Language of document : ECLI:EU:C:2015:841

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà — Trasport bl-ajru — Biljett mixtri iżda mhux użat — Eżekuzzjoni tas-servizz ta’ trasport — Ħruġ tal-biljett — Mument tal-ħlas tat-taxxa”

Fil-Kawżi magħquda C‑250/14 u C‑289/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Mejju 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2014 u fit-12 ta’ Ġunju 2014, rispettivament, fil-proċeduri

Air France-KLM, li qabel kienet Air France (C‑250/14),

Hop!-Brit Air SAS, li qabel kienet Brit Air (C‑289/14)

vs

Ministère des Finances et des Comptes publics,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Air France-KLM, li qabel kienet Air France, u Hop!-Brit Air SAS, li qabel kienet Brit Air, minn A. Beetschen, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, J.‑ S. Pilczer u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Keirse, BL,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Nasopoulou u S. Lekkou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, R. Campos Laires u A. Cunha, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE, tas-17 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 324, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), u sussegwentement bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20  ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 352, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva emendata”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, fl-ewwel kawża, Air France-KLM, li qabel kienet Air France, u, fit-tieni kawża, Hop!-Brit Air SAS, li qabel kienet Brit Air, u, min-naħa l-oħra, il-Ministère des Finances et des Comptes publics (ministeru tal-finanzi u tal-kontijiet pubbliċi), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ biljett ta’ trasport mhux użat u l-issuġġettar għall-VAT tas-somom imħallsa minn kumpannija ta’ trasport bl-ajru lil impriża tal-istess natura bħala korrispettiv għall-bejgħ ta’ biljetti ta’ trasport mhux użati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

4        L-Artikolu 10 tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“1.      (a)      ‘Fatt taxxabbli’ tfisser fatt li permezz tiegħu il-kondizzjonijiet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti.

(b)      Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.

2.      Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. [...]

Iżda meta ħlas isir akkont qabel ma l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw, ikun hemm taxxa mal-wasla tal-ħlas u fuq l-ammont riċevut.

Permezz ta’ deroga mid-disposizzjonijiet ta’ hawn fuq, Stati Membri jistgħu jipprovdu li jkun hemm taxxa għal ċerti operazzjonijiet jew għal ċerti kategoriji ta’persuni taxxabbli, jew:

–        mhux iktar tard mill-ħruġ tal-fattura jew tad-dokument li jservi bħala fattura, jew

–        mhux iktar tard minn meta jasal il-prezz, jew

–        fejn fattura jew dokument li jservi bħala fattura ma jinħarġux, jew jinħarġu tard, f’perjodu speċifikat mid-data tal-fatt taxxabbli.

[...]”

5        Fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva emendata, kien tħassar ir-riferiment għad-dokument li jservi bħala fattura. Għalhekk din id-dispożizzjoni baqgħet tagħmel riferiment biss għall-ħruġ tal-fattura.

6        L-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata, dwar l-ammont taxxabbli, kien jipprovdi:

“A. Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont taxxabbli għandu jkun:

(a)      fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti;

[...]”

 Id-dritt Franċiż

7        Skont l-Artikolu 256(I) tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi (Code général des impôts) (iktar ’il quddiem is-“CGI”):

“Huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud il-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi magħmula bi ħlas minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

8        Skont l-Artikolu 269 tas-CGI:

“1.      Il-fatt taxxabbli jseħħ:

a)      fil-mument meta jitwettqu l-kunsinna, l-akkwist intra-Komunitarju tal-oġġett jew il-provvista ta’ servizzi;

[...]

2.      It-taxxa għandha titħallas:

[...]

c)      għall-provvisti ta’ servizzi, meta jiġu rċevuti l-ħlasijiet akkont, il-prezz, ir-remunerazzjoni.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑250/14

9        Air France-KLM, li fl-2004 ssuċċediet fit-titolu ta’ Air France, hija kumpannija stabbilita fi Franza li teżerċita attività ta’ trasport bl-ajru. Fil-kuntest ta’ din l-attività, Air France-KLM twettaq servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri ġewwa t-territorju Franċiż. Peress li dawn it-titjiriet interni huwa suġġetti għall-VAT, il-biljetti tal-ajru relattivi għal dawn tal-aħħar jinbiegħu bi prezzijiet li jinkludu din it-taxxa.

