Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019 mir-Rumanija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-391/17, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-899/19 P)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Appellant: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane, L. Liţu, M. Chicu, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, L-Ungerija

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell, tannulla b’mod sħiħ is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-391/17, taqta’ l-Kawża T-391/17, u tilqa’ r-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad-29 ta’ Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” 1

jew

tilqa’ l-appell, tannulla b’mod sħiħ is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-391/17 u tibgħat lura l-Kawża  T-391/17 quddiem il-Qorti Ġenerali, li, waqt l-eżami mill-ġdid tal-kawża, għandha tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla d-Deċiżjoni (UE) 2017/652;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

A.    Ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE dwar il-kompetenzi tal-Unjoni

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, bi ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, assimilat il-valuri elenkati fl-Artikolu 2 TUE għal azzjoni speċifika/għan fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni u stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta atti speċifiċi li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jirrispettaw id-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u għar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika.

B.    Ksur tat-tieni paragrafu tal- 296 TFUE

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, meta b’mod żbaljat ikkonstatat li l-obbligu kien ġie osservat fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fil-kuntest li fih il-Kummissjoni ma rripproduċietx il-kunsiderazzjonijiet legali li kienu ta’ importanza essenzjali fis-sens tad-Deċiżjoni (UE) 2017/652 u, barra minn hekk, bidlet fundamentalment il-pożizzjoni espressa minnha preċedentement, mingħajr ma speċifikat liema żviluppi seħħew li jistgħu jiġġustifikaw il-bidla f’din il-pożizzjoni.

C.    Irregolaritajiet proċedurali li x’aktarx jippreġudikaw l-interessi tal-appellant

Peress li, fil-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-391/17 id-diskussjonijiet iffokaw, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, biss fuq l-aspetti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, filwaqt li, fis-sentenza mogħtija, din il-qorti indirizzat esklużivament kwistjonijiet rigward il-mertu, ir-regolarità tal-proċedura ġiet affettwata.

____________

1     ĠU 2017, L 92, p. 100.