Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fl-10 ta’ Diċembru 2019 – E. Sp. z o.o przeciwko K.S.

(Kawża C-904/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: E. Sp. z o.o

Konvenuta: K.S.

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 kif ukoll l-għoxrin u r-raba’ u għoxrin premessa tiegħu, li jgħidu li l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara u li tiftiehem, u li l-konsumatur għandu jingħata opportunità effettiva li jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-kunsumatur, u li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri għandhom ikollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 2 kif ukoll il-premessa 31 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjoni tal-Artikolu 339(2) k.p.c. (kodeks postępowania cywilnego, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“k.p.c.”), fis-sens li l-Artikolu 339(2) k.p.c. jippermetti li tingħata sentenza fil-kontumaċja f’kawża intiża li jinkiseb ir-rimbors ta’ kreditu għall-konsum anki f’sitwazzjoni fejn il-lanjant ma jkunx ipproduċa l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u, konsegwentement, tali kuntratt ma jkunx ġie eżaminat mill-perspettiva tan-natura inġusta potenzjali tal-klawżoli mdaħħla fil-kuntratt inkwistjoni, u lanqas ma jkun ġie vverifikat jekk il-kuntratt kienx jinkludi l-elementi kollha meħtieġa mil-liġi, u, fl-istess waqt, jimponi li fil-ħruġ tas-sentenza fil-kontumaċja l-qorti tibbaża ruħha biss fuq affermazzjonijiet tal-lanjant relatati mal-fatti, mingħajr ma teżamina l-provi mill-perspettiva tas-sussistenza ta’ “dubju raġonevoli” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija?

Jew inkella, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C-32/14, EU:C:2015:637, punt 62), tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionova (C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 56) u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C-40/08, EU:C:2009:615, punt 47), hija ammissibbli interpretazzjoni tal-Artikolu 339(2) k.p.c. fis-sens li huwa possibbli li tingħata sentenza fil-kontumaċja, f’kawża intiża li jinkiseb ir-rimbors ta’ kreditu għall-konsum, fejn il-lanjant ma jkunx annetta l-kuntratt mal-att promotur u, konsegwentement, mingħajr ma jkun ġie eżaminat il-kuntratt mill-perspettiva tan-natura inġusta potenzjali tal-klawżoli mdaħħla fil-kuntratt inkwistjoni u mingħajr ma jkun ġie vverifikat jekk il-kuntratt kienx jinkludi l-elementi kollha meħtieġa mil-liġi, fejn il-qorti tibbaża ruħha biss fuq l-affermazzjonijiet tal-lanjant relatati mal-fatti?

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur kif ukoll l-għoxrin u r-raba’ u għoxrin premessa tiegħu, li jgħidu li l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara u li tiftiehem, u li l-konsumatur għandu jingħata opportunità effettiva li jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-kunsumatur, u li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri għandhom ikollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE kif ukoll il-premessa 31 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjoni tal-Artikolu 339(2) k.p.c., fis-sens li l-Artikolu 339(2) k.p.c. jipprekludi lil qorti nazzjonali milli teżamina l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, anness mil-lanjant, mill-perspettiva tan-natura inġusta potenzjali tal-klawżoli mdaħħla fil-kuntratt inkwistjoni kif ukoll li jiġi eżaminat jekk il-kuntratt jinkludix l-elementi kollha meħtieġa mil-liġi, u, fl-istess waqt, jimponi li fil-ħruġ tas-sentenza fil-kontumaċja, din tibbaża lilha nnifisha biss fuq l-affermazzjonijiet tal-lanjant relatati mal-fatti, mingħajr ma teżamina l-provi mill-perspettiva tas-sussistenza ta’ “dubju raġonevoli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

Jew inkella, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C-32/14, EU:C:2015:637, punt 62), tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionova (C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 56) u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C-40/08, EU:C:2009:615, punt 47), hija ammissibbli interpretazzjoni tal-Artikolu 339(2) k.p.c. fis-sens li huwa possibbli li tingħata sentenza fil-kontumaċja, f’kawża intiża li jinkiseb ir-rimbors ta’ kreditu għall-konsum, mingħajr ma l-kuntratt prodott mil-lanjant, anness mal-att promotur, ma jiġi eżaminat mill-perspettiva tan-natura inġusta potenzjali tal-klawżoli mdaħħla fil-kuntratt inkwistjoni u mingħajr ma jiġi vverifikat jekk il-kuntratt jinkludix l-elementi kollha meħtieġa mil-liġi, fejn il-qorti tibbaża ruħha biss fuq l-affermazzjonijiet tal-lanjant relatati mal-fatti?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

2 ĠU 2008, L 133, p. 66, u r-rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.