenuti hija awtorizzata biss fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 6(1) (65), li jirriżerva dik il-possibbiltà unikament abbażi tal-fattur ta’ konnessjoni b’saħħtu li jikkostitwixxi d-domiċilju ta’ wieħed mill-konvenuti, u mhux fil-kuntest ta’ dispożizzjoni li l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-post fejn ikun seħħ avveniment, bħal fil-każ tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I.

C –    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Brussell I (l-ewwel domanda)

54.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-regola ta’ konċentrazzjoni tal-qrati f’każ ta’ għadd ta’ konvenuti li hija prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I tistax tapplika fil-kuntest ta’ azzjoni kontra impriżi li jkunu pparteċipaw b’mod differenti, minn aspetti ġeografiċi u ta’ żmien, fi ksur uniku u kontinwu tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista mid-dritt tal-Unjoni (1). Hija sussegwentement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistabbilixxi jekk, fl-affermattiv, l-irtirar ta’ tali azzjoni fil-konfront tal-konvenut “ta’ ankraġġ”, jiġifieri l-uniku wieħed mill-kokonvenuti li jkun iddomiċiljat fl-Istat Membru fejn ikollha s-sede tagħha l-qorti adita, għandhiex impatt fuq il-ġurisdizzjoni tagħha skont l-imsemmija dispożizzjoni.

1.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I fi kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali [l-ewwel domanda, paragrafu a)]

a)      Fuq il-problema sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja

55.      Għandu jiġi enfasizzat li, bl-istess mod bħal kif japplika għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I (66), il-kontenut tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi ddefinit b’mod awtonomu, b’mod li l-kunċetti li jinsabu fih ma jkunux jistgħu jinftiehmu fis-sens li jirreferu għall-kwalifikazzjoni li l-liġi interna applikabbli tagħti lir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni quddiem il-qorti adita (67).

56.      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, it-talbiet kollha ppreżentati mill-istess rikorrent kontra għadd ta’ konvenuti jistgħu jiġu ppreżentati quddiem qorti ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab id-domiċilju (68) ta’ mill-inqas wieħed minnhom, li ser jiġi kkwalifikat hawnhekk bħala l-konvenut ta’ ankraġġ, iżda bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dawk it-talbiet (69). F’dan ir-rigward, huwa indikat espressament li l-“azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun iktar konvenjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati” (70).

57.      Billi jippermetti konċentrazzjoni ta’ rikorsi quddiem l-istess qorti u t-twessigħ tal-ġurisdizzjoni tagħha għal konvenuti li fir-rigward tagħhom hija ma tkunx tista’ tiddeċiedi mingħajr dik l-estensjoni, l-imsemmi Artikolu 6(1) jirrispondi għall-għanijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari permezz ta’ ekonomiji tal-proċeduri, u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ azzjonijiet konkorrenti u deċiżjonijiet kontradittorji li jistgħu jirriżultaw minn dan, li huma msemmija fir-Regolament Brussell I (71).

58.      Madankollu, peress li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni hija ta’ natura speċjali, billi tidderoga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju ta’ kull konvenut imsemmi fil-premessa 11 tar-Regolament Brussell I u ddikjarat fl-Artikolu 2 tiegħu, huwa stabbilit li dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (72).

59.      L-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tibqa’ eċċezzjonali, peress li t-tagħqid flimkien ta’ rikorsi kif previst fih huwa awtorizzat biss jekk dawn tal-aħħar ma jkunux jikkonċernaw persuna assigurata, konsumatur jew ħaddiem (73) u biss jekk ikunu jirrigwardaw talbiet ċertament distinti iżda madankollu konnessi mill-qrib bejniethom.

60.      Essenzjalment, l-ewwel parti tal-ewwel domanda tirrigwarda din l-aħħar kundizzjoni. Din titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistabbilixxi jekk tali rabta ta’ konnessjoni hijiex ikkaratterizzata fil-kuntest ta’ azzjoni bħal dik li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, jiġifieri azzjoni għall-finijiet ta’ informazzjoni u kumpens eżerċitata in solidum kontra koawturi ta’ akkordju ddikjarat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni li jkunu kkontribwixxew għal dak il-ksur f’diversi postijiet u mumenti.

61.      Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar dan is-suġġett għandhom opinjonijiet differenti għaliex CDC u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I huwa applikabbli f’dak il-kuntest, filwaqt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu l-kuntrarju (74).

62.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rabta ta’ konnessjoni meħtieġa minn dik id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu li huma “irrikonċiljabbli”, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawża, iżda jeħtieġ li dik id-diverġenza tkun tinsab fil-kuntest ta’ sitwazzjoni kemm fattwali kif ukoll ġuridika (75). Il-verifika ta’ dawn iż-żewġ kriterji f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali jagħtu lok għal evalwazzjonijiet kontradittorji fl-osservazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Fuq l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni fattwali

63.      Għall-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-allegazzjonijiet ifformulati fit-talba fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ sitwazzjoni fattwali identika, għar-raġuni li huwa irrilevanti li l-membri tal-akkordju illeċitu jkunu pparteċipaw kollha f’akkordji li jistabbilixxu dan tal-aħħar, waqt li l-implementazzjoni biss ta’ dawn l-akkordji setgħet tikkawża dannu konkret lix-xerrejja li ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom lil CDC, u li għandha tiġi eżaminata separatament kull allegazzjoni sostnuta mir-rikorrent fuq din l-bażi.

64.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-perspettiva opposta, li jiddefendu l-qorti tar-rinviju, CDC u l-Kummissjoni, li talbiet bħal dawk iffurmati kontra konvenuti differenti fil-kawża prinċipali huma bbażati fuq sitwazzjoni fattwali unika, minkejja li huma pparteċipaw b’mod separat, kemm mill-perspettiva ġeografika kif ukoll ta’ żmien skont dik il-qorti, fl-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni kif ukoll fil-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tad-diversi kuntratti distorti minn dak l-akkordju li kkawża dannu lill-impriżi li ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

65.      Fil-fatt, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fuqha huma bbażati dawn it-talbiet ikkonstatat, b’mod vinkolanti għall-qrati tal-Istati Membri (76), li ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kien twettaq mill-kumpanniji mħarrka minn CDC u li kull parteċipant jista’ jinżamm responsabbli, bħala koawtur, tal-aġir effettiv tal-parteċipanti l-oħrajn, indipendentement mill-kontribut konkret tiegħu (77). Hija tiddikjara wkoll, ġustament fil-fehma tiegħi, li minħabba l-aġir ikkonstatat b’dan il-mod matul il-proċedura amministrattiva ta’ penalizzazzjoni, kull awtur tal-ksur għandu jirrispondi fuq livell ċivili għall-atti tal-awturi l-oħrajn li jikkostitwixxu tort u, b’hekk, għad-danni li jistgħu jirriżultaw minn dan.

c)      Fuq l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ġuridika

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li, fid-dawl tad-diċitura tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, differenza fil-bażijiet ġuridiċi bejn azzjonijiet ippreżentati kontra d-diversi konvenuti ma tipprekludix, per se, l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, għalkemm kien prevedibbli għall-konvenuti li dawn jinsabu fir-riskju li jistgħu jiġu mħarrka fl-Istat Membru fejn ta’ mill-inqas wieħed minnhom ikollu d-domiċilju tiegħu (78).

67.      F’dan il-każ, il-parteċipanti f’akkordju li ġie ddikjarat, permezz ta’ deċiżjoni unika tal-Kummissjoni, li jikkostitwixxi ksur wieħed tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, u mhux imwettaq fil-livell ta’ diversi sistemi ġuridiċi nazzjonali, jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali, b’mod iktar preċiż fil-konfront ta’ obbligu ta’ għoti ta’ kumpens taħt id-dritt tal-Unjoni, li huwa bbażat fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, huma jistgħu raġonevolment jippretendu li sussegwentement jiġu mħarrka flimkien għall-finijiet ta’ kumpens ċivili quddiem il-qorti li fit-territorju tagħha wieħed minnhom ikun stabbilit. Il-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mal-għan imsemmi fil-premessa 11 tar-Regolament Brussell I, b’hekk hija rrispettata f’dawn iċ-ċirkustanzi.

68.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fis-sentenza Kalfelis, li introduċiet ir-rekwiżit ta’ konnessjoni bejn it-talbiet li jistgħu jingħaqdu flimkien skont dik id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għar-rapport ta’ Jenard dwar il-konvenzjoni ta’ Brussell, skont liema “[l-] applikazzjoni tar-regola [prevista fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell] teħtieġ li jkun hemm konnessjoni bejn it-talbiet ifformulati kontra kull wieħed mill-konvenuti, pereżempju, jekk dawn ikunu debituri in solidum” (79). Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali skont il-qorti tar-rinviju, minkejja l-fatt li dik il-kwalifikazzjoni tat-talbiet għal kundanna in solidum hija kkontestata minn ċerti konvenuti.

69.      Nikkunsidra li s-sempliċi possibbiltà li responsabbiltà in solidum f’każ ta’ għadd ta’ awturi ta’ ksur tkun implementata f’wieħed mill-Istati Membri pertinenti u mhux f’oħrajn, hija suffiċjenti sabiex toħloq riskju ta’ soluzzjonijiet differenti u irrikonċiljabbli bejniethom, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I. Fil-fatt, fl-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat Membru, ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed mill-konvenuti testendi, ipotetikament, għad-danni kollha, filwaqt li fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri fejn tkun irrifjutata r-responsabbiltà in solidum, il-livell tad-danni mogħtija jista’ jvarja b’mod kunsiderevoli, skont il-qrati aditi. Anki fl-ipoteżi kuntrarja fejn tali responsabbiltà in solidum tkun aċċettata fl-Istati Membri pertinenti kollha, ir-riskju li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk it-talbiet jiġu deċiżi separatament madankollu jibqa’ preżenti f’dak li jirrigwarda l-qsim tar-responsabbiltà bejn il-membri tal-akkordju skont jekk ikunux ipparteċipaw fih matul il-perjodu meqjus kollu jew parti minnu.

70.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-responsabbiltà in solidum tal-parteċipanti fi ksur konġunt tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE tidher li hija prinċipju ġeneralment aċċettat fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri (80) u li ġie adottat b’mod partikolari fid-direttiva li qiegħda tiġi mfassla dwar dan is-suġġett (81).

71.      Nenfasizza li fil-każ li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I ma jkunx applikabbli fir-rigward ta’ proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, dan ikun jimplika li qrati distinti jkollhom jeżaminaw mingħajr koordinazzjoni, id-danni allegati fir-rigward tad-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali (82), bir-riskju li kull wieħed mill-parteċipanti fl-istess akkordju illeċitu jkun ikkundannat għal ammonti ta’ danni differenti, waqt li jkun opportun, anzi neċessarju, li tittieħed deċiżjoni uniformi dwar id-drittijiet għal kumpens mitluba mill-istess rikorrent (83).

72.      Il-Kummissjoni tirrileva, ġustament fil-fehma tiegħi, li “l-effettività ta’ dik id-dispożizzjoni titpoġġa f’dubju jekk tiġi interpretata b’mod daqstant strett li ssir impossibbli, f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-preżentata ta’ rikorsi magħquda kontra l-parteċipanti kollha f’akkordju quddiem qorti li tkun tinsab fid-domiċilju ta’ wieħed mill-konvenuti membri tal-akkordju, għas-sempliċi raġuni li jkun hemm nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali globali”.

73.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li sitwazzjoni li fiha diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti jiġu ġġudikati separatament quddiem qrati distinti, u mhux quddiem qorti waħda, għall-finijiet ta’ għoti ta’ kumpens konsekuttiv għall-istess akkordju kontra d-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, minħabba ċerti atti mwettqa f’diversi mumenti u postijiet iżda li jikkwalifikaw bħala ksur uniku u kontinwu, tista’ twassal għal soluzzjonijiet irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu ġġudikati separatament, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I.

74.      B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa l-eżistenza ta’ tali riskju fil-kawża prinċipali, waqt li jitqiesu l-elementi pertinenti kollha fil-proċess (84).

75.      Bħall-Kummissjoni, nosserva li tali interpretazzjoni tippreżenta l-vantaġġ mhux negliġibbli li hija konformi mar-rieda li l-leġiżlatur esprima fir-Regolament Ruma II, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6 tiegħu, bit-titolu “Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera”, li l-paragrafu 3 tiegħu jistabbilixxi l-possibbiltà għal rikorrent li jaġixxi kontra diversi konvenuti fil-kuntest ta’ kawża dwar dak is-suġġett, li jikkonċentra t-talbiet tiegħu quddiem qorti waħda, “skond ir-regoli applikabbli ta’ ġurisdizzjoni”, u li jibbażahom fuq il-lex fori (85). Fil-fehma tiegħi, għandu jitqies debitament dak l-orjentament leġiżlattiv, fl-interessi ta’ koerenza bejn l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kawżi transkonfinali (86), minkejja l-fatt li, kif joġġezzjonaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Ruma II ma huwiex applikabbli f’din il-kawża ratione temporis (87).

