Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Frar 2008 - Pouzol vs Il-Qorti ta' l-Awdituri

(Kawża F-28/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Michel Pouzol (Combaillaux, Franza) (rappreżentanti: D.Grisay, I. Andoulsi, D. Piccininno, avocats)

Konvenuta: Il-Qorti ta' l-Awdituri

Suġġet u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri tad-29 ta' Novembru 2007, kif ukoll tal-proposti magħmula lir-rikorrent fl-10 ta' Mejju 2007 dwar it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fi Franza u, konsegwentament, ir-rikonoxximent li r-rikorrent għandu d-dritt li fil-kalkolu tal-pensjoni tiegħu jittieħed in kunsiderazzjoni perijodu addizzjonali ta' 6 snin, 10 xhur u jum, jew perijodu globali ta' 10 snin, 3 xhur u 24 jum, li jissarfu f'pensjoni addizzjonali. Min-naħa l-oħra, tikkundanna lill-konvenuta tħallas kumpens għal dannu finanzjarju u morali subit mir-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri tad-29 ta' Novembru 2007 kif ukoll il-proposti magħmula lir-rikorrent fl-10 ta' Mejju 2007;

tirrikonoxxi li r-rikorrent għandu d-dritt li fil-kalkolu tal-pensjoni tiegħu jittieħed in kunsiderazzjoni perijodu addizzjonali ta' 6 snin, 10 xhur u jum, jew perijodu globali ta' 10 snin, 3 xhur u 24 jum;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri ssarraf dan il-perijodu f'pensjoni addizzjonali għar-rikorrent ta' EUR 1 232, 32 fix-xahar;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri tħallas lir-rikorrent kumpens għal dannu finanzjarju subit minnu, li fil-jum tal-preżentata ta' dan ir-rikors kien ikkalkolat fl-ammont ta' EUR 32 040,32 (jew telf ta' dħul għar-rikorrent ta' EUR 1 232,32 fix-xahar mid-data li fiha rtira, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2006, sa l-1 ta' Marzu 2008;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri tħallas lir-rikorrent kumpens għal dannu morali subit minnu għal iktar minn 14-il sena, li l-ammont tiegħu għandu jiġi ddeterminat iktar 'il quddiem bi qbil bejn il-partijiet;

tikkundanna lill-Qorti ta' l-Awdituri għall-ispejjeż.

____________