10      Mis-sena 1999, Air France ma baqgħetx tħallas lit-Teżor il-VAT miġbura fuq il-prezz tal-bejgħ tal-biljetti maħruġa li ma ntużawx mill-passiġġieri tat-titjiriet interni tagħha. Dawn huma, minn naħa, biljetti skaduti li ma jistgħux jiġu skambjati, minħabba l-fatt li l-passiġġieri ma ppreżentawx ruħhom għall-imbark, u, min-naħa l-oħra, biljetti skaduti li jistgħu jiġu skambjati li ma ntużawx fit-terminu ta’ validità tagħhom.

11      Wara verifika tal-kontijiet, l-amministrazzjoni fiskali qieset li s-somom relattivi għal dawn il-“biljetti maħruġa u mhux użati” messhom ġew suġġetti għall-VAT bir-rata mnaqqsa ta’ 5.5 % applikabbli għas-servizzi interni ta’ trasport bl-ajru ta’ vjaġġaturi. Konsegwentement, hija nnotifikat lil Air France-KLM stimi addizzjonali tal-VAT li jirrigwardaw il-perijodu mill-1 ta’ April 2000 sal-31 ta’ Marzu 2003 fl-ammont ta’ EUR 4 066 607, flimkien ma’ interessi moratorji fl-ammont ta’ EUR 1 226 584.

12      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011, it-Tribunal administratif de Cergy-Pontoise (qorti amministrattiva ta’ Cergy-Pontoise) ċaħad it-talba mressqa minn Air France-KLM għall-annullament ta’ dawn l-istimi addizzjonali tal-VAT. B’sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, il-Cour administrative d’appel de Versailles (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Versailles) ikkonfermat din id-deċiżjoni u kkunsidrat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 256 u 269 tas-CGI, moqrija flimkien mal-Artikolu 1234 tal-kodiċi ċivili (Code civil), is-somom miżmuma wara n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni definittiva tas-servizz ta’ trasport kellhom ikunu suġġetti għall-VAT. Air France-KLM ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza.

13      Peress li l-Conseil d’État kellu dubji dwar l-issuġġettar għall-VAT ta’ biljett ta’ trasport mhux użat, huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) u 10(2) [tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ ta’ biljett jista’ jiġi pparagunat [assimilat] mal-eżekuzzjoni effettiva tas-servizz ta’ trasport u li s-somom miżmuma minn kumpannija tal-ajru, meta d-detentur tal-biljett tal-ajru ma jkunx uża l-biljett tiegħu, liema biljett ikun skada, huma suġġetti għall-VAT?

2)      F’dan il-każ, it-taxxa miġbura għandha titħallas lit-Teżor minn meta jiġi rċevut il-ħlas tal-prezz, minkejja li l-vjaġġ jista’ ma jseħħx minħabba l-klijent?”

 Il-Kawża C‑289/14

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑289/14 jirriżulta li Brit Air, li saret Hop!-Brit Air SAS, kienet twettaq servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni konkluż ma’ Air France-KLM. Din tal-aħħar kienet responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-ġestjoni tal-bejgħ tal-biljetti għal-linji operati minn Brit Air permezz ta’ konċessjoni.

15      Air France-KLM kienet tiġbor il-prezz tal-biljetti u sussegwentement kienet tgħaddih lil Brit Air fir-rigward ta’ kull passiġġier ittrasportat. Fir-rigward tal-biljetti mibjugħa iżda mhux użati, minħabba l-assenza tal-passiġġier fil-mument tal-imbark jew l-iskadenza tal-validità tal-biljett, Air France-KLM kienet tħallas lil Brit Air kumpens annwali b’rata fissa kkalkolat bħala perċentwali (2 %) tad-dħul mill-bejgħ annwali (inkluża l-VAT) imwettaq fuq il-linji operati permezz ta’ konċessjoni. Brit Air ma kinitx tissuġġetta din is-somma għall-VAT.

16      Wara verifika tal-kontijiet ta’ Brit Air, l-awtoritajiet fiskali nnotifikawlha, għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 2001 u l-31 ta’ Awwissu 2005, stimi addizzjonali tal-VAT li jirrigwardaw is-somom li jikkorrispondu għall-biljetti mhux użati li hija kienet irċeviet mingħand Air France.

17      B’deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2010, it-Tribunal administratif de Montreuil (qorti amministrattiva ta’ Montreuil) ċaħad it-talba mressqa minn Brit Air għall-annullament ta’ dawn l-istimi addizzjonali tal-VAT. Brit Air appellat minn din is-sentenza quddiem il-Cour administrative d’appel de Versailles. Peress li s-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar fit-13 ta’ Novembru 2012 ikkonfermat id-deċiżjoni appellata, Brit Air ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État.