2.      Fuq l-effett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1), tar-Regolament Brussell I, tal-irtirar tal-azzjoni fil-konfront tal-uniku kokonvenut stabbilit fl-Istat li jkollu ġurisdizzjoni [l-ewwel domanda, inċiż (b)]

76.      Il-qorti tar-rinviju timmotiva d-domanda li hija tissottometti fit-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha billi tiddistingwi żewġ problemi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I f’każ li tiġi rtirata l-azzjoni fil-konfront tal-kokonvenut li jippermetti li tiġi stabbilita konnessjoni bejn il-kawża kollha u l-qorti adita, jiġifieri, minn naħa waħda, l-applikazzjoni possibbli ta’ prinċipju ta’ perpetwazzjoni tal-ġurisdizzjoni (88) bbażata fuq dik id-dispożizzjoni f’każ bħal dan (a) u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi li għandhom jiġu dderivati mill-possibbiltà ta’ abbuż tad-dritt li wieħed jinqeda b’rabta ta’ konnessjoni fuq din il-bażi (b).

77.      Hemm kuntrast qawwi bejn ir-risposti proposti mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet, iżda jista’ jingħad fil-qosor li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 6(1) ma għandhiex tissokta f’dawn iċ-ċirkustanzi (89), għall-kuntrarju tal-pożizzjoni meħuda minn CDC u mill-Kummissjoni, iżda bi kwalifiki fformulati minn din tal-aħħar.

a)      Fuq iż-żamma tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I f’każ li tiġi rtirata l-azzjoni fil-konfront tal-konvenut ta’ ankraġġ

78.      Naqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, ta’ CDC u tal-Kummissjoni li, jekk wieħed jassumi li r-rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet li ġew ippreżentati kontra diversi konvenuti tkun stabbilita fil-mument meta tiġi ppreżentata l-azzjoni, l-irtirar sussegwenti tal-kawża fil-konfront tal-konvenut li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni estiża tal-qorti, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, ma jistax ikollu l-effett li jtemm dik il-ġurisdizzjoni.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi direttament dwar din il-kwistjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Reisch Montage, hija enfasizzat li dik id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għal regoli interni, li b’hekk ma jistgħux jostakolawha, u hija ppreċiżat li dik id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata “anki meta din il-proċedura hija meqjusa, mill-preżentata tagħha, inammissibli fir-rigward [tal-]konvenut [iddomiċiljat fl-Istati Membru tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni]” (90). Barra minn hekk, fis-sentenza Freeport, hija ħadet il-mument tal-preżentata tal-azzjoni bħala l-punt ta’ referenza biex tevalwa l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn it-talbiet (91).

80.      Il-kriterju li jidhirli li huwa determinanti sabiex tibqa’ valida l-ġurisdizzjoni dderivata prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I huwa li l-irtirar tal-azzjoni fil-konfront tal-konvenut ta’ ankraġġ iseħħ biss wara d-data li fiha l-qorti kkonċernata ssib ruħha adita b’mod konformi mal-kundizzjonijiet proċedurali meħtieġa (92). Sakemm hija tkun ġiet adita b’mod validu f’dik id-data, fil-fehma tiegħi huwa irrilevanti li l-irtirar tal-kawża jkun seħħ, bħal f’din il-kawża, qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat mill-qorti għall-preżentata tar-risposta u l-bidu tal-ewwel seduta.

81.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 30 tar-Regolament Brussell I jiddefinixxi d-data li fiha qorti ta’ Stat Membru titqies li hija adita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-taqsima 9 dwar il-lis pendens u l-fattur ta’ konnessjoni (93). Fil-fehma tiegħi huwa possibbli, jew saħansitra neċessarju, li din id-definizzjoni titqies ukoll għat-taqsimiet l-oħrajn tal-kapitolu II dwar ir-regoli tal-ġurisdizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 6(1), għaliex dan jistabbilixxi regola li hija bbażata wkoll fuq konnessjoni bejn it-talbiet (94).

82.      Barra minn hekk, iż-żamma tar-raggruppament tat-talbiet relatati quddiem il-qorti adita, li huwa possibbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, hija konformi mal-għanijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza ġuridika, li jissemmew fir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dan ir-regolament (95), għaliex din iż-żamma tippermetti li jiġi evitat li ma jingħatawx deċiżjonijiet irrikonċiljabbli, ta’ mill-inqas fil-konfront tal-kumplament tal-konvenuti, li barra minn hekk diġà kienu saru jafu bil-fatt li lkoll kienu mħarrka quddiem dik il-qorti fil-mument tal-irtirar inkwistjoni.

83.      B’hekk jiena tal-fehma li l-fatt li r-rikorrent jirtira l-azzjoni tiegħu fil-konfront tal-uniku wieħed mill-kokonvenuti li jkun iddomiċiljat fit-territorju tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni ma jaffettwax minnu nnifsu l-ġurisdizzjoni tagħha bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 6(1), meta dak l-irtirar iseħħ f’data sussegwenti għal dik li fiha l-qorti ġiet adita b’mod validu, sakemm tkun issodisfatta kundizzjoni oħra li ser tiġi spjegata iktar ’il quddiem.

b)      Fuq il-limitu li jirriżulta minn abbuż tad-dritt li l-ġurisdizzjoni tiġi bbażata fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I

84.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-regola [ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I] ma għandhiex tiġi interpretata b’tali mod li hi tista’ tippermetti lil rikorrent li jagħmel talba kontra numru ta’ konvenuti bil-għan biss li jeżenta wieħed minn dawn mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat” (96). Din ir-restrizzjoni relatata ma’ forum shopping, li sabet appoġġ fir-rapport Jenard (97), hija perfettament koerenti mar-rekwiżit li d-derogi mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti fejn ikun iddomiċiljat il-konvenut, prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

85.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza Freeport, li “meta t-talbiet magħmula kontra konvenuti differenti jkunu konnessi sa mill-introduzzjoni tagħhom”, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 6(1) hija applikabbli “mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit b’mod ċar li t-talbiet ma ġewx imressqa bl-iskop waħdieni li wieħed mill-konvenuti jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ l-Istat Membru fejn huwa domiċiljat” (98). Il-kwistjoni tal-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta minn din il-formula kemxejn ambigwa toħloq problema għall-qorti tar-rinviju u toħloq diverġenza fl-opinjoni kemm fost il-partijiet f’din il-kawża kif ukoll fost l-awturi li kkummentaw dwar l-imsemmija sentenza (99).

86.      F’dan ir-rigward, l-analiżi li saret mill-qorti tar-rinviju tidher li hija korretta fil-fehma tiegħi, inkwantu tikkunsidra li meta tkun sodisfatta l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn it-talbiet, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, il-qorti adita ma jkollhiex l-obbligu li teżamina b’mod sistematiku jekk il-ġurisdizzjoni estiża li tirriżulta tkunx ġiet akkwistata wara abbuż ta’ dritt, iżda madankollu għandha l-possibbiltà li tagħmel tali eżami f’każ fejn ikun hemm provi li juru b’mod suffiċjenti li r-rikorrenti li tkun qiegħda tuża dik il-possibbiltà tkun immanuvrat b’tali mod biex iddur ma’ dik ir-regola ta’ ġurisdizzjoni.

87.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-probabbiltà ta’ kollużjoni bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Evonik Degussa, konvenuta fil-kawża prinċipali li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Ġermanja, li pposponew b’mod volontarju l-konklużjoni formali tal-ftehim bonarju tagħhom wara l-preżentata tal-azzjoni, minkejja li sew qabel dan kien ġie previst, anzi deċiż, ftehim bejn dawn il-partijiet, sempliċement bl-iskop li jistabbilixxu kompetenza ġudizzjarja estiża f’dak l-Istat Membru (100).

88.      Sakemm l-allegata manuvra qarrieqa, li f’dan il-każ hija kkontestata mill-partijiet ikkonċernati, ma tkunx biss probabbli iżda stabbilita, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, tali abbuż ta’ dritt, li huwa intiż biex iċaħħad lil wieħed jew iktar mill-konvenuti mill-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn huma jkunu ddomiċiljati (101), għandu fil-fehma tiegħi jiġi ppenalizzat b’rifjut li jiġi applikat l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I f’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm il-kriterji tal-fattur ta’ konnessjoni ma jkunux realment sodisfatti fid-data tal-preżentata tal-azzjoni (102). Fil-fatt, l-interess li l-qorti ta’ domiċilju tal-konvenut ta’ ankraġġ teżamina u tiġġudika fl-istess ħin it-talbiet ippreżentati kontra diversi konvenuti, b’mod konformi ma’ dik id-dispożizzjoni, sparixxa mill-mument li tranżazzjoni vinkolanti temmet fil-konfront ta’ dak il-konvenut l-obbligu ġuridiku li r-rikorrent seta’ jinvoka kontra tiegħu quddiem dik il-qorti. Lil hinn minn dawn il-każijiet preċiżi, min-naħa l-oħra, ma hemmx lok fil-fehma tiegħi li jiġi kkontrollat u ppenalizzat abbuż ta’ dritt f’kuntest ġuridiku bħal dan.

89.      Nippreċiża li l-eżistenza ta’ konnessjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I toffri possibbiltà favur ir-rikorrent, li għandu l-possibbiltà, fil-fehma tiegħi u b’mod konformi mal-opinjoni li esprimew l-avukati ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer u Mengozzi dwar is-suġġett tal-forum shopping, li jeżerċita din l-opzjoni bil-mod li jidhirlu li huwa l-iktar adegwat u ta’ gwadann, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi fih innifsu forum shopping (103). Barra minn hekk, fil-każ ta’ akkordji illeċiti bħal dak fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni hija ipotetikament, meta jitqies is-suġġett tagħha, suxxettibbli li twassal sabiex konvenut wieħed jew iktar ikollhom jirrispondu għall-azzjonijiet tagħhom quddiem qorti minbarra dik tad-domiċilju tagħhom, u għaldaqstant kull oġġezzjoni għal dak ir-riżultat konkret ma hijiex rilevanti.

90.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li r-regola ta’ ġurisdizzjoni estiża prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I ma tistax tkun applikabbli meta jkun debitament stabbilit, skont il-qorti adita, li r-rikorrent kien ikkonkluda tranżazzjoni ġuridikament vinkolanti mal-konvenut stabbilit fl-Istat Membru tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni qabel ma ppreżenta l-azzjoni tiegħu u li huwa xjentement issimula l-eżistenza ta’ dak il-ftehim preċedenti, bl-iskop uniku li jneħħi lil wieħed mill-konvenuti mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iddomiċiljat.

D –    Fuq l-implementazzjoni possibbli ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u klawżoli ta’ arbitraġġ f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali (it-tielet domanda)

91.      It-tielet domanda, li l-motivazzjoni tagħha hija sfortunatament pjuttost konċiża, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tgħid jekk, meta jitqies il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji li hija ddikjarata fl-Artikolu 101 TFUE u ggarantita bi dritt għall-vittmi għal kumpens għad-danni mġarrba f’dan il-qasam (104), f’dan il-kawża tistax issir deroga mir-regoli tal-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 5(3) u/jew 6(1) tar-Regolament Brussell I bl-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ u/jew klawżoli ta’ ġurisdizzjoni (1).

92.      Peress li dan l-aħħar tip ta’ klawżoli jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, għall-kuntrarju tal-klawżoli ta’ arbitraġġ, hemm lok li jitqies l-impatt ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-kuntest (2). Barra minn hekk, anki jekk il-qorti tar-rinviju titlaq a priori mill-prinċipju li ż-żewġ kategoriji ta’ klawżoli invokati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu applikabbli fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens bħal dik fil-kawża prinċipali (105), li fil-fehma tiegħi jeħtieġ li jiġi diskuss (4), fi kwalunkwe każ wieħed għandu jistaqsi jekk u sa liema grad dawk il-klawżoli jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom waqt li l-kontenut tal-kuntratti fejn jinsabu jkun ġarrab distorsjoni minħabba l-akkordju illeċitu inkwistjoni (3).

1.      Fuq il-problema sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja

93.      Sabiex jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Landgericht Dortmund, il-konvenuti fil-kawża prinċipali oġġezzjonaw li klawżoli ta’ arbitraġġ u klawżoli ta’ ġurisdizzjoni jinsabu f’ċerti kuntratti ta’ kunsinna konklużi bejn ix-xerrejja tal-perossidu tal-idroġenu li ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom lil CDC u l-fornituri li ħadu sehem fl-akkordju illeċitu li fuqu huma bbażati t-talbiet għal kumpens ippreżentati minn din tal-aħħar.

