Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fl-4 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-518/16, Carreras Sequeros et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-119/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. S. Bohr, G. Gattinara, L. Vernier, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Francisco Carreras Sequeros, Mariola de las Heras Ojeda, Olivier Maes, Gabrio Marinozzi, Giacomo Miserocchi, Marc Thieme Groen, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs Il-Kummissjoni, T-518/16;

Tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi tar-rikors fl-ewwel istanza;

Tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.

1. Permezz tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

L-ewwel parti tirreferi għal żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kontenut tal-Artikolu 31(2) tal-Karta. Il-kontenut tad-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas li dan l-Artikolu 31(2) jiggarantixxi huwa ppreċiżat mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 1 . Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2033/88, bħall-Artikoli 14 u 23, u l-premessi applikabbli għal-leġiżlatur statutorju.

Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni żball ta’ liġi fl-intrepretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-tnaqqis imwettaq mill-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex kompatibbli mal-allegat prinċipju intiż li jiffavorixxi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-persuni kkonċernati. Tali prinċipju ma għandu ebda bażi legali.

It-tielet parti tirreferi, sussidjarjament, għal żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet statutorji oħra li jikkostitwixxu l-kuntest tal-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat teskludi dispożizzjonijiet statutorji oħra mill-eżami tagħha unikament minħabba li dawn kienu diġà jeżistu qabel il-modifika li saret fl-Artikolu 6 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-leġiżlatur igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu emendati jew li għandhom jinżammu.

2. Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tinvoka żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Il-Qorti Ġenerali tikser il-ġurisprudenza li tgħid li l-leġiżlatur għandu setgħat diskrezzjonali wiesgħa meta jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u li ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax jiġi kkonstatat ħlief meta l-leġiżlatur ikun qabez b’mod manifest, il-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali.

____________

1 Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).