Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ ta’ Diċembru 2019 minn Fortischem a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-121/15, Fortischem vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-890/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Fortischem a.s. (rappreżentanti: C. Arhold, Rechtsanwalt, P. Hodál, M. Staroň, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, AlzChem AG, li kienet AlzChem Trostberg GmbH, li kienet AlzChem Hart GmbH

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-Artikolu 1, u l-Artikoli 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata 1 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE u tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 2 meta ddeċidiet li f’każ bħal dak preżenti, id-deċiżjoni ta’ rkupru setgħet tiġi estiża għall-appellant anki jekk dan tal-aħħar kien ħallas il-prezz tas-suq għall-assi tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ġarritx l-oneru tal-prova fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-għajnuna kinitx ġiet ittrasferita lill-appellanti permezz tal-bejgħ tal-assi bi prezz li huwa inqas mill-prezz tas-suq.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew żnaturament tal-fatti meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi suppożizzjonijiet (li huma kważi inkonfutabbli) li jindikaw li għall-assi tħallas prezz tas-suq.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat il-kunċett tal-kriterji ta’ “portata tat-tranżazzjoniˮ u ta’ “loġika ekonomika tat-tranżazzjoniˮ sabiex tiġi stabbilita kontinwità ekonomika.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat li l-Kummsissjoni setgħet tasal għall-konklużjoni li kien hemm kontinwità ekonomika abbażi ta’ tnejn biss mill-kriterji stabbiliti, filwaqt li l-kriterji l-oħra kollha kienu jimmilitaw kontra l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika.

Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tad-dispożizzjoni rilevanti tal-liġi li kienet tipprojbixxi t-tkeċċijiet kollettivi u klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti meta kkonkludiet li l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi kienet tirrappreżenta vantaġġ għal NCHZ minflok żvantaġġ reali fil-forma ta’ żieda fl-ispejjeż u permezz tan-nuqqas milli l-allegata għajnuna mill-Istat titnaqqas b’ammont li jikkorrispondi għaż-żieda fl-ispejjeż.

Is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata bir-raġunament tagħha stess, peress li l-Kummissjoni ma ssottomettietx argumenti jew spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif il-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi kienet tirrappreżenta vantaġġ għal NCHZ.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1826 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar għajnuna mill-Istat SA.33797 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentat mis-Slovakkja għall-NCHZ (ĠU 2015, L 269, p. 71).

2 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).