94.      Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix deskrizzjoni dettaljata tal-klawżoli inkwistjoni. Madankollu, mill-osservazzjonijiet ta’ CDC jirriżulta li, skont l-allegazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, uħud mill-imsemmija kuntratti ta’ kunsinna kienu jinkludu dawk il-klawżoli, jew fil-forma ta’ kundizzjonijiet ġenerali relatati ma’ kuntratt partikolari (106), jew fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ qafas li jkopru diversi kunsinni lil klijent matul perijodu indipendenti mill-perjodu tal-akkordju (107), filwaqt li huwa ppreċiżat li ċerti klijenti kienu kkonkludew diversi klawżoli ma’ fornituri differenti (108) jew klawżoli differenti fid-diversi kuntratti konklużi mal-istess fornituri (109). Il-kwistjoni jekk il-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni invokati jispeċifikawx biss qrati stabbiliti fl-Istati Membri, jew ukoll qrati stabbiliti fi Stati terzi, ma ġietx stabbilita b’mod ċar.

95.      Skont il-motivi tat-tielet domanda kif spjegati mill-qorti tar-rinviju, din hija tal-fehma li fl-ipoteżi li l-klawżoli inkwistjoni jkopru d-drittijiet għad-danni allegati, li għandu jiġi stabbilit esklużivament minnha (110), wieħed għandu jistaqsi għalhekk jekk il-prinċipju ta’ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni jipprekludix li dawk il-klawżoli jiġu applikati meta l-qorti adita b’talba ta’ dan it-tip ikollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 6(1), u/jew tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I.

96.      Fost il-partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, CDC biss tallega li dawk il-klawżoli ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dak il-kuntest. Il-Kummissjoni madankollu tenfasizza li, sabiex taqta’ l-kwistjoni preliminari jekk klawżola ta’ arbitraġġ jew ta’ ġurisdizzjoni tkoprix effettivament drittijiet għal kumpens bħal dawk inkwistjoni, il-qorti nazzjonali jkollha tqis il-fatt li l-imsemmija drittijiet ma jirriżultawx mill-kuntratti ta’ kunsinna inkwistjoni, iżda mit-tort ikkostitwit minn ftehim ta’ kollużjoni li huwa estern għal dawk il-kuntratti.

97.      Qabel ma niddikjara l-pożizzjoni tiegħi f’dan ir-rigward, nixtieq nippreċiża xi punti li huma importanti fil-fehma tiegħi. Fl-ewwel lok, infakkar li l-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni li permezz tagħhom partijiet li ta’ mill-inqas waħda minnhom ikollha d-domiċilju tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru jagħżlu qorti ta’ Stat Membru biex tieħu konjizzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil li jinħoloq jew li jkun ser jinħoloq minn relazzjoni ġuridika speċifika taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I.

98.      Min-naħa l-oħra, il-klawżoli ta’ arbitraġġ huma, fil-prinċipju, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (111). Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar il-validità u l-oppożibbiltà ta’ dawn l-aħħar klawżoli għandhom ikunu rregolati mid-dritt nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri kif ukoll mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jgħaqqdu lil dawn tal-aħħar (112). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba s-suġġett prinċipali tal-kawża, jiġifieri minħabba n-natura tad-drittijiet li għandhom jiġu ssalvagwardati fi proċedura — bħal talba għad-danni —, il-proċedura miftuħa quddiem qorti statali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, li hija kwistjoni inċidentali li tirrigwarda fuq bażi preliminari l-applikabbiltà ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluża l-validità tiegħu, u li hija koperta wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament, u li għalhekk hija fil-kompetenza esklużiva ta’ dik il-qorti biex tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni dderivata mill-eżistenza ta’ ftehim ta’ arbitraġġ kif ukoll mill-ġurisdizzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament (113).

99.      Minkejja din id-differenza f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tar-Regolament Brussell I, għandu jiġi enfasizzat li ż-żewġ kategoriji ta’ klawżoli kkonċernati għandhom l-effett komuni li jippermettu li ssir deroga mir-regoli tal-ġurisdizzjoni stipulati fl-imsemmi regolament u dan minħabba r-rispett tal-awtonomija tal-partijiet fir-rigward tal-għażla tal-qorti, statali jew arbitrali skont il-każ, li lilha huma jkunu jridu jafdaw il-kompitu li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejniethom (114).

100. Madankollu, klawżola ta’ ġurisdizzjoni konformi mal-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I tista’ tattribwixxi ġurisdizzjoni biss lill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni u b’estensjoni, skont il-Konvenzjoni ta’ Lugano (115), lill-qrati tal-Istati li huma partijiet ta’ dik il-konvenzjoni, filwaqt li klawżola ta’ arbitraġġ tista’ tiddetermina li l-arbitraġġ iseħħ fi kwalunkwe Stat terz. Il-probabbiltà li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ma jkunux applikati, lanqas abbażi ta’ regoli dwar ordni pubbliku, hija ikbar fil-każ fejn il-ġurisdizzjoni tiġi attribwita lil arbitri jew qrati ta’ Stati mhux marbuta bl-imsemmija Konvenzjoni ta’ Lugano (116).

101. Fit-tieni lok, nenfasizza li l-artikolazzjoni bejn l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni jew klawżoli ta’ arbitraġġ, minn naħa waħda, u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, hija kumplessa peress li l-kuntest ġuridiku tar-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni libera previst minn dawk id-dispożizzjonijiet joffri varjetà kbira ta’ konfigurazzjonijiet possibbli. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-dritt għal kumpens sħiħ ibbażat fuq l-Artikolu 101 TFUE, infakkar li l-kwalifikazzjoni tar-responsabbiltà tal-awtur ta’ ksur ta’ dik id-dispożizzjoni bħala ta’ natura kuntrattwali jew tort mhux dejjem tkun faċli, u jidher li hemm differenzi f’dan ir-rigward bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri (117).

102. L-eżistenza ta’ diversi rabtiet kuntrattwali bejn il-parteċipanti fl-akkordju u l-vittmi ta’ tali ksur tqajjem il-problema dwar jekk il-klawżoli kkonċernati jistgħux jippermettu deroga, f’dan il-każ, mill-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tkun ibbażata fuq l-Artikoli 5 jew 6 tar-Regolament Brussell I, minkejja l-fatt li l-kontenut tal-kuntratti li fihom ikunu jinsabu jkun affettwat minn dak il-ksur.

103. Peress li d-determinazzjoni tal-portata materjali ta’ dawk il-klawżoli hija fil-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali (118), it-tielet domanda preliminari b’hekk essenzjalment tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddetermina jekk u b’liema mod il-prinċipji inerenti fl-Artikolu 101 TFUE jistgħu jinfluwenzaw, fl-ewwel lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I fil-każ ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni li jaqgħu taħtu, u, sussegwentement, fuq l-implementazzjoni ta’ tipi oħrajn ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ li jkunu rregolati bil-liġijiet tal-Istati Membri.

2.      Fuq is-sostituzzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Brussell I minn klawżoli ta’ ġurisdizzjoni konformi mal-Artikolu 23 ta’ dak ir-Regolament

104. Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ kumpens abbażi ta’ danni kkawżati minn akkordju illeċitu, kif mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, jaqa’ b’mod ġenerali taħt l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet, peress li dan jikkonsisti fl-obbligu li għandha kull persuna taħt id-dritt ċivili li tkun ikkommettiet att ipprojbit li tikkumpensa finanzjarjament id-danni mġarrba minn persuna oħra, qasam fejn id-drittijiet materjali tal-persuni kkonċernati ma jkunux indisponibbli (119). Bl-istess mod, ir-Regolament Brussell I ma jeskludix il-possibbiltà li l-partijiet jattribwixxu l-ġurisdizzjoni ratione loci (120) lil qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ kawża dwar tali kwistjoni b’mod konformi mal-Artikolu 23 tiegħu.

105. Fir-rigward tal-kombinament bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar artikolu u dawk tal-Artikoli 5(3) u/jew 6(1) tar-Regolament Brussell I, Kemira tirrileva ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li billi kkonkludew ftehim dwar l-għażla tal-ġurisdizzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-partijiet kellhom il-fakultà li jidderogaw mhux biss mill-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 2 tagħha, iżda wkoll mill-ġurisdizzjonijiet speċjali previsti fl-Artikoli 5 u 6 tagħha (121). Hija ppreċiżat, minn naħa waħda, li “dik l-interpretazzjoni hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li [l-imsemmi] Artikolu 17 huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent tal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati msejħa biex jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni, minbarra dawk li għalihom hemm eċċezzjonijiet espressi skont is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 17” u, min-naħa l-oħra, li “tali klawżola dejjem tibqa’ effettiva fis-sens li l-konsegwenza tagħha hija li teskludi, fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, attribuzzjonijiet oħrajn ta’ ġurisdizzjoni fakultattivi, kif wieħed isib fl-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni [ta’ Brussell]” (122).

106. L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Brussell I, peress li, skont il-premessi 11 u 14 u l-Artikolu 23(5) tiegħu, “l-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt […] sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata”, ħlief f’każijiet fejn ikunu applikabbli jew regoli ta’ ġurisdizzjoni partikolari intiżi biex jipproteġu lill-iktar parti dgħajfa (123), jew inkella r-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużivi stipulati fl-Artikolu 22 tiegħu. Lil hinn mid-dispożizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom hija b’hekk irriżervata b’mod espress, li fosthom ma hemmx l-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, ftehim ta’ ġurisdizzjoni konformi mal-Artikolu 23 tiegħu għandu jipproduċi l-effett sħiħ tiegħu, u b’mod partikolari jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti magħżula.

107. Dik il-prevalenza tar-rieda tal-partijiet tgħodd, b’mod partikolari, fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I relatati mal-konċentrazzjonijiet tal-ġurisdizzjonijiet u l-ekonomija tal-proċedura, u dan, fil-fehma tiegħi, anki jekk l-imsemmija klawżola ma tkunx tindika b’mod espliċitu li r-rieda tal-partijiet kienet li jidderogaw minn dik id-dispożizzjoni speċifika.

108. Fir-rigward tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, fl-ewwel lok għandu jiġi ddeterminat jekk klawżola ta’ ġurisdizzjoni hijiex realment intiża li tapplika f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li jidhirli jaqa’ taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort u mhux kuntrattwali (124), u jekk tistax tiġi invokata kontra rikorrent bħal CDC, permezz ta’ sostituzzjoni fl-impenji meħuda mill-impriżi li ttrasferixxew id-drittijiet tagħhom (125), li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju skont id-direzzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett.

109. Infakkar, b’mod partikolari, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I jirriżulta, minn naħa waħda, li l-validità ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt hija suġġetta għall-fatt li l-partijiet li kkonkludew dak il-kuntratt taw il-kunsens tagħhom b’mod ċar fir-rigward ta’ dik il-klawżola u, min-naħa l-oħra, li l-qorti adita għandha l-obbligu li teżamina r-realtà tal-kunsens tal-partijiet ikkonċernati f’dan ir-rigward (126).

110. Barra minn hekk, skont l-imsemmi artikolu, ftehim dwar l-għażla tal-ġurisdizzjoni jista’ jikkonċerna biss kwistjonijiet li jqumu jew li jkunu ser iqumu “fl-okkażjoni ta’ relazzjoni ġuridika speċifika”. Meta interpretat dan l-aħħar kriterju mill-perspettiva tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[d]ak ir-rekwiżit huwa intiż li jillimita l-portata ta’ ftehim ta’ ġurisdizzjoni biss għall-kwistjonijiet li jkunu joriġinaw minn relazzjoni ġuridika li fl-okkażjoni tagħha jkun ġie konkluż dak il-ftehim. L-għan tiegħu huwa li jiġi evitat li xi parti tkun sorpriża bl-attribuzzjoni, lil qorti partikolari, tal-kwistjonijiet kollha li jinqalgħu fir-relazzjonijiet li hija jkollha mal-kontroparti kontraenti u li jkunu joriġinaw minn relazzjonijiet oħrajn apparti dik li dwarha jkun sar il-ftehim dwar il-ġurisdizzjoni” (127).

111. Bl-istess mod bħal CDC, jiena għandi dubji serji li klawżola ta’ ġurisdizzjoni inkluża f’kuntratti bħal dawk inkwistjoni tista’ tissodisfa r-rekwiżit ta’ kunsens ċar u mhux ivvizzjat, għaliex dan ifisser li tingħata ġurisdizzjoni lill-qorti speċifikata biex taqta’ kwistjoni dwar it-tort ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li jkun jirriżulta minn akkordju illeċitu meta l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar ma kinitx magħrufa mill-allegata vittma fil-mument li tkun ikkonkludiet dak il-ftehim.

112. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi jista’ jiġi aċċettat li l-vittma taderixxi għal ftehim dwar il-ġurisdizzjoni wara li hija ssir taf bl-eżistenza tal-akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, u li dak il-ftehim wara li tqum il-kwistjoni b’hekk huwa aċċettat b’għarfien sħiħ tal-kawża.

