Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Belġju) fid-9 ta’ Ġunju 2020 – PI Pharma NV vs Novartis AG, Novartis Pharma NV

(Kawża C-254/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PI Pharma NV

Konvenuti: Novartis AG, Novartis Pharma NV

Domandi preliminari

L-Artikoli 34 sa 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk prodott mediċinali tat-trade mark oriġinali (prodott mediċinali ta’ referenza) u prodott mediċinali ġeneriku jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE minn impriżi ekonomikament marbuta, l-oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodott mediċinali ġeneriku minn importatur parallel wara l-ippakkjar mill-ġdid ta’ dan il-prodott mediċinali ġeneriku magħmul bit-twaħħil tat-trade mark tal-prodott mediċinali tat-trade mark oriġinali (prodott mediċinali ta’ referenza) fil-pajjiż ta’ importazzjoni tista’ twassal għal kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-swieq tal-Istati Membri?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark għal dan it-tqegħid ta’ trade mark ġdida għandha għalhekk tiġi kkontrollata fid-dawl tal-kundizzjonijiet BMS?

Huwa rilevanti, għar-risposta għal dawn id-domandi, li l-prodott mediċinali ġeneriku u l-prodott mediċinali tat-trade mark oriġinali (prodott mediċinali ta’ referenza) ikunu jew identiċi, jew ikollhom l-istess effetti terapewtiċi fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Digriet Irjali tad-19 ta’ April 2001 dwar l-importazzjoni parallela?

____________