18      Peress li l-Conseil d’État kellu dubji dwar l-issuġġettar għall-VAT tas-somom imħallsa minn kumpannija ta’ trasport bl-ajru lil impriża tal-istess natura bħala korrispettiv għall-bejgħ ta’ biljetti ta’ trasport mhux użati, huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) u 10(2) [tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata] għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-somma f’daqqa kkalkolata f’termini ta’ perċentwal tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq mil-linji ġestiti permezz ta’ konċessjoni u mħallsa lura minn kumpannija tal-ajru li ħarġet għan-nom ta’ kumpannija tal-ajru oħra, biljetti li fil-frattemp jiskadu tikkostitwixxi kumpens mhux taxxabbli mħallas lil din tal-aħħar, li jagħmel tajjeb għad-dannu li jagħti lok għal kumpens subit minħabba l-mobilizzazzjoni [inutli] minn din tal-aħħar tal-mezzi ta’ trasport tagħha jew somma li tikkorrispondi għad-dħul minn biljetti maħruġa u li fil-frattemp ikunu skadew?

2)      Fil-każ li din is-somma titqies bħala li tikkorrispondi għall-prezz ta’ biljetti maħruġa u skaduti, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ tal-biljett jista’ jiġi assimilat mal-eżekuzzjoni effettiva tas-servizz tat-trasport u li s-somom miżmuma minn kumpannija tal-ajru meta l-proprjetarju tal-biljett tal-ajru ma jkunx uża l-biljett tiegħu u meta dan tal-aħħar ikun skada huma suġġetti għall-VAT?

3)      F’dan il-każ, it-taxxa miġbura għandha titħallas lura lit-Teżor minn Air France jew minn Brit Air mal-ġbir tal-prezz, anki meta l-vjaġġ ma jistax jitwettaq minħabba l-klijent?”

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi C‑250/14 u C‑289/14 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑250/14 u fuq it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑289/14

20      Permezz tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑250/14 u tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑289/14, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ ta’ biljetti minn kumpannija tal-ajru huwa suġġett għall-VAT, meta dawn il-biljetti ma jkunux intużaw mill-passiġġieri u meta dawn tal-aħħar ma jistgħux jiksbu r-rimbors tagħhom.

21      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata, “[d]awn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT:] il-provvista ta’ [...] servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, provvista ta’ servizzi ssir “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju teżisti relazzjoni ġuridika li matulha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur tikkostitwixxi l-valur ekwivalenti effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (sentenza Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 14).

23      Dan ikun il-każ jekk teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-valur ekwivalenti rċevut, billi s-somom imħallsa jikkostitwixxu korrispettiv effettiv għal servizz identifikabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ġuridika (sentenza Société thermale d’Eugénie-les-Bains, C‑277/05, EU:C:2007:440, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata jirriżulta li l-fatt li jagħti lok għat-taxxa prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dawn id-direttivi jseħħ biss fil-mument meta titwettaq il-provvista ta’ servizzi.

25      Minn dawn l-elementi jirriżulta li provvista ta’ servizzi, bħat-trasport bl-ajru ta’ passiġġier, hija suġġetta għall-VAT meta, minn naħa, is-somma mħallsa minn passiġġier lil kumpannija tal-ajru, fil-kuntest tar-relazzjoni ġuridika li sseħħ permezz tal-kuntratt ta’ trasport, tkun marbuta direttament ma’ servizz identifikabbli li hija tikkostitwixxi r-remunerazzjoni għalih u, min-naħa l-oħra, meta jitwettaq l-imsemmi servizz.

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li s-servizzi li l-provvista tagħhom tikkorrispondi għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni huma r-reġistrazzjoni u l-imbark tal-passiġġieri u l-fatt li dawn tal-aħħar jintlaqgħu abbord l-ajruplan fil-post tat-tlugħ miftiehem fil-kuntratt ta’ trasport inkwistjoni, it-tluq tal-ajruplan fil-ħin previst, it-trasport tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom mill-post tat-tluq għall-post tal-wasla, il-ħarsien tal-passiġġieri matul it-titjira, u fl-aħħar nett, l-iżbark tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ sigurtà, fil-post tal-inżul u fil-ħin miftiehma f’dan il-kuntratt (ara s-sentenza Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 40).