113. F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-proposta ta’ direttiva msemmija hawn fuq, li tirrigwarda l-azzjonijiet għal kumpens taħt il-liġi domestika wara ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, għandha tendenza b’mod partikolari li tiffavorixxi l-użu ta’ mekkaniżmi kunsenswali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, bħal ftehim bonarju jew arbitraġġ, u li żżid l-effikaċja tagħhom (128). Jidhirli li dan l-approċċ huwa fondat, peress li l-partijiet qablu għal kollox u b’mod liberu li jattribwixxu l-kwistjoni tad-drittijiet għad-danni li tirriżulta minn akkordju illeċitu lil ġurisdizzjoni partikolari, anki jekk tkun differenti minn dik li jkollha ġurisdizzjoni jekk japplikaw l-Artikoli 5(3) jew 6(1) tar-Regolament Brussell I.

114. Tkun xi tkun l-analiżi adottata mill-qorti tar-rinviju dwar dawn l-aħħar punti, nikkunsidra li ma hemmx lok li l-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji previst fl-Artikolu 101 TFUE, li jissemma fit-tielet domanda preliminari, jinterferixxi fir-rigward tal-każ partikolari tal-klawżoli dwar l-għażla tal-qorti kompetenti li jaqgħu taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I.

115. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dik il-klawżola, ma humiex ir-regoli nazzjonali iżda d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu li jiddeterminaw, fid-dritt tal-Unjoni, il-kompetenza ġudizzjarja tal-qrati tal-Istati Membri f’materji ċivili u kummerċjali, billi jiffissaw kemm il-kundizzjonijiet tal-validità kif ukoll l-effetti ġuridiċi ta’ dik il-klawżola (129). Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar l-interpretazzjoni fil-ġurisprudenza tal-imsemmi Artikolu 23 (130) iwasslu b’mod ċar biex jiġu invokati, jekk ikun il-każ, il-klawżoli li huma konformi mar-rekwiżiti relatati ma’ dak l-artikolu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunsens tal-persuna li allegatament iġġarrab dannu minħabba l-akkordju illeċitu, b’relazzjoni mal-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mill-Artikoli 5 u/jew 6 ta’ dak ir-regolament.

116. Għandu jingħad ukoll li l-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri, li hija wieħed mill-pilastri tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u adottata fir-Regolament Brussell I (131), timplika fil-fehma tiegħi li l-ġurisdizzjoni tal-qorti magħżula mill-partijiet skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament ma tistax tiġi eskluża fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex awtorizzat li jiġi invokat l-ordni pubbliku sabiex issir oppożizzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li toriġina minn Stat Membru ieħor minħabba li d-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jkun ġie applikat ħażin dwar il-mertu (132).

117. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li meta jkun hemm klawżola li tagħżel qorti ta’ Stat Membru ieħor li tkun rikonoxxuta b’mod konformi mal-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I u li tkun debitament applikabbli għall-kawża li jkollha quddiemha, qorti ta’ Stat Membru għandha tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha stess, anki meta dik il-klawżola twassal biex jiġu injorati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-Artikoli 5 u/jew 6 ta’ dak ir-Regolament, u dan minkejja l-prinċipju ta’ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji li jirriżultaw mill-Artikolu 101 TFUE.

3.      Fuq l-effett, fir-rigward tat-tipi l-oħrajn ta’ klawżoli invokati, tal-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE

118. Fir-rigward tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni li għalihom jirriżulta li l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I ma huwiex applikabbli, kif ukoll fir-rigward tal-klawżoli ta’ arbitraġġ, il-problema sottomessa mill-qorti tar-rinviju hija iktar kumplessa, għaliex għandha tinftiehem permezz ta’ applikazzjoni mhux tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda tar-regoli tad-dritt nazzjonali, li l-implementazzjoni tagħhom għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 101 TFUE.

119. F’dan ir-rigward, infakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tirriżulta mis-sentenzi Courage u Crehan, u Manfredi et li diġà ssemmew (133), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar dan is-suġġett, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet tal-eżerċitar tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE (134), sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu osservati, li jeħtieġ, b’mod partikolari, li dawk ir-regoli nazzjonali ma jippreġudikawx l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni waqt li jqisu b’mod speċifiku l-objettiv imsemmi f’dak l-Artikolu (135). Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali ma tistax tippermetti li l-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u/jew ta’ arbitraġġ inkwistjoni jiġu applikati b’mod li jippreġudika dik l-effikaċja sħiħa.

120. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effett sħiħ tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni ddikjarata fil-paragrafu 1 tiegħu (136) jitpoġġew f’dubju jekk ma jkunx possibbli li kull persuna tkun tista’ titlob kumpens għal dannu li hija tkun ġarrbet minħabba kuntratt jew aġir li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew jikkawża distorsjoni, bħall-akkordju illeċitu li, f’dan il-każ, huwa l-bażi tat-talbiet ta’ CDC. Fil-fatt, il-garanzija tad-dritt li jintalab tali kumpens huwa, b’mod partikolari, ta’ tali natura li jiskoraġġixxi akkordji jew prattiki ta’ dan it-tip, li spiss ikunu moħbija, u tikkontribwixxi wkoll sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fi ħdan l-Unjoni (137).

121. Bħala regola ġenerali, meta jkun hemm klawżola ta’ arbitraġġ, qorti ta’ Stat Membru għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirreferi lill-partijiet għall-arbitraġġ, fuq talba ta’ waħda minnhom, ħlief jekk dik il-qorti tikkonstata li l-ftehim ta’ arbitraġġ invokat huwa null, ineffettiv jew ma jistax jiġi applikat għall-kawża quddiemha, u dan wara li jkun sar eżami, fil-kuntest tal-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni tagħha, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali (138), peress li r-Regolament Brussell I ma jiddeterminax il-kundizzjonijiet tal-validità ta’ tali klawżola (139). L-istess jgħodd għall-klawżoli li jagħżlu qorti statali li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 23 tal-imsemmi Regolament.

122. Madankollu, il-prinċipju li jeħtieġ implementazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni tal-akkordji taħt id-dritt tal-Unjoni, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi jista’ japplika kontra l-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni jew il-klawżoli ta’ arbitraġġ, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li kull persuna jkollha d-dritt li titlob kumpens sħiħ għad-danni li jirriżultaw minn akkordju pprojbit, bħal dawk allegati fil-kawża prinċipali.

123. F’dan is-sens, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza Eco Swiss, li tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-arbitraġġ u r-regoli ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 85 tat-Trattat, li sar l-Artikolu 101 TFUE, “jista’ jitqies bħala dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku” (140). Hija ddeċidiet li “inkwantu qorti nazzjonali għandha, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, tilqa’ talba għal annullament ta’ sentenza arbitrali bbażata fuq applikazzjoni żbaljata ta’ regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandha tilqa’ wkoll tali talba meta jidhrilha li dik is-sentenza tmur kontra [dan l-artikolu]. [Fil-fatt,] id-dritt Komunitarju jeħtieġ li kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita [mill-imsemmi artikolu] għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati mill-qrati nazzjonali msejħa biex jiddeċiedu dwar il-validità ta’ sentenza ta’ arbitraġġ u jistgħu jkunu suġġetti, jekk ikun il-każ, għal rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” (141).

124. B’analoġija, nikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li titħalla inapplikata klawżola ta’ arbitraġġ, kif ukoll klawżola ta’ ġurisdizzjoni mhux irregolata mill-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I, f’każijiet fejn l-implementazzjoni ta’ dik il-klawżola twassal biex jiġi ppreġudikat l-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi utilment osservat li l-imsemmija sentenza Eco Swiss tippreċedi s-sentenzi Courage u Crehan u Manfredi et, iċċitati iktar ’il fuq, li stabbilixxew ir-rikonoxximent, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dritt għal kumpens tad-danni kollha mġarrba mill-vittmi ta’ restrizzjonijiet illeċiti għall-kompetizzjoni libera, mhux biss fl-interessi ta’ dawk il-vittmi, iżda b’mod speċjali sabiex jiġu ppreżervati l-interessi ġenerali marbuta ma’ dik il-libertà. Il-ġurisprudenza li ġiet wara dawk iż-żewġ sentenzi kompliet issaħħaħ dak l-approċċ, billi ħeġġet l-implementazzjoni privata tal-imsemmija regoli tal-kompetizzjoni (magħrufa bħala “private enforcement”) b’mod partikolari permezz tat-tneħħija ta’ ostakli li jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet nazzjonali (142).

125. Huwa minnu li l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni jew klawżoli ta’ arbitraġġ ma tikkostitwixxix per se ostakolu għall-effettività tal-Artikolu 101 TFUE fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq. B’mod partikolari, il-fatt li klawżoli ta’ dan it-tip jistgħu, jekk ikunu validi u applikabbli għall-kawża kkonċernata, jwasslu biex ma jiġux applikati l-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-Artikoli 5 u/jew 6 tar-Regolament Brussell I, mhux neċessarjament għandu l-effett li jċaħħad lill-preżunti vittmi ta’ dannu kkawżat minn akkordju illeċitu mill-possibbiltà li jiksbu kumpens sħiħ fuq din il-bażi, sakemm huma ma jkunux preklużi milli jaġixxu quddiem kull waħda mill-qrati statali jew arbitrali speċifikati, anki jekk, meta titqies il-varjetà kbira ta’ klawżoli opposti f’dan il-każ, l-applikazzjoni tagħhom mingħajr dubju tista’ tagħmel dik l-operazzjoni iktar diffiċli.

126. Madankollu, fil-fehma tiegħi huwa delikat biex titpoġġa fil-prattika dik il-pożizzjoni teoretika fil-kuntest partikolari ta’ akkordju illeċitu li jkun involva għadd kbir ta’ parteċipanti u vittmi preżunti u li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun iġġenerat għadd ta’ kuntratti individwali ta’ kunsinna, possibbilment miftiehma bejn kumpanniji differenti ta’ grupp ta’ bejjiegħ jew ta’ xerrej (143). Fil-fatt, f’każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tkun ta’ natura orizzontali, bħal dik li fuqha hija bbażata l-azzjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jammetti li esklużjoni ta’ mezzi normali ta’ protezzjoni ġudizzjarja, ħlief meta l-preżunti vittmi jkunu taw espressament il-kunsens tagħhom f’dan is-sens u bil-kundizzjoni li l-qrati statali jew arbitrali li jkunu b’hekk ingħataw ġurisdizzjoni jkunu obbligati li japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni abbażi tar-regoli ta’ ordni pubbliku.

4.      Fuq l-operabbiltà ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u klawżoli ta’ arbitraġġ f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali

127. Il-problema essenzjali, li ser tqum fuq bażi preliminari għall-qorti nazzjonali, hija l-kwistjoni jekk il-klawżoli ta’ arbitraġġ u l-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni invokati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali humiex realment intiżi biex jinterferixxu f’dan il-każ. Ċertament, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (144), il-qorti adita bil-kawża prinċipali biss tista’, u saħansitra għandha, tevalwa l-validità u l-portata ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tiġi invokata quddiemha. Il-Landgericht Dortmund donnha tikkunsidra, għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju tagħha ma hijiex espliċita f’dan ir-rigward, li s-suġġett tal-kawża jista’ jkun kopert miż-żewġ tipi ta’ klawżoli inklużi fil-kuntratti ta’ kunsinna li l-ħarsien tagħhom huwa mitlub mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

128. Madankollu, kif jenfasizzaw kemm CDC kif ukoll il-Kummissjoni, wieħed jista’ jiddubita bis-saħħa l-fatt li d-drittijiet ta’ kumpens li tinvoka r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma dderivati minn kuntratti li fihom kienu jinsabu dawn il-klawżoli.

129. B’analoġija ma’ dak li ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I (145), jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jammetti li l-kompetenzi ġudizzjarji bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jistgħu jkunu esklużi f’każ fejn l-applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru tippermetti li tip ieħor ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni jew klawżola ta’ arbitraġġ tissottometti l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jinqalgħu fir-relazzjonijiet li parti jkollha mal-parti kontraenti l-oħra u li jkunu joriġinaw minn relazzjonijiet oħrajn minbarra dik li fl-okkażjoni tagħha tkun ġiet aċċettata l-klawżola kkonċernata. Jidhirli li huwa neċessarju wkoll ir-rekwiżit ta’ rabta kkaratterizzata bejn il-klawżola invokata u relazzjoni ġuridika speċifika, sabiex tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni.

