Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-788/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Gossement u C. Perrin, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tiddikjara li:
billi stabbilixxa konsegwenzi għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-beni u tad-drittijiet li jinsabu barra mill-pajjiż jew għas-sottomissjoni tardiva tal-“Modelo 720” (il-Formola 720), li jinkludu l-klassifikazzjoni tal-imsemmija assi bħala dħul patrimonjali mhux iġġustifikat li ma huwiex suġġett għal preskrizzjoni;
billi impona awtomatikament multa pekunjarja fissa ta’ 150 % applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-beni u tad-drittijiet li jinsabu barra mill-pajjiż jew tas-sottomissjoni tardiva tal-“Modelo 720”;
billi applika multi pekunjarji fissi għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-beni u tad-drittijiet li jinsabu barra mill-pajjiż jew għal sottomissjoni tardiva tal-“Modelo 720”, li l-livell tagħhom huwa ogħla minn dak tas-sanzjonijiet previsti mir-regoli ġenerali għal ksur simili;
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 21, 45, 56 u 63 TFUE u taħt l-Artikoli 28, 31, 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE.
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-leġiżlazzjoni Spanjola dwar it-taxxa timponi fuq ir-residenti fiskali fi Spanja obbligu li jiddikjaraw beni u drittijiet speċifiċi li jinsabu barra mill-pajjiż permezz ta’ formola ta’ dikjarazzjoni fiskali (“Modelo 720”). Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq jew ta’ twettiq inkorrett tal-imsemmi obbligu, jiġu applikati regoli ta’ sanzjoni speċifiċi.
Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li s-sanzjonijiet li jikkonsistu fil-klassifikazzjoni tal-assi bħala dħul patrimonjali, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli normali ta’ preskrizzjoni u fil-multi pekunjarji fissi, jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali taħt it-Trattat FUE u l-Ftehim ŻEE. Minkejja li bħala prinċipju dawn il-miżuri jistgħu jkunu adegwati sabiex jinltaħqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, b’mod speċifiku l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali, jirriżulta li dawn huma sproporzjonati.
____________