Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fit-3 ta’ Ottubru 2018 – CP vs Sąd Najwyższy

(Kawża C-624/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CP

Konvenuta: Sąd Najwyższy

Domandi preliminari

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tiġi adita b’appell (azzjoni) ibbażat fuq aggravju mislut mill-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età fir-rigward ta’ mħallef ta’ din l-istess qorti, flimkien ma’ talba għal miżuri kawtelatorji, din il-qorti jkollha – sabiex tiżgura, billi tapplika miżura provviżorja prevista mid-dritt nazzjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni – tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza, fil-kawża li fiha ġie ppreżentat l-appell, lil awla ta’ din il-qorti li ma tiffunzjonax minħabba n-nuqqas ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fiha?

Fil-każ ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fl-awla kompetenti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, sabiex tittieħed konjizzjoni tal-appell hekk ippreżentat, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li awla maħluqa ex nihilo fi ħdan qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, kompetenti għall-finijiet tas-smigħ ta’ tilwima relatata ma’ appell ippreżentat minn imħallef ta’ qorti nazzjonali, li fiha jkunu sedenti biss imħallfin magħżula mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati (Krajowa Rada Sądownictwa, il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura) u li, minħabba l-istruttura ta’ kostituzzjoni u l-metodu ta’ funzjonament tagħha ma toffrix garanziji ta’ indipendenza fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, tikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li awla mhux kompetenti ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti, adita b’appell f’kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha toqgħod lura milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jeskludu l-kompetenza tagħha f’din l-istess kawża?

____________