130. Fil-fehma tiegħi, id-drittijiet allegati f’din il-kawża jirriżultaw pjuttost mit-tort ikkostitwit mill-organizzazzjoni u l-implementazzjoni tal-akkordju bil-moħbi mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża prinċipali huma l-konsegwenzi finanzjarji ġġenerati minn dak l-aġir frawdolenti, li min-natura tiegħu huwa distint mill-kuntratti ta’ kunsinna invokati (146). Klawżola ta’ ġurisdizzjoni jew klawżola ta’ arbitraġġ ma setgħetx ġiet konkluża b’mod validu f’dawk iċ-ċirkustanzi, jiġifieri qabel ma l-preżunti vittmi saru jafu bl-eżistenza tal-avveniment kawżali u tad-danni li dan ikkaġuna.

131. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju wkoll torjenta ruħha lejn din l-istess kwalifikazzjoni tal-kawża prinċipali, għaliex hija donnha tikkunsidra, b’mod partikolari fit-termini tat-tieni domanda tagħha, li l-azzjoni dwar responsabbiltà ċivili li hija pendenti quddiemha taqa’ taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort jew kważi-delitt, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, u mhux taħt materja kuntrattwali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament (147). Madankollu, taħt ċerti sistemi ġuridiċi nazzjonali, il-kwalifikazzjoni tas-suġġett ta’ kawża bħala tort ma teskludix per se l-applikabbiltà ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni jew klawżoli ta’ arbitraġġ, li b’mod ċar tiddependi, f’kull każ konkret, mill-formulazzjoni tal-klawżola kkonċernata (148).

132. Għaldaqstant, jidhirli li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-implementazzjoni ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u/jew klawżoli ta’ arbitraġġ fil-kuntest ta’ azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju ddikjarat li jmur kontra dak l-Artikolu ma jippreġudikax per se l-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji. Madankollu, sabiex klawżola ta’ xi waħda minn dawn il-kategoriji tkun tista’ tiġi ddikjarata applikabbli, skont id-dritt ta’ Stat Membru, f’kawża dwar responsabbiltà għal tort li jista’ jirriżulta minn dak l-akkordju, l-imsemmi prinċipju ma jippermettix fil-fehma tiegħi li l-ġurisdizzjoni għal dik il-kawża tingħata skont klawżola li tinsab f’kuntratt li l-kontenut tiegħu jkun ġie miftiehem meta l-parti li kontriha tiġi invokata dik il-klawżola ma kinitx taf bl-akkordju inkwistjoni u bin-natura illeċita tiegħu, u li b’hekk ma setgħetx tipprevedi li l-klawżola tista’ tapplika għal kumpens mitlub fuq dik il-bażi.

V –    Konklużjoni

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej id-domandi preliminari li saru mil-Landgericht Dortmund (il-Ġermanja):

1)      a)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenut li d-domiċilju tiegħu jkun jinsab fit-territorju ta’ qorti ta’ Stat Membru u konvenuti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, issir talba kontrihom għal informazzjoni u danni, fuq bażi in solidum, minħabba ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) ikkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea, li fih huma jkunu pparteċipaw f’diversi Stati Membri u f’mumenti differenti, ikun hemm interess li dawn it-talbiet jiġu investigati u ġġudikati fl-istess ħin sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli kieku l-kawżi kellhom jiġu                   ġġudikati separatament.

b)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-azzjoni eżerċitata biss kontra l-uniku wieħed mill-kokonvenuti li jkun iddomiċiljat fit-territorju tal-qorti adita tkun ġiet irtirata ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, sakemm, minn naħa waħda, dak l-irtirar ikun sar wara d-data li fiha l-qorti tkun ġiet adita b’mod validu u, min-naħa l-oħra, li dan ma jkunx korelattiv ma’ tranżazzjoni li tkun ġiet konkluża b’mod vinkolanti bejn ir-rikorrent u l-imsemmi konvenut qabel dik id-data iżda tkun ġiet moħbija bis-sempliċi skop sabiex wieħed mill-konvenuti l-oħrajn jiġi mħarrek quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn ikun jinsab id-domiċilju tiegħu.

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti jiġu mfittxija għad-danni minħabba akkordju, li jkun ġie ddikjarat li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li fih huma jkunu pparteċipaw f’diversi Stati Membri f’diversi postijiet u mumenti, il-fatt dannuż ma jistax jitqies li seħħ, fir-rigward ta’ kull konvenut u għad-danni kollha invokati jew id-dannu totali, f’kull wieħed mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom l-akkordju illeċitu ġie konkluż u/jew implementat.

3)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-implementazzjoni ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u/jew klawżoli ta’ arbitraġġ fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens tad-danni kkawżati minn ksur ta’ dak l-artikolu, il-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-implementazzjoni ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni konformi mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, waqt li dan il-prinċipju jipprekludi l-implementazzjoni ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ u/jew ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni li ma jaqgħux taħt l-imsemmi Artikolu 23 meta d-dritt nazzjonali applikabbli jkun jippermetti li l-ġurisdizzjoni għal dik il-kawża tiġi attribwita skont klawżola li tinsab f’kuntratt li l-kontenut tagħha jkun ġie miftiehem meta l-parti li kontriha tiġi invokata dik il-klawżola ma kinitx taf dwar l-akkordju inkwistjoni u n-natura illeċita tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42. Dan ir-Regolament ser jiġi ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1), li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu ser jidħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2015.


3 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”. Peress li d-diċitura tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE hija, essenzjalment, analoga għal dik tal-Artikoli 81 KE u 101 TFUE, dak li ser jiġi indikat f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jgħodd mutatis mutandis għal dawn tal-ewwel.


4 – B’oppożizjoni għall-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-isfera pubblika (“public enforcement”), li hija żgurata mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.


5 – L-adozzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni speċifiċi għal rikorsi kollettivi f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji ġiet identifikata bħala problema pertinenti fil-Green Paper dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Brussell I [COM(2009) 175 finali, punt 8.2 in fine], iżda mingħajr ma dik il-konstatazzjoni ġiet segwita b’effetti fir-Regolament Nru 1215/2012 li ffinalizzat dik ir-reviżjoni.


6 – Ara l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), (ĠU L 199, p. 40), li jirregola biss il-fatti li jikkawżaw danni li seħħu wara l-11 ta’ Jannar 2009 (Sentenza Homawoo, C‑412/10, EU:C:2011:747). Skont il-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, “[i]r-regola speċjali fl-Artikolu 6 [jiġifieri ‘Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta’], mhijiex eċċezzjoni għar-regola ġenerali fl-Artikolu 4(1) iżda hija pjuttost kjarifika tagħha”.


7 – Deċiżjoni C(2006) 1766 finali tal-Kummissjoni dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat (ĠU 2006, L 353, p. 54).


8 – Il-perossidu tal-idroġenu jservi, b’mod partikolari, bħala aġent ta’ bjudija fl-industriji tal-karta u tat-tessuti, kif ukoll għad-diżinfettar u l-ipproċessar tal-ilma użat. Il-perborat tas-sodju jintuża prinċipalment bħala sustanza attiva fid-deterġenti sintetiċi u t-trab tal-ħasil (ara ibidem, punti 2, 3 u 4).


9 – Sinteżi tal-multi imposti u r-rikorsi miftuħa kontrihom quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinsab fil-komunikazzjoni għall-istampa Nru 154/13, tal-5 ta’ Diċembru 2013, aċċessibbli fuq l-indirizz tal-internet segwenti: http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2013‑12/cp130154fr.pdf.


10 – Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi li CDC kkonkludiet ftehimiet ta’ trasferiment tad-drittijiet ta’ kumpens ma’ 32 impriża stabbiliti fi 13-il pajjiż Ewropew differenti, billi ppreċiżat li wħud fosthom qabel kienu kkonkludew tali ftehim ma’ 39 impriża oħra.


11 – Il-konvenuti kienu Akzo Nobel NV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel”), stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, Solvay SA (iktar ’il quddiem “Solvay”), stabbilita fil-Belġju, Kemira Oyj (iktar ’il quddiem “Kemira”), stabbilita fil-Finlandja, Arkema France SA (iktar ’il quddiem “Arkema France”), stabbilita fi Franza (li fil-konfront tagħha CDC sussegwentement irtirat il-kawża), FMC Foret SA (iktar ’il quddiem “FMC Foret”), stabbilita fi Spanja kif ukoll Evonik Degussa, l-unika waħda stabbilita fil-Ġermanja (inizjalment konvenuta u issa parti intervenjenti insostenn ta’ Akzo Nobel, Solvay, Kemira u Arkema France).


12 – Chemoxal SA, parti intervenjenti insostenn ta’ Solvay u ta’ FMC Foret, hija stabbilita fi Franza, filwaqt li Edison SpA (iktar ’il quddiem “Edison”), parti intervenjenti insostenn ta’ Akzo Nobel, ta’ Kemira, ta’ Arkema France u ta’ FMC Foret, hija stabbilita fl-Italja.


13 – Fuq dan il-kunċett, ara, b’mod partikolari, Mestmäcker, E.‑J., Wirtschaft und Verfassung in der Europäischen Union: Beiträge zu Recht, Theorie und Politik der europäischen Integration, Nomos, Baden‑Baden, it-Tieni Edizzjoni, 2006, b’mod speċjali p. 30 sa 39 u p. 116 sa 132; Christodoulidis, E., “A Default Constitutionalism? A Disquieting Note on Europe’s Many Constitutions”, f’The many constitutions of Europe, Tuori, K., u Sankari, S. (taħt id-direzzjoni ta’), Ashgate, Edinburgh Centre for Law and Society series, 2010, p. 31 et seq, b’mod speċjali p. 34 sa 38.


14 – Sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36).


15 – Is-sentenza Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 46), li ngħatat fil-kuntest ta’ talba għad-danni bbażata fuq dannu kkawżat lill-Unjoni Ewropea minn akkordju, tfakkar li “l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta”.


16 – Fuq il-fatt li, fil-Ġermanja, l-azzjonijiet kollettivi (class actions) ma humiex permessi, għall-kuntrarju tar-Renju Unit, iżda huma ammissibbli azzjonijiet ta’ kumpanniji li, bħal CDC, jinħolqu bl-uniku skop li jippreżentaw azzjoni għad-danni f’isem il-membri tagħhom, ara Derenne, J., “Réparation du dommage concurrentiel dans le droit de l’Union européenne et des États membres”, Concurrences, 2014, nru 3, Colloque, p. 76 sa 78, punti 120 u 122.


17 – F’dan il-qasam, “il-litigazzjoni dwar id-danni għadha ma hijiex żviluppata biżżejjed” u “il-possibiltajiet għal vittma li tikseb kumpens abbażi tad-danni kkawżati minn prattika antikompetittiva jvarjaw b’mod sinjifikanti fost l-Istati Membri” minħabba “il-varjetà kbira bejn id-dispożizjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-azzjonijiet” [traduzzjoni libera], skont Calisti, D., f’“Quelles propositions de l’Union européenne pour une meilleure réparation des dommages concurrentiels?”, Concurrences, 2014, nru 3, p. 27 sa 31, punti 6 u 7. Dwar l-opportunità li jkunu jistgħu jingħaqdu l-azzjonijiet ta’ għadd ta’ rikorrenti kontra l-istess konvenut, b’mod partikolari fir-rigward ta’ akkordji, ara wkoll ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I [COM(2009) 174 final, punt 3.5].


18 – C‑453/99, EU:C:2001:465.


19 – C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461.


20 – Ibidem, punt 95.


21 – “[...] fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali għal dawn ir-rikorsi, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma jkunux anqas favorevoli minn dawk relattivi għar-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni [prinċipju tal-ekwivalenza] u li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju jew prattika projbita mill-Artikolu 81 KE prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli [prinċipju ta’ effettività]” (Ibidem, punt 72).


22 – Ara l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Fil-fatt, huwa paċifiku li d-dritt idderivat għandu jiġi interpretat u applikat b’mod konformi mad-dritt primarju. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑135/93, EU:C:1995:201, punt 37), li tfakkar li “meta test tad-dritt idderivat Komunitarju jkun jista’ jiġi interpreta b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tagħmel id-dispożizzjoni konformi mat-Trattat, u mhux dik li twassal għal konstatazzjoni ta’ inkumpatibbiltà miegħu”. Ara wkoll is-sentenza Réexamen Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 40).


24 – Ara s-sentenza flyLAL‑Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 29), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik l-istess kawża flyLAL‑Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2046, punt 48).


25 – ĠU 1972, L 299, p. 32. Test kif emendat mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda ma’ dik il-konvenzjoni. Ara, ukoll, ir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“rapport Jenard”) kif ukoll ir-rapport dwar il-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll mal-protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, iffirmata fil-Lussemburgu fid-9 ta’ Ottubru 1978, redatta mill-Professur Dr P. Schlosser (ĠU 1979 C 59, p. 71, iktar ’il quddiem ir-“rapport Schlosser”).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi OTP Bank (C‑519/12, EU:C:2013:674, punt 21), u Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19).


27 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, is-sentenzi Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punti 31 u 32) kif ukoll ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 28 u 29), fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tiegħu s-sentenzi Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:595, punt 39) kif ukoll Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 31 u 42), u fir-rigward tal-Artikolu 23 tiegħu, is-sentenza Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punti 18 u 19).


