Language of document : ECLI:EU:F:2014:10

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Frar 2014

Kawża F‑29/13

David Drakeford

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE li permezz tiegħu D. Drakeford jitlob l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2012 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzijaˮ), bħala l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg tal-EMA (iktar ’il quddiem l-“AHCCˮ) li l-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju ma jiġġeddidx u li jintalab jieħu l-leave ex officio u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-istess awtorità, tas-26 ta’ Frar 2013, dwar b’mod partikolari ċ-ċaħda tat-talba tiegħu sabiex il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal awżiljarju jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju u, sussidjarjament li l-aħħar kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju jiġġedded.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, tat-30 ta’ Awwissu 2012, li l-kuntratt ta’ D. Drakeford ma jiġġeddidx hija annullata. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini hija kkundannata tħallas lil D. Drakeford, bħala kumpens tad-dannu materjali subit sad-data tas-sentenza preżenti d-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa kien ikollu dritt għalih kieku baqa’ fis-servizz tagħha sad-data tas-sentenza preżenti u, min-naħa l-oħra, l-ammont tar-remunerazzjoni, onorarji, allowances tal-qgħad jew kwalunkwe allowance oħra ta’ sostituzzjoni li huwa effettivament irċieva bħala sostituzzjoni tar-remunerazzjoni li huwa kien jirċievi bħala membru tal-persunal temporanju mill-1 ta’ Mejju 2013 sad-data tas-sentenza preżenti. Il-partijiet għandhom jittrażmettu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tas-sentenza preżenti, jew is-soluzzjoni li jaslu għaliha flimkien sabiex id-drittijiet ta’ D. Drakeford jiġu protetti b’mod xieraq, jew fin-nuqqas ta’ ftehim, il-talbiet tagħhom espressi f’ċifri rigward l-għoti ta’ kumpens pekunjarju ekwu bħala kumpens għad-dannu materjali subit minn dan tal-aħħar wara d-data tas-sentenza preżenti. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil membru tal-persunal temporanju u li tfakkru d-data tal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni — Deċiżjoni li kuntratt ma jiġġeddidx — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra — Tiġdid wara l-ewwel estensjoni tal-kuntratt għal żmien determinat — Klassifikazzjoni mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat — Kunċett ta’ tiġdid — Tkomplija tar-relazzjoni tax-xogħol flimkien mal-iżvilupp tal-karriera jew le

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8)

1.      Ittra tal-amministrazzjoni li sempliċement tfakkar lil membru tal-persunal l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt tiegħu dwar id-data tal-iskadenza ta’ dan il-kuntratt u li ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla mal-imsemmija stipulazzjonijiet ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju. Madankollu, fil-każ fejn il-kuntratt jista’ jiġġedded, deċiżjoni meħuda wara proċedura interna bbażata fuq l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li tikkomunika r-rieda tal-amministrazzjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 23 sa 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI, F‑102/09, punti 57 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; 26 ta’ Ġunju 2013, BU vs EMA, F‑135/11, F‑51/12 u F‑110/12, punt 36, li hija appellata quddiem Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑444/13 P; 23 ta’ Ottubru 2013, Solberg vs OEDT, F‑124/12, punti 17 u 18

2.      Għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-iskop tat-tiġdid, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ċara pprovduta mit-test tad-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-finalità tal-imsemmi artikolu.

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-istabbiltà tal-impjieg inerenti għall-kuntratti għal żmien indeterminati ma hijiex paragunabbli għal dik iggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-membri tal-persunal temporanju bl-ebda mod ma huma intiżi li jibbenefikaw minn kuntratt ta’ impjieg permanenti, il-kategorija tal-kuntratti għal żmien indeterminat għandha element speċifiku, mill-perspettiva tas-sigurtà tal-impjieg, li jiddistingwiha b’mod essenzjali minn dik tal-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat. Konsegwentement, billi awtomatikament jitqies li t-tielet kuntratt għal żmien determinat iffirmat huwa konkluż għal żmien indeterminat, u billi b’hekk jiġu ristretti l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà u, għaldaqstant, ċertu kontinwità tar-relazzjoni tax-xogħol tal-membru tal-persunal ikkonċernat mal-istituzzjoni, l-organu jew l-aġenzija li rreklutatu.

Il-kelmiet “[k]ull tiġdid ieħorˮ li jinsabu fit-tielet sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra għandhom jiġu interpretati bħala jirreferu għal kull proċess li jwassal lill-membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, wara l-iskadenza tal-impjieg tiegħu għal żmien determinat, sabiex ikompli f’din il-kwalità, ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah, anki jekk dan it-tiġdid ikun akkumpanjat minn progress fil-grad jew minn żvilupp fil-funzjonijiet eżerċitati. Is-sitwazzjoni tkun mod ieħor biss jekk il-kuntratt il-ġdid ikun jagħmel parti minn sistema legali oħra jew jekk il-karriera tiġi interrotta, kif muri minn bidla sostanzjali tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-membru tal-persunal ikkonċernat.

(ara l-punti 43, 45 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit vs Ministère de la santé, 283/81, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 68; 13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il-Parlament, F‑105/09, punti 55 u 60