27      Madankollu, it-twettiq ta’ dawn is-servizzi huwa possibbli biss bil-kundizzjoni li l-passiġġier tal-kumpannija tal-ajru jippreżenta ruħu fid-data u fil-post tal-imbark previsti, fejn l-imsemmija kumpannija tirriżervalu d-dritt li jibbenefika minn dawn is-servizzi sal-ħin tal-imbark fiċ-ċirkustanzi speċifikati mill-kuntratt ta’ trasport konkluż max-xiri tal-biljett.

28      Għalhekk, il-valur ekwivalenti tal-prezz imħallas max-xiri tal-biljett jikkonsisti fid-dritt li jislet minnu l-passiġġier li jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ trasport, indipendentement minn jekk il-passiġġier jimplementax dan id-dritt, billi l-kumpannija tal-ajru twettaq is-servizz meta tqiegħed lill-passiġġier f’pożizzjoni li jibbenefika minn dawn is-servizzi.

29      B’dan il-mod, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux isostnu li l-prezz imħallas mill-passiġġier li ma jitfaċċax u miżmum mill-kumpannija jikkostitwixxi kumpens kuntrattwali li, minħabba li jfittex li jirrimedja dannu mġarrab mill-kumpannija, ma huwiex suġġett għall-VAT.

30      Fil-fatt, l-ewwel nett, tali interpretazzjoni tbiddel in-natura tal-korrispettiv imħallas mill-passiġġier, li jsir kumpens kuntrattwali meta dan tal-aħħar ma jkunx uża s-servizz identifikabbli propost mill-kumpannija tal-ajru.

31      Issa l-kunċett ta’ “provvista ta’ [...] servizzi”, fis-sens tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata, għandu jiġi interpretat indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati u mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali tkun obbligata twettaq investigazzjonijiet sabiex tiddetermina l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli, fid-dawl tan-natura oġġettiva tiegħu (ara s-sentenza Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      It-tieni nett, tali bidla fil-klassifikazzjoni tal-prezz imħallas mill-passiġġier għall-biljett skont jekk dan tal-aħħar jippreżentax ruħu jew le għall-imbark twassal għal diverġenza bejn l-ammont tad-dannu allegat mill-kumpannija tal-ajru minħabba l-assenza tal-passiġġier li ma jitfaċċax u l-ammont imħallas max-xiri tal-biljett. Għalhekk, fil-każ fejn il-passiġġier jippreżenta ruħu għall-imbark, l-ammont tas-servizz jikkorrispondi għall-prezz tal-biljett bl-esklużjoni tal-VAT filwaqt li l-ammont tal-kumpens allegat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkun jikkorrispondi għal dan il-prezz flimkien mal-ammont tal-VAT li kellha titħallas. Issa ma jeżisti ebda element li jiġġustifika li l-ammont tal-kumpens ikun ogħla mill-prezz imħallas mill-passiġġier.

33      It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT tas-somom imħallsa bħala kapparra. Fil-fatt, fil-każ tal-kawżi prinċipali, minn naħa, il-prezz imħallas mill-passiġġier li ma jitfaċċax jikkorrispondi għall-prezz kollu li għandu jitħallas. Min-naħa l-oħra, meta l-passiġġier ikun ħallas il-prezz tal-biljett u l-kumpannija tal-ajru tikkonferma li post huwa rriżervat għalih, il-bejgħ huwa ferm u definittiv. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-kumpanniji tal-ajru jirriżervaw id-dritt li jbigħu mill-ġdid is-servizz mhux użat lil passiġġier ieħor, mingħajr ma jkunu obbligati jirrimborsaw il-prezz tiegħu lill-passiġġier inizjali. Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ dannu, l-għoti ta’ kumpens ma huwiex iġġustifikat.

34      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-ammont miżmum mill-kumpanniji tal-ajru ma jfittixx li jikkumpensa dannu li huma jkunu ġarrbu minħabba li passiġġier ma jitfaċċax, iżda jikkostitwixxi remunerazzjoni, u dan anki jekk il-passiġġier ma jkunx ibbenefika mit-trasport.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑250/14 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑289/14 għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ ta’ biljetti minn kumpannija tal-ajru huwa suġġett għall-VAT, meta l-biljetti maħruġa ma jkunux intużaw mill-passiġġieri u meta dawn tal-aħħar ma jistgħux jiksbu r-rimbors tagħhom.

 Fuq it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑250/14 u t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑289/14

36      Permezz tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑250/14 u tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑289/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-VAT imħallsa fil-mument tax-xiri tal-biljett tal-ajru mill-passiġġier li ma jkunx użah issir dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett mill-kumpannija tal-ajru jew minn terz f’isimha.