28 – Ara b’mod partikolari, dwar is-suġġett tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punti 26 u 27) u, dwar is-suġġett tar-Regolament Brussell I, is-sentenza Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 35).


29 – Dwar il-pożizzjoni adottata f’dan is-sens mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara n-nota 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30 – F’dan ir-rigward, ara Idot, L., “La dimension internationale des actions en réparation. Choisir sa loi et son juge: Quelles possibilités?”, Concurrences, 2014, Nru 3, p. 43 sa 53, b’mod speċjali punt 5.


31 – Skont is-sentenza flyLAL‑Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 28), “[l]-azzjoni mibdija [fil-kawża prinċipali] għandha bħala għan il-kumpens għad-dannu marbut ma’ allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’dan il-mod, hija taqa’ taħt id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili għal delitti jew kważi delitti”.


32 – Jiġifieri d-delitti li l-elementi kostituttivi tagħhom, li huma l-fatt ġeneratur u l-konsegwenzi dannużi li dan ikun ikkawża, isibu ruħhom maqsuma u mxerrda fit-territorju ta’ diversi Stati Membri.


33 – Nippreċiża li, f’din il-kawża, it-tieni ipoteżi msemmija minn dik id-dispożizzjoni, dwar “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, ma hijiex pertinenti għaliex ir-rikorrent jinvoka l-konsegwenzi ta’ fatti li jikkostitwixxu tort li diġà seħħew.


34 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 27) kif ukoll Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punti 27 et seq), u eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 51).


36 – Il-Kummissjoni tipproponi li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jiġi interpretat fis-sens li, f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali, “ir-rikorrent ikun jista’ jippreżenta rikors għad-danni kontra kull wieħed mill-membri tal-akkordju jew quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru fejn l-akkordji ta’ kollużjoni jkunu ġew konklui u implimentati (il-post tal-fatt ġeneratur), jew quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju is-suq ikun ġie affettwat mill-aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (il-post tar-riżultat); dawn tal-ewwel għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-kumpens għat-totalità tad-danni kkawżati mill-ksur tal-liġi dwar l-akkordji filwaqt li t-tieni qrati għandhom kompetenza unikament biex jiddeċiedu dwar id-danni kkawżati fl-Istat tal-qorti adita” (enfasi miżjuda minni).


37 – Kemira ssostni li dik it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, b’mod partikolari, inkwantu ma tinkludi xejn li jippermetti li jiġi kkonstatat li ġew konklużi jew implementati akkordji illeċiti fit-territorju tal-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest fattwali u regolatorju li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li b’hekk ma huwiex fil-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ pertinenza li tista’ tiġi kkonfutata biss f’każijiet limitati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 27 et seq), li fil-fehma tiegħi ma humiex ikkaratterizzati f’din il-kawża.


38 – B’mod partikolari, skont FMC Foret, il-qrati ta’ Stat Membru ma għandux ikollhom kompetenza biex jiddeċiedu dwar l-allegazzjonijiet ibbażati fuq porzjon tal-akkordju illeċitu li jkun twettaq u/jew li jkun ipproduċa l-effetti tiegħu f’dak l-Istat Membru, waqt li skont Solvay, rabta mill-qrib bejn il-qorti adita u l-kawża għandha, bħala kriterju ta’ konnessjoni, tiġi kkonstata separatament fir-rigward ta’ kull konvenut u għad-danni kollha invokati.


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 15); Melzer (EU:C:2013:305, punti 22, 34 et seq); Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punt 40); kif ukoll Coty Germany (EU:C:2014:1318, punt 43).


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Coty Germany (EU:C:2014:1318, punti 44 u 45).


41 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, punti 14 u 20).


42 – Effettivament, f’materji ta’ tort, il-qorti tal-post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż normalment tkun l-iktar waħda adatta biex tiddeċiedi, b’mod partikolari peress li tkun qrib il-kawża u jkollha l-faċilità li tamministra l-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 27).


43 – Fin-nota 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Coty Germany (EU:C:2014:1318, punti 47 u 48).


45 – Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din il-problema tqum “anki jekk nassumu li l-parteċipanti fl-akkordju illeċitu għandhom, bħala koawturi tal-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE/101 TFUE, jirrispondu totalment għad-danni kkawżati”.


46 – Ara s-sentenza flyLAL‑Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 28).


47 – Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 5(3), jista’ fil-fehma tiegħi japplika għar-restrizzjonijiet vertikali tal-kompetizzjoni — sakemm ir-responsabbiltà invokata ma tkunx ta’ natura kuntrattwali —, kif ukoll għall-akkordji li l-portata tagħhom tkun limitata ġeografikament, sakemm il-post fejn ikun seħħ l-att antikompetittiv, jew l-effett tiegħu, ikun jista’ jiġi identifikat b’mod ċar.


48 – Ara l-premessa 15 tar-Regolament Brussell I.


49 – Fuq id-diversi elementi tal-konkretizzazzjoni tal-akkordju f’din il-kawża, ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – EU:C:2013:305, punt 40.


51 – Effettivament, att negattiv konsekuttiv għal akkordju ma huwiex ekwivalenti għal att pożittiv, għaliex astensjoni ma tistax tiġi lokalizzata per se (ara, b’analoġija, is-sentenza Besix, C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 49, fejn l-obbligu kuntrattwali inkwistjoni kien jikkonsisti f’impenn li ma titteħidx azzjoni u ma kien jinkludi ebda limitazzjoni ġeografika).


52 – Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Hejduk (EU:C:2014:2212, punt 42) “[k]riterju li jirrikjedi lil rikorrent jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kawża tiegħu skont il-kriterji territorjali li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġu ddeterminati, ma huwiex kriterju koerenti man-natura tar-Regolament [Brussell I]”.


53 – Fil-fehma tiegħi għandha ssir distinzjoni bejn dik is-sitwazzjoni u dawk, pereżempju, ta’ kartell klassiku li jkun ġestit minn assoċjazzjoni professjonali jew akkordju li l-attività tiegħu tkun ġeografikament ikkonċentrata minħabba post ta’ laqgħat uniku peress li f’dawk il-każijiet ma jkunx hemm tixrid ekwivalenti tal-fatti li jiġġeneraw id-dannu.


54 – B’hekk, fis-sentenza Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punti 30 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “il-fatt li klijent ta’ impriża li ma tkunx membru ta’ akkordju, iżda li tibbenefika mill-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ prezz protettiv, iġarrab dannu minħabba prezz tal-offerta ogħla minn dak li kien ikun fl-assenza ta’ dan l-akkordju jagħmel parti mill-effetti possibbli tal-imsemmi akkordju, li l-membri tiegħu ma jistgħux jinjoraw”.


55 – Fis-sentenza Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fis-sens li l-vittma ta’ dannu b’mod indirett tista’ tirrikorri biss, fuq din il-bażi, quddiem il-qorti tal-post fejn il-fatt kawżali jkun ipproduċa direttament l-effetti dannużi tiegħu fir-rigward tal-vittma immedjata.


56 – Fil-fatt jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I li dan l-istrument jillimita l-każijiet fejn konvenut jista’ jiġi mfittex quddiem il-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent (ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sentenzi Six Constructions, 32/88, EU:C:1989:68, punti 13 u 14, kif ukoll Dumez France u Tracoba, EU:C:1990:8, punt 19).


57 – F’dan ir-rigward, il-premessa 21 tar-Regolament Ruma II tindika li “[i]l-konnessjoni mal-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet kompetittivi […] ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta [li huwa previst, fir-rigward ta’ atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera, fl-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament] ġeneralment tissodisfa dawn l-objettivi, li […] tipproteġi l-kompetituri, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali u tiżgura li l-ekonomija tas-suq tiffunzjona sew”.


58 – Ashton, D., u Henry, D., Competition Damages Actions in the EU, Law and Practice, Elgar Competition Law and Practice Series, Cheltenham, 2013, p. 179, punt 7.030, jenfasizzaw li “[i]n the case of a pan‑European cartel, [the place where the claimant suffered loss] could conceivably be in any Member State, which leads to relatively unrestrained freedom to forum shop in proceedings relating to […] abuses with effects felt throughout Europe”.


59 – EU:C:1995:61, punt 33, fejn huwa ppreċiżat li “il-qrati ta’ kull Stat [parti għall-Konvenzjoni ta’ Brussell] fejn il-pubblikazzjoni tkun ġiet imxerrda u fejn il-vittma tallega li tkun ġarrbet ħsara għar-reputazzjoni tagħha, [għandhom] kompetenza biex jieħdu konjizzjoni biss tad-danni kkawżati fl-Istat tal-qorti adita” (enfasi miżjuda minni).


60 – Fil-fatt, il-qrati ta’ kull Stat Membru jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw in-natura u l-portata tad-danni li jkunu seħħew fit-territorju nazzjonali.


61 – Ara l-eżempju konkret imsemmi minn Idot, L., f’“La dimension internationale des actions en réparation. Choisir sa loi et son juge: Quelles possibilités?”, op. cit., punt 34.


62 – EU:C:2012:664.


63 – B’mod konformi mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [Artikoli 101 u 102 TFUE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), sabiex tiġi ggarantita “[l]-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità”, “[m]eta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni”. Is-sentenza Otis et (EU:C:2012:684, punt 51) tippreċiża li “[d]an il-prinċipju japplika wkoll meta titressaq quddiem il-qrati nazzjonali kawża għall-kumpens għad-dannu subit b’riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika li ġiet ikkonstatata kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE permezz ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni”.


64 – EU:C:2002:99, punt 55. Skont is-sentenza Besix “ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali, stabbilita fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma hijiex applikabbli fl-ipoteżi fejn […] il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba għall-ġustizzja ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, minħabba l-fatt li l-obbligu kuntrattwali inkwistjoni jkun jikkonsisti f’impenn li ma titteħidx azzjoni li ma jkun suġġett għal ebda limitazzjoni ġeografika u jkun ikkaratterizzat, għaldaqstant, minn multipliċità ta’ postijiet fejn ikun twettaq jew kellu jitwettaq” (enfasi miżjuda minni).


65 – Il-konstatazzjoni ta’ rabta ta’ konnessjoni sseħħ ukoll fil-kuntest tal-Artikolu 28 tar-Regolament Brussell I, iżda b’mod differenti (ara n-nota 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


66 – Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67 – Ara l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punt 10), u u sussegwentement, dwar l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, b’mod partikolari, is-sentenza Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punti 27 sa 30).


68 – Il-premessa 11 tar-Regolament Brussell I tippreċiża li “[i]d-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni” u l-Artikolu 60(1) jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, il-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi huma ddomiċiljati fil-post fejn ikollhom l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni prinċipali, jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom.


69 – Kif tfakkar is-sentenza Freeport (EU:C:2007:595, punt 53), dik il-kundizzjoni ma tinsabx fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, iżda ġiet iddikjarata fis-sentenza Kalfelis (EU:C:1988:459, punt 12) dwar l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, u sussegwentement ġiet ikkristalizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li daħħalha fit-test tar-Regolament Brussell I.


70 – Il-kundizzjoni b’hekk iddikjarata fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament hija fformulata bl-istess mod fl-Artikolu 28 tagħha, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ konnessjoni fil-każijiet ta’ kunflitti bejn qrati li t-tnejn li huma potenzjalment ikollhom ġurisdizzjoni, waqt li l-Artikolu 6(1) għall-kuntrarju jiprevedi estensjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti fir-rigward tal-konvenuti li fil-prinċipju ma jaqgħux taħt dik il-ġurisdizzjoni. Fis-sentenza Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 53), dwar l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 28 tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “huwa biżżejjed li jkun jeżistu riskju li s-soluzzjonijiet imorru kontra xulxin, anki jekk id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu eżegwiti b’mod separat u jekk il-konsegwenzi ġuridiċi tagħhom ma jkunux jeskludu lil xulxin b’mod reċiproku”.


71 – Ara s-sentenza Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 77), li tirreferi għall-premessi 12 u 15 tar-Regolament Brussell I.


72 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 28), kif ukoll Painer (EU:C:2011:798, punt 74).


73 – Effettivament, is-sentenza Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (EU:C:2008:299, punti 20 et seq) teskludi l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni meta jkunu applikabbli r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lil parti dgħajfa previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I.


