Language of document : ECLI:EU:F:2010:133

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-77/08

Isabel Vicente Carbajosa et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi — Esklużjoni ta’ kandidati wara r-riżultati miksuba fit-testijiet ta’ aċċess — Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra — Nuqqas ta’ tressiq ta’ lment — Inammissibbiltà tar-rikors”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu I. Vicente Carbajosa u ħames uffiċjali/membri tal-persunal temporanju oħra tal-Kummissjoni jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-5 ta’ Ġunju 2008, li ma jiġux ammessi rispettivament għall-eżamijiet tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni. Ir-Renju ta’ Spanja, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Nuqqas — Inammissibbiltà — Eċċezzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2))

2.      L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Setgħat iddelegati lill-Awtorità tal-Ħatra abbażi tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal

(Deċiżjoni 2002/621 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-Rappreżentant tal-Ombudsman Ewropew, Artikolu 4(1))

1.      Skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors quddiem qorti tal-Unjoni huwa ammissibbli biss sa fejn ikun ippreżentat ilment li għandu jitressaq qabel quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra att li jikkawża preġudizzju.

Ħlief fil-każ fejn ir-rikors ikun dirett kontra att mhux maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra stess, bħal deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla jew rapport ta’ evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ tressiq minn qabel ta’ lment fit-terminu mogħti jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Ġunju 1987, Pomar vs Il‑Kummissjoni, 317/85, Ġabra p. 2467, punti 11 u 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il‑Parlament, T‑133/89, Ġabra p. II‑245, punt 17; 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il‑Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II‑2145, punt 23; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Settembru 2007, Dálnoky vs Il‑Kummissjoni, F‑120/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑269 u II‑A‑1‑1517, punt 35; 9 ta’ Diċembru 2008, T vs Il‑Kummissjoni, F‑106/05, ĠabraSP p. I-A-1-419 u II-A-1-2315, punt 84

2.      Mill-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2002/621, dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), jirriżulta li d-Direttur tal-EPSO għandu jeżerċita l-poteri kkonferiti mill-Awtorità tal-Ħatra skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ kull talba jew ilment relatati mal-ħidma tal-EPSO, fost liema jista’ jkun hemm, abbażi ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tat-testijiet ta’ aċċess għall-kandidati kollha kif ukoll l-evalwazzjoni tat-testijiet imsemmija.

(ara l-punt 44)