37      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata, ikun hemm fatt taxxabbli u t-taxxa ssir dovuta fil-mument meta titwettaq il-kunsinna tal-oġġett jew il-provvista ta’ servizzi.

38      Madankollu, fl-ewwel lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata jipprevedi deroga minn din ir-regola fil-każ li jsiru ħlasijiet akkont qabel ma titwettaq il-provvista ta’ servizzi. F’dan il-każ, it-taxxa ssir dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-ħlas u fuq l-ammont irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Orfey Balgaria, C‑549/11, EU:C:2012:832, punt 27, u d-digriet Sani treyd, C‑153/12, EU:C:2013:201, punt 24).

39      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex il-VAT tkun dovuta mingħajr ma jkun għadu ġie pprovdut is-servizz, huwa meħtieġ u suffiċjenti li l-elementi kollha rilevanti tal-fatt taxxabbli, jiġifieri tal-provvista futura tas-servizz, ikunu diġà magħrufa u għalhekk, b’mod partikolari, li, fil-mument tal-ħlas akkont, l-oġġetti jew is-servizzi jkunu identifikati bi preċiżjoni (ara s-sentenza Orfey Balgaria, C‑549/11, EU:C:2012:832, punti 28 u 39, u d-digriet Sani treyd, C‑153/12, EU:C:2013:201, punti 25 u 33).

40      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawżi prinċipali, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata jistgħu jkunu ssodisfatti sakemm l-elementi tal-provvista futura tas-servizz ta’ trasport ikunu diġà magħrufa u identifikati bi preċiżjoni fil-mument tax-xiri tal-biljett.

41      In-natura sħiħa u mhux parzjali tal-ħlas tal-prezz ma tistax tqiegħed tali interpretazzjoni fid-dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Orfey Balgaria, C‑549/11, EU:C:2012:832, punt 37; Efir, C‑19/12, EU:C:2013:148, punt 39, u d-digriet Sani treyd, C‑153/12, EU:C:2013:201, punt 32).

42      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 27 et seq ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ passiġġier li ma jitfaċċax, il-kumpannija tal-ajru li tbigħ biljett ta’ trasport tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha meta tqiegħed lill-passiġġier f’pożizzjoni li jinforza d-drittijiet tiegħu għall-provvista tas-servizzi previsti mill-kuntratt ta’ trasport.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑250/14 u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑289/14 għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-VAT imħallsa fil-mument tax-xiri tal-biljett tal-ajru mill-passiġġier li ma jkunx uża l-biljett tiegħu ssir dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett, kemm jekk mill-kumpannija tal-ajru nfisha, kemm jekk minn terz li jaġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, kif ukoll jekk minn terz li jaġixxi f’ismu stess iżda fl-interess tal-kumpannija tal-ajru.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/14

44      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑289/14, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf essenzjalment jekk l-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li terz jikkummerċjalizza l-biljetti ta’ kumpannija tal-ajru fl-interess ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni u jħallasha, għall-biljetti maħruġa u skaduti, somma b’rata fissa kkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti, l-imsemmija somma b’rata fissa tikkostitwixxi somma taxxabbli bħala korrispettiv għall-imsemmija biljetti.

45      Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 21(1)(a) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT dovuta fuq il-prezz tal-biljett mibjugħ hija l-kumpannija tal-ajru li twettaq is-servizz ta’ trasport.

46      Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għad-domandi preċedenti, il-prezz tal-biljett imħallas mill-passiġġier jikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizz ta’ trasport offert mill-kumpannija tal-ajru, u dan il-prezz huwa, bħala tali, suġġett għall-VAT. Barra minn hekk, din it-taxxa hija dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett, u dan anki jekk il-passiġġier ma jwettaqx it-titjira.

47      Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li Air France-KLM kienet qed taġixxi f’isem u fl-interess ta’ Brit Air fil-kummerċjalizzazzjoni tal-biljetti, kienet Brit Air li kellha tħallas il-VAT fuq il-biljetti. Min-naħa l-oħra, jekk hija tqis li Air France-KLM kienet qed taġixxi f’isimha stess, iżda fl-interess ta’ Brit Air, iseħħu żewġ tranżazzjonijiet wara xulxin, li madankollu ma jkollhom ebda influwenza fuq l-ammont finali tal-VAT, sa fejn l-ammonti jkunu identiċi, billi kull waħda mill-kumpanniji jkollha tagħmel id-dikjarazzjoni tagħha li tinkludi l-VAT miġbura u ttrasferita.