74 – Kemira tallega li l-ewwel parti tal-ewwel domanda hija inammissibbli għar-raġuni li l-qorti tar-rinviju f’ebda każ ma tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I, peress li l-Landgericht Essen (qorti reġjonali ta’ Essen, il-Ġermanja) biss għandha ġurisdizzjoni ratione loci, u mhux il-Landgericht Dortmund, għaliex l-uffiċċju rreġistrat tal-konvenut ta’ ankraġġ jinsab f’Essen. Huwa minnu li dik id-dispożizzjoni tirrigwarda l-qorti tal-post ta’ domiċilju ta’ wieħed mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, u mhux il-qrati kollha ta’ Stat Membru kif jagħmel l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, fil-fehma tiegħi huwa ammissibbli li regola nazzjonali teffettwa konċentrazzjoni tal-kompetenzi ratione materiae, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetizzjoni, kif jipprevedi l-Artikolu 89 tal-liġi kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen GWB) fil-Ġermanja, bir-riżerva li tali regola ma tiddiskriminax bejn il-kawżi transkonfinali u dawk interni b’mod li dawn tal-ewwel ikunu esklużi mill-attribuzzjoni ta’ qorti li normalment ikollha ġurisdizzjoni kemm ratione loci kif ukoll ratione materiae (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2171, punti 58 et seq, nota 72).


75 – Sentenza Sapir et (EU:C:2013:228, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76 – Dwar dan is-suġġett, ara n-nota 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77 – Dik il-qorti tirreferi f’dan ir-rigward għall-punti 31 u 324 sa 327 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 1766 finali.


78 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Sapir et (EU:C:2013:228, punt 44), kif ukoll Painer (EU:C:2011:798, punt 84).


79 – Ara s-sentenza Kalfelis (EU:C:1988:459, punt 9) kif ukoll ir-rapport Jenard imsemmi iktar ’il fuq, b’mod speċjali p. 26 (enfasi miżjuda minni).


80 – Il-Kummissjoni tippreċiża li dan huwa l-każ “fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Belġju, fil-Finlandja u fl-Isvezja” u li “l-istess jgħodd f’reġimi ta’ responsabbiltà għal tort applikabbli fl-Italja, fir-Renju Unit, fi Spanja, fl-Awstrija, fir-Rumanija, fil-Kroazja, fit-Turkija, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fil-Polonja u fil-Portugall”.


81 – Ara l-premessa 27 u l-Artikolu 11(1) tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea [COM(2013) 404 finali]. Dan it-test ġie adottat mill-Parlament Ewropew fis-17 ta’ April 2014 (ara n-nota 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-10 ta’ Novembru 2014, matul is-sessjoni 3344 tiegħu.


82 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Solvay (C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 28).


83 – Fis-sentenza Sapir et (EU:C:2013:228, punti 47 u 48), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, anki jekk il-bażi ġuridika invokata insostenn tat-talba kontra konvenut tkun differenti minn dik li fuqha tkun ibbażata l-azzjoni ppreżentata kontra l-konvenuti l-oħrajn, in-neċessità li tittieħed deċiżjoni b’mod uniformi teżisti meta l-pretensjonijiet invokati fid-diversi talbiet ikunu kollha jservu l-istess interess.


84 – Ara s-sentenzi Painer (EU:C:2011:798, punt 83), u Solvay (EU:C:2012:445, punt 29).


85 – Ara t-tieni sentenza tal-paragrafu 3(b) tal-imsemmi Artikolu 6 kif ukoll, dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, Fitchen, J., “The Applicable Law in Cross-Border Competition Law Actions and Article 6(3) of Regulation 864/2007” fi Cross-Border EU Competition Law Actions, Mihail, D., Becker, F., u Beaumont, P. (taħt it-tmexxija ta’), Hart Publishing, Oxford, 2013, p. 297 et seq, speċjalment p. 323 et seq.


86 – Il-premessa 7 tar-Regolament Ruma II tindika espressament li “[i]l-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet [tiegħu] għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Brussell I]”. Fil-kuntest tal-missjoni ta’ interpretazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet approssimazzjoni bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ddikjarati fir-Regolament Brussell I u r-regoli dwar kunflitt tal-liġijiet l-iktar reċenti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof, C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punti 43, 74 u 84, kif ukoll Football Dataco et, C‑173/11, EU:C:2012:642, punti 29 u 31).


87 – Ara n-nota 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


88 – Imsejjaħ ukoll il-prinċipju tal-forum perpetuum, jew tal-perpetuatio fori skont it-terminoloġija użata fid-deċiżjoni tar-rinviju.


89 – Evonik Degussa, min-naħa tagħha, tillimita l-osservazzjonijiet tagħha għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà indirizzata kontra dak l-inċiż tal-ewwel domanda, motivi bbażati fuq in-natura ipotetika u nuqqas ta’ rilevanza. Il-ġurisprudenza msemmija fin-nota 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet tippermetti fil-fehma tiegħi li tiġi miċħuda dik l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.


90 – EU:C:2006:471, punti 27 sa 31 (enfasi miżjuda minni). F’dan il-każ, ir-regola nazzjonali li twassal għal inammissibbiltà fir-rigward tal-konvenut “ta’ ankraġġ” twasal għal esklużjoni tar-rikorsi individwali tal-kredituri kontra debitur li jkun jinsab fi stat ta’ falliment.


91 – EU:C:2007:595, punt 54.


92 – F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li l-azzjoni ġiet innotifikata lill-kumpannija Ġermaniża Evonik Degussa fis-7 ta’ April 2009 u li l-konvenuti l-oħrajn fil-kawża prinċipali rċevew traduzzjoni tat-talba li biha ġiet ippreżentata l-kawża f’Awwissu 2009, filwaqt li l-kawża ġiet irtirata fil-konfront ta’ Evonik Degussa fit-tmiem tax-xahar ta’ Settembru 2009.


93 – L-imsemmi Artikolu 30 jipprovdi li “[g]ħall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata: 1. fil-waqt meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ippreżentat fil-qorti, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu s-servizz effettwat fuq il-konvenut, jew 2. jekk id-dokument għandu jkun servut qabel ma jkun ippreżentat fil-qorti, fil-waqt meta jitwassal għand l-awtorità responsabbli għas-servizz, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex jara li d-dokument ikun ippreżentat lill-qorti”.


94 – Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk stabbilixxiet, fis-sentenza Kalfelis (EU:C:1988:459, punt 11), rabta formali bejn ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (li tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I) u d-dispożizzjonijiet relatati mal-konnessjoni li jinsabu fl-Artikolu 22 tiegħu (li jikkorrispondi għall-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament).


95 – Ara l-premessi 11 u 12 tal-imsemmi regolament kif ukoll il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 li jagħmel riformulazzjoni tiegħu, b’dan tal-aħħar ikun iktar dettaljat f’dan ir-rigward.


96 – Enfasi miżjuda minni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Reisch Montage (EU:C:2006:471, punt 32), u Painer (EU:C:2011:798, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


97 – Skont l-imsemmi rapport (ara p. 27), li għalih irreferiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kalfelis (EU:C:1988:459, punt 9), jirriżulta mir-rekwiżit ta’ “rabta bejn it-talbiet ifformulati kontra kull wieħed mill-konvenuti […] li talba ma tistax titressaq unikament bl-iskop li wieħed mill-konvenuti jitneħħa mill-qrati tal-Istat fejn ikun iddomiċiljat”.


98 – EU:C:2007:595, punt 54 (enfasi miżjuda minni).


99 – Ara, b’mod partikolari, Michinel Álvarez, M. A., “Jurisprudencia española y comunitaria de Derecho internacional privado”, Revista Española de Derecho Internacional, 2007, nru 2, p. 754 sa 757; Idot, L., “Pluralité de défendeurs et fraude à la compétence juridictionnelle”, Europe, 2007, Diċembru, kummentarju Nru 364, p. 35 sa 36; Würdinger, M., “RIW‑Kommentar”, Recht der Internationalen Wirtschaft, 2008, Nru 1‑2, p. 71 sa 72; Scott, A., “‘Réunion’ Revised? Freeport v. Arnoldsson”, Lloyd’s Maritime and Commercial Law Quarterly, 2008, Nru 2, p. 113 sa 118.


100 – Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li “meta titqies id-data tal-waqfien parzjali tal-kawża u tal-aġir tar-rikorrenti u tal-ex konvenuta Evonik Degussa GmbH (li issa saret parti intervenjenti) matul il-proċedura, ma huwiex biss possibbli, iżda probabbli li t-tranżazzjoni kienet diġà ġiet konkluża, ta’ mill-inqas fis-sustanza u fil-biċċa l-kbira tagħha, qabel ma ġiet ippreżentata l-azzjoni”.


101 –      Dwar l-abbuż ta’ dritt, u b’mod partikolari d-differenza ta’ impatt minn dak li huwa suxxettibbli li jkollu, minn naħa, fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni u, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ nuqqas ta’ dritt ta’ azzjoni, ara Usunier, L., “Le règlement Bruxelles I bis et la théorie de l’abus de droit”, f’Le nouveau règlement Bruxelles I bis, Règlement n° 1215/2012 du 12 décembre 2012 concernant la compétence judiciaire, la reconnaissance et l’exécution des décisions en matière civile et commerciale, Guinchard, E. (taħt id-direzzjoni ta’), Bruylant, Bruxelles, 2014, p. 449 et seq, speċjalment p. 473.


102 – F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma, ġustament, li l-kundizzjoni ta’ konnessjoni meħtieġa mill-imsemmi Artikolu 6(1) tkun assenti jekk ir-rikorrent u l-konvenut ta’ ankraġġ effettivament kienu kkonkludew tranżazzjoni finali relatata mar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni qabel il-preżentata tar-rikors iżda li r-rikors ma kienx ġie ppreżentat kontra dak il-konvenut, waqt li żamm sieket dwar l-eżistenza tat-tranżazzjoni, bl-iskop uniku li jeskludi lil wieħed mill-konvenuti l-oħrajn mill-qrati tal-Istat Membru fejn dan tal-aħħar huwa ddomiċiljat.


103 – Fin-nota 27 tal-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:302), l-Avukat Ġenerali Mengozzi indika li “[f’]ċerti limiti, il-‘forum shopping’, mifhum – skont id-definizzjoni mogħtija mill-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer – bħala “[g]ħażla ta’ qorti skont il-vantaġġi li jistgħu jirriżultaw mid-dritt sostantiv (jew proċedurali) li jkun applikat hemmhekk” (ara l-konklużjonijiet GIE Groupe Concorde et, C‑440/97, [EU:C:1999:146], nota 10), huwa mingħajr ebda dubju leċitu” (enfasi miżjuda minni).


104 – Is-sentenza Manfredi et (EU:C:2006:461, punt 60) tgħid li “l-effettività sħiħa ta’ l-Artikolu 81 KE [Artikolu 101 TFUE] u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jiġu ppreġudikati li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu li jkun ikkawżalha kuntratt jew imġiba li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Courage u Crehan, [EU:C:2001:465], punt 26)”.


105 – Il-Landgericht Dortmund tindika li sabiex ikun magħruf jekk il-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni jistgħux b’mod validu jopponu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni legali, għandu jiġi ddeterminat liema kawżi huma koperti minn dawk il-klawżoli, permezz ta’ interpretazzjoni tagħhom, waqt li huwa ppreċiżat li l-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni għal dan il-għan, u li l-istess jgħodd għall-klawżoli ta’ arbitraġġ.


106 – CDC issemmi, bħala eżempju, “il-kuntratt ta’ kunsinna tal-20 ta’ Ġunju 1996 dwar kunsinna preċiża tal-perossidu tal-idroġenu tal-grupp FMC fil-fabbrika Ġermaniża tas-subrogata Stora Enso Oyj u li tinkludi din il-klawsola: ‘Huwa miftiehem bejn il-partijiet li l-qorti ta’ Düsseldorf [il-Ġermanja] ser tkun adita b’kull kawża li tirrigwarda dan il-kuntratt’”.


107 – CDC tiċċita bħala eżempju “il-kuntratt qafas konkluż bejn Oy Finnish Peroxides AB u s-subrogata Stora Enso Oyj sa mill-bidu ta’ Marzu 2011 dwar il-kunsinni għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2001 sal-31 ta’ Jannar 2002, u li jinkludi l-klawsola li ġejja: ‘Kull litigazzjoni, tilwima jew allegazzjonijiet, li jirriżultaw minn jew ikunu marbuta ma’ dan il-kuntrat jew il-ksur ta’ dan il-kuntratt, ix-xoljiment jew l-invalidità tal-kuntratt għandhom ikunu sottomessi lil tribunal ta’ arbitraġġ skont ir-regoli tal-kamra tal-kummerċ ta’ Ħelsinki. L-arbitraġġ għandu jsir f’Ħelsinki, il-Finlandja’”.


108 – Dan huwa l-każ ta’ Stora Enso Oyj fl-eżempji msemmija fiż-żewġ noti iktar ’il fuq.


109 – CDC tindika li “Kernira Kemi AB u s-subrogata Södra Cell AB [allegatament] ftiehmu fis-27 ta’ Ġunju 1996, għall-perijodu ta’ kunsinna li jestendi mill-1 ta’ Jannar 1996 sal-31 ta’ Diċembru 1998, li l-arbitraġġ iseħħ fi Stokkolma [l-Isvezja], u fit-2 u t-30 ta’ April 1999, għal perijodu ta’ kunsinna li ma ssemmiex, li l-arbitraġġ kellu jsir f’Malmö [l-Isvezja]”.


