Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-24 ta' Marzu 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-400/08) 1

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Libertà ta' stabbiliment − Artikolu 43 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-istabbiliment ta' żoni għall-bejgħ bl-imnut f'Cataluña - Restrizzjonijiet - Ġustifikazzjonijiet - Proporzjonalità)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Traversa u R. Vidal Puig, aġenti, C. Fernández Vicién u A. Pereda Miquel, avukati)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, aġent)

Intervenjent insostenn tal-konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, aġenti)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikolu 43 KE - Restrizzjonijiet għall-istabbiliment ta' żoni għall-bejgħ bl-imnut - Liċenzji

Dispożittiv

Ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE billi adotta u/jew żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet segwenti:

-    l-Artikolu 4(1) tal-Liġi 18/2005, dwar il-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (Ley 18/2005 de equipamientos comerciales), tas-27 ta' Diċembru 2005, sa fejn huwa jipprekludi t-twaqqif ta' stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut barra miż-żoni urbani kkonsolidati ta' numru limitat ta' muniċipalitajiet;

-    l-Artikoli 7 u 10(2) kif ukoll l-anness tad-Digriet 379/2006, li japprova l-pjan territorjali settorjali ġdid għall-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (Decreto 379/2006 por el que se aprueba el Plan territorial sectorial de equipamientos comerciales), tal-10 ta' Ottubru 2006, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet li jillimitaw it-twaqqif ta' ipermarkits ġodda f'numru mnaqqas ta' distretti u jimponu li ipermarkits ġodda bħal dawn ma jassorbux iktar minn 9 % tal-ispejjeż f'prodotti ta' użu ta' kuljum u ta' 7 % tal-ispejjeż f'prodotti li ma humiex ta' użu ta' kuljum;

-    l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Liġi 7/1996, li tirregola l-kummerċ bl-imnut (Ley 7/1996, de ordenación del comercio minorista), tal-15 ta' Jannar 1996, l-Artikolu 8 tal-Liġi 18/2005, dwar il-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut, tas-27 ta' Diċembru 2005, u l-Artikoli 31(4), u 33(2) tad-Digriet 378/2006, li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005 (Decreto 378/2006 por el que se desarolla la Ley 18/2005), tal-10 ta' Ottubru 2006, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu l-applikazzjoni ta' limiti għal dak li jirrigwarda s-sehem mis-suq u l-effett fuq il-kummerċ bl-imnut diġà eżistenti minn meta huwa impossibbli li jinfetħu stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u/jew stabbilimenti ġodda medji għall-bejgħ bl-imnut, u

-    l-Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006, li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005, tal-10 ta' Ottubru 2006, sa fejn jirregola l-kompożizzjoni tal-Comisión de Equipamientos Comerciales (Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut) billi jiżgura r-rappreżentanza tal-interessi tal-kummerċ bl-imnut diġà eżistenti u billi ma pprovdix għar-rappreżentanza tal-assoċjazzjonijiet attivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-gruppi ta' interess li jaħdmu għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

Ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 43 KE tal-Artikolu 33(5) u (7) tad-Digriet 378/2006, li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005, tal-10 ta' Ottubru 2006.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju ta' Spanja u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

____________

1 - ĠU C 285, 08.11.2008.