48      F’dak li jirrigwarda s-somma b’rata fissa mħallsa minn Air France-KLM lil Brit Air għall-biljetti mibjugħa li jkunu skadew, għandu l-qabelxejn jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Brit Air, is-somma li din tal-aħħar kienet tiġbor mingħand Air France-KLM ma tistax titqies li tikkorrispondi għal kumpens imħallas minn Air France-KLM għal dannu mġarrab minn Brit Air.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija biljetti maħruġa u mhux użati, li l-kumpannija tal-ajru ma ġġarrab ebda dannu li jirriżulta mill-fatt li l-passiġġier li ma jitfaċċax ma jippreżentax ruħu għall-imbark. Dan il-passiġġier iħallas il-prezz tas-servizz ta’ trasport fil-mument tax-xiri tal-biljett. Brit Air twettaq is-servizz li għalih hija tkun ġiet inkarigata bis-sempliċi fatt li l-passiġġier ikollu d-dritt li jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni. L-assenza ta’ dritt għar-rimbors tal-prezz tal-biljett turi li l-kumpannija tal-ajru ma tkun ġarrbet ebda dannu.

50      Minn dan isegwi li l-prezz tal-biljett miżmum mill-kumpannija ma jfittixx li jikkumpensa eventwali dannu mġarrab mill-kumpannija minħabba li klijent ma jitfaċċax, iżda jikkostitwixxi r-remunerazzjoni għas-servizz ta’ trasport li l-kumpannija toffri lill-klijent, u dan anki jekk dan tal-aħħar ma jużax is-servizz.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-somma b’rata fissa mħallsa minn Air France-KLM għall-biljetti mibjugħa u li jkunu skadew, ikkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti, ma tistax titqies li kienet ġiet stabbilita bejn il-partijiet bil-għan li tikkumpensa dannu mġarrab minn Brit Air. Għall-kuntrarju, jidher li din is-somma, li ġiet iffissata kuntrattwalment bejn il-partijiet, tikkorrispondi għall-valur attribwit miż-żewġ kumpanniji kkonċernati lill-biljetti maħruġa bil-għan li jingħata servizz ta’ trasport u mhux użati mix-xerrejja. Għalhekk, is-somma b’rata fissa mħallsa minn Air France‑KLM lil Brit Air hija r-remunerazzjoni li rċeviet din il-kumpannija tal-aħħar bħala korrispettiv għal biljetti li nħarġu minn Air France-KLM fl-interess tagħha, iżda li ma ntużawx mix-xerrejja. Għalhekk teżisti rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u r-remunerazzjoni rċevuta għal din il-provvista.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑289/14 għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva u tas-Sitt Direttiva emendata għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li terz jikkummerċjalizza l-biljetti ta’ kumpannija tal-ajru fl-interess ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni u jħallasha, għall-biljetti maħruġa u skaduti, somma b’rata fissa kkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti, din is-somma tikkostitwixxi somma taxxabbli bħala korrispettiv għall-imsemmija biljetti.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE, tas-17 ta’ Ġunju 1999, u sussegwentement bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħruġ ta’ biljetti minn kumpannija tal-ajru huwa suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta l-biljetti maħruġa ma jkunux intużaw mill-passiġġieri u meta dawn tal-aħħar ma jistgħux jiksbu r-rimbors tagħhom.

2)      L-Artikolu 2(1) u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fil-mument tax-xiri tal-biljett tal-ajru mill-passiġġier li ma jkunx uża l-biljett tiegħu ssir dovuta fil-mument li jiġi rċevut il-prezz tal-biljett, kemm jekk mill-kumpannija tal-ajru nfisha, kemm jekk minn terz li jaġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, kif ukoll jekk minn terz li jaġixxi f’ismu stess iżda fl-interess tal-kumpannija tal-ajru.

3)      L-Artikoli 2(1) u 10(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 1999/59, u sussegwentement bid-Direttiva 2001/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li terz jikkummerċjalizza l-biljetti ta’ kumpannija tal-ajru fl-interess ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ ftehim ta’ konċessjoni u jħallasha, għall-biljetti maħruġa u skaduti, somma b’rata fissa kkalkolata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ annwali mwettaq fuq il-linji tal-ajru korrispondenti, din is-somma tikkostitwixxi somma taxxabbli bħala korrispettiv għall-imsemmija biljetti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.