110 – F’dan ir-rigward, ara l-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


111 – Effettivament, l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Brussell I jeskludi l-materja ta’ arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Peress li dispożizzjoni ekwivalenti kienet tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-punt 63 tar-rapport Schlosser, imsemmi iktar ’il fuq, indika li “[l-imsemmija] konvenzjoni ma tillimitax il-libertà tal-partijiet li jissottomettu litigazzjoni lil tribunal ta’ arbitraġġ. Dan jgħodd ukoll fil-każ ta’ proċeduri li għalihom il-konvenzjoni stabbilixxiet ġurisdizzjoni esklużiva. Huwa mifhum sew li l-Konvenzjoni ma tipprojbixxix lil-leġiżlaturi nazzjonali li jiddikjaraw nulli l-ftehimiet ta’ arbitraġġ li jikkonċernaw il-kawżi li għalihom ikunu jeżistu kompetenzi esklużivi jew skont id-dritt nazzjonali, jew skont il-konvenzjoni”.


112 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li billi eskludew l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Brussell, għar-raġuni li dan kien diġà s-suġġett ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, il-partijiet kontraenti riedu jeskludu dan is-suġġett kollu, inklużi l-proċeduri ppreżentati quddiem il-qrati statali, u li dik l-esklużjoni testendi għal tali proċedura li s-suġġett tagħha jkun l-għażla ta’ tribunal ta’ arbitraġġ, anki jekk dik il-litigazzjoni tkun l-ewwel tqajjem il-kwistjoni tal-eżistenza jew tal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ (ara s-sentenza Rich, C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 18, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’dik il-kawża, C-190/89, EU:C:1991:58; u s-sentenza Van Uden, C‑391/95, EU:C:1998:543, punti 31 u 32).


113 – Sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punti 26 u 27).


114 – Ir-rispett tal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet tissemma, b’mod partikolari, fil-premessa 11 tar-Regolament Brussell I.


115 – Konvenzjoni li tikkonċerna l-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, konkluża f’Lugano, fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU L 319, p.9), bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u ċerti Stati Membri tal-Assoċjazzjoni ta’ Kummerċ Ħieles (EFTA), parallela għall-Konvenzjoni ta’ Brussell u rriveduta b’konvenzjoni konkluża f’Lugano, fit-30 ta’ Ottubru 2007, bejn il-Komunità Ewropea, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera (ara r-rapport spjegattiv ta’ F. Pocar dwar din l-aħħar konvenzjoni, ĠU 2009 C 319, p. 1).


116 – F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-qrati Statali, ta’ mill-inqas dawk kollha li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, huma obbligati, skont id-dritt primarju, li jiżguraw l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 101 TFUE. B’hekk, huma biss il-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni lil qorti li tkun tinsab barra minn dak it-territorju li jistgħu joħolqu problema mill-perspettiva tal-prinċipju tal-effikaċja sħiħa tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni.


117 – Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


118 – Ara l-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


119 – Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Ruma II jipprovdi li “[i]l-liġi applikabbli [għall-obbligi mhux kuntrattwali] ma tistax tiġi derogata b’xi ftehim skond l-Artikolu 14”, jiġifieri “ftehim konkluż wara li jkun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu li sar” jew “fejn il-partijiet kollha jeżerċitaw attività kummerċjali, ukoll bi ftehim liberament negozjat qabel ma jkun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu” li jirrispetta barra minn hekk il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati f’dan l-aħħar Artikolu.


120 – Nirrileva li l-espressjoni tar-rieda tal-partijiet permezz ta’ klawsola ta’ ġurisdizzjoni, għall-kuntrarju, ma tbiddilx il-kompetenza ratione materiae ta’ qorti ta’ Stat Membru, li hija ddefinita mil-liġi tal-forum.


121 – Ara s-sentenza Estasis Saloti di Colzani (24/76, EU:C:1976:177, punt 7).


122 – Ara s-sentenza Meeth (23/78, EU:C:1978:198, punt 5).


123 – Effettivament, għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ konsum u ta’ xogħol, l-imsemmija awtonomija hija limitata (ara l-premessi 11, 13 u 14 kif ukoll l-Artikoli 13, 17 u 21 ta’ dak ir-Regolament).


124 – Rigward il-kwalifika tas-suġġett tal-kawża prinċipali u tal-konsegwenzi li jirriżultaw fir-rigward tal-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ arbitraġġ u l-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni invokati, ara l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 127 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


125 – B’mod konformi mas-sentenza Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, punti 19 et seq), huwa d-dritt nazzjonali applikabbli għall-merti li jiddetermina jekk terza persuna f’kuntratt inizjali tkunx wirtet id-drittijiet u l-obbligi ta’ waħda mill-partijiet oriġinali, b’mod li klawżola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tapplika kontriha, anki jekk, ipotetikament, hija ma tkunx tat il-kunsens tagħha meta tkun ikkonkludiet dak il-kuntratt.


126 – Sentenza Refcomp (EU:C:2013:62, punti 27 et seq).


127 – Ara s-sentenza Powell Duffryn (C‑214/89, EU:C:1992:115, punt 31, enfasi miżjuda minni).


128 – Ara COM(2013) 404 finali, p. 22 et seq, premessi 37 et seq kif ukoll l-Artikoli 17 u 18. Kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (ara ĠU tas-6 ta’ Marzu 2014 C 67, p. 83, punt 4.7) kif ukoll il-Kunsill (ara n-nota bit-titolu “Analysis of the final compromise text with a view to agreement”, tal-24 ta’ Marzu 2014, 8088/14 RC 6 JUSTCIV 76 CODEC 885, b’mod speċjali p. 4, 12 u 37 et seq) u l-Parlament Ewropew (ara Résolution législative u Position arretée en première lecture tas-17 ta’ April 2014, P7_TA(2014)0451, premessa 43 u Artikoli 18 u 19) iddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar dik il-proposta, b’mod konkordanti favur l-imsemmija mekkaniżmi.


129 – F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 jippreċiża li “Il-validità tal-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni ma jistax jiġi kkuntestat biss fuq il-bażi li l-kuntratt mhuwiex validu”, b’mod konformi mal-prinċipju tal-awtonomija tal-klawsola b’rabta mad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-kuntratt li fih tkun inserita, li ġie kkristalizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Benincasa (EU:C:1997:337, punti 24 et seq). Barra minn hekk, mis-sentenza Effer (38/81, EU:C:1982:79, punti 7 et seq) jirriżulta li tali klawsola għandha tiġi applikata anki jekk il-litigazzjoni tkun tirrigwarda l-formazzjoni tal-kuntratt.


130 – Ara l-punti 105 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


131 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 16 u 17 tar-Regolament Brussell I.


132 – Fis-sentenza Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punti 29 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, “bil-piena li jpoġġi f’dubju l-għan tal-konvenzjoni”, “żball li tkun ikkommettiet il-qorti tal-Istat ta’ oriġini fl-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tad-dritt Komunitarju”, bħall-“prinċipji […] tal-kompetizzjoni libera”, “ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat rikjest”, filwaqt li huwa mfakkar li l-Artikolu 29 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (li għaliha jikkorrispondu l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Brussell I) jiddikjaraw li “deċiżjoni barranija f’ebda każ ma għandha tkun soġġetta għal reviżjonidwar il-mertu”. Fuq l-istħarriġ, abbażi tal-ordni pubbliku, tal-fatt li l-prinċipji elementari ta’ smigħ xieraq ikunu tabilħaqq ġew ippreżervati, ara s-sentenza flyLAL‑Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punti 46 sa 54).


133 – Punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, is-sentenza Kone et (EU:C:2014:1317, punti 21 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


134 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kone et (EU:C:2014:1317, punti 24 et seq kif ukoll il-punt 32). Dik il-fakultà hija marbuta ma’ dik li normalment tissemma l-awtonomija tal-Istati Membri.


135 – Għan li jikkonsisti f’garanzija taż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq intern u, b’hekk, ta’ prezzijiet iffissati skont l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni ħielsa.


136 – Filwaqt li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet u obbligi għaċ-ċittadini li l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu rrispettati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kone et, EU:C:2014:1317, punt 20).


137 – Ibidem, (punti 21 et seq). Il-preambolu tal-proposta tad-Direttiva msemmija iktar ’il fuq, COM(2013) 404 finali, p. 2 u 4, jenfasizza li “[l]-azzjonijiet għad-danni ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 [TFUE] jew 102 [TFUE] jikkostitwixxu mezz imporanti għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE fuq l-inizjattiva tal-isfera privata” u li, għaldaqstant, “it-tieni għan prinċipali [ta’ din il-proposta] huwa li jippermetti lill-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE li jiksbu b’mod effettiv kumpens għad-danni li jkunu ġarrbu”.


138 – Id-dispożizzjonijiet applikabbli jistgħu jirriżultaw jew minn regoli dwar l-arbitraġġ adottati mill-Istat Membru inkwistjoni, jew minn trattati internazzjonali li jkun parti għalihom.


139 – Ara s-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69, punti 31 sa 33), kif ukoll, dwar l-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward mil-premessa 12 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari, Nielsen, P. A., “The New Brussels I Regulation”, Common Market Law Review, 2013, Vol. 50, p. 505 et seq kif ukoll Menétrey, S., u Racine, J.-B., “L’arbitrage et le règlement Bruxelles I bis”, f’Le nouveau règlement Bruxelles I bis, Règlement n° 1215/2012 du 12 décembre 2012 concernant la compétence judiciaire, la reconnaissance et l'exécution des décisions en matière civile et commerciale, Guinchard, E. (taħt id-direzzjoni ta’), Bruylant, Bruxelles, 2014, p. 13 et seq, u b’mod speċjali punt 37.


140 – EU:C:1999:269, punti 31 et seq, b’mod speċjali l-punti 36 u 39.


141Ibidem, punti 37 u 40.


142 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punti 28 et seq) kif ukoll Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punti 29 et seq), li jirrigwardaw id-dritt għal persuna li ġġarrab dannu minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, u li tkun tixtieq tikseb kumpens fuq dik il-bażi, li eventwalment ikollha aċċess għad-dokumenti ta’ proċedura li tikkonċerna l-awturi ta’ dak il-ksur, inkluż jekk tkun proċedura ta’ klemenza, wara li jiġu bbilanċjati, mill-qrati tal-Istati Membri, l-interessi preżenti protetti mid-dritt tal-Unjoni.


143 – Fuq id-diversi forom li ttieħdu mill-klawżoli kkonċernati, ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


144 – Effettivament, skont is-sentenza Powell Duffryn (EU:C:1992:115, punti 33 u 36), “l-interpretazzjoni tal-klawsola ta’ ġurisdizzjoni invokata quddiem il-qorti nazzjonali, sabiex jiġu ddeterminati d-diferenzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, taqa’ fuq din tal-aħħar”.


145 – Ibidem (punt 31) u punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


146 – F’dan is-sens, il-Kummissjoni ssemmi li, minn naħa waħda, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, ikkunsidrat li klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tirreferi għar-“relazzjoni ġuridika” bejn il-partijiet ma tkoprix id-drittijiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà tat-tort għall-akkordju [sentenza Provimi Ltd v. Roche Products Ltd (2003) EWHC 961], u, min-naħa l-oħra, il-Helsingin käräjäoikeus (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) kienet tal-fehma, b’mod simili, li klawsola ta’ arbitraġġ li ssemmi “id-drittijiet kollha” li jirriżultaw minn kuntratt ta’ provvista ma tkoprix id-drittijiet għad-danni li jirriżultaw minn akkordju, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux ibbażati direttament fuq l-imsemmi kuntratt, iżda fuq ċirkustanza esterna għalih, jiġifieri l-parteċipazzjoni tal-konvenuta fl-akkordju kollużiv (sentenza preliminari tal-4 ta’ Lulju 2013, CDC Hydrogen Peroxide Cartel Damage Claims SA vs Kemira Oyj, Välituomio 36492, Nru 11/16750).


147 – “F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt’, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludu kull talba intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma humiex relatati ma’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita n-natura tat-talbiet għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat l-ewwel nett jekk dawn għandhomx, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Engler, C‑27/02, EU:C:2005:33, punti 29 et seq, kif ukoll Brogsitter, EU:C:2014:148, punti 20 et seq).


148 – Bħala eżempju, skont il-ġurisprudenza tal-Korkein oikeus (Qorti Suprema tal-Finlandja), klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt hija applikabbli għal kawża li tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà extrakuntrattwali fl-ipoteżi fejn in-nuqqas fir-rigward tal-imsemmi kuntratt li jkun invokat ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ frodi fis-sens tad-dritt penali (ara Korkein oikeus, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, KKO, 2008:102, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: http://www.finlex.fi/fi/oikeus/kko/kko/2008/20080102).