Language of document : ECLI:EU:F:2015:142

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2015

Kawża F-125-/14

Michela Curto

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Assistenti Parlamentari akkreditati – Tkeċċija – Att li jikkawża preġudizzju – Ilment tardiv – Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Curto titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-5 ta’ Diċembru 2013, li tirrexxindi l-kuntratt tagħha ta’ assistent Parlamentari akkreditat u, sa fejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha mressaq kontra din id-deċiżjoni, kif ukoll il-kundanna tal-Parlament għal ħlas lilha tas-somma ta’ EUR 65 000 bħala danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. M. Curto għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att purament konfermattiv – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

1.      L-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal, jew membru tal-persunal temporanju, kontra l-istituzzjoni li lilha jappartjeni għall-kundizzjoni tat-tmexxija regolari tal-proċedura amministrattiva preliminari prevista minn dawn l-artikoli.

Deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra tista’ tkun suġġetta għal ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, l-ilment għandu jitressaq f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli min-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarju u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mid-data li fiha l-persuna kkonċernata jkollha l-għarfien dwar jekk hijiex miżura ta’ natura individwali.

It-terminu ta’ tliet xhur sabiex jitressaq ilment kontra att li jikkawża preġudizzju, previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ta’ ordni pubbliku u ma huwiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, sa fejn dan ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, kif ukoll iċ‑ċertezza tad-dritt. Hija għalhekk il-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk dan ġiex osservat.

(ara l-punti 27 sa 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet tal-4 ta’ Ġunju 1987, P. Vs CES, 16/86, EU:C:1987:256, punt 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digrieti tal-11 ta’ Mejju 1992, Whitehead vs Il-Kummissjoni, T-34-/91, EU:T:1992:64, punt 18, u tas-7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il-Kummissjoni, T-358-/03, EU:T:2005:301, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tal-10 ta’ Settembru 2007, Speiser vs Il-Parlament, F-146-/06, EU:F:2007:153, punt 21

2.      Ilment amministrattiv u l-azzjoni ġudizzjarja li toħroġ minnu għandhom it-tnejn jiġu indirizzati kontra att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, fis-sens tal-Artikoli 90(2) u 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-att li jikkawża preġudizzju huwa dak li jaffettwa direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

Rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti mhux ikkontestata fit-termini huwa inammissibbli. Deċiżjoni hija purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti meta hija ma tinkludi ebda element ġdid meta mqabbla ma’ dik preċedenti u ma tkunx ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti.

Ittra tal-amministrazzjoni li tinkludi d-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konformement mal-Artikolu 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma tħalli ebda dubju fir-rigward tar-rieda tal-awtorità li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ li ttemm il-kuntratt tal-persuna kkonċernata u tikkostitwixxi għalhekk att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Mill-banda l-oħra, ittra indirizzata lill-persuna kkonċernata li tiffissa d-data ta’ tmiem tal-kuntratt tagħha ma tistax tiġi kklassifikata mod ieħor għajr sempliċi konferma tad-deċiżjoni preċedenti tar-rexissjoni tal-kuntratt.

(ara l-punti 30, 33, 35 u 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, EU:C:1978:45, punti 11 sa 14; tal-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni, 23/80, EU:C:1980:284, punt 18, u tal-21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il-Qorti tal-Awdituri, 204/85, EU:C:1987:21, punt 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digrieti tas-27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il-Kummissjoni, T-608-/97, EU:T:2000:167, punt 22, u tas-7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il-Kummissjoni, T-358-/03, EU:T:2005:301, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tad-19 ta’ Diċembru 2006, Suhadolnik vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-78-/06, EU:F:2006:141, punt 31; tal-10 ta’ Settembru 2007, Speiser vs Il-Parlament, F-146-/06, EU:F:2007:153, punt 23; tal-15 ta’ Lulju 2008, Pouzol vs Il-Qorti tal-Awdituri, F-28-/08, EU:F:2008:100, punt 45, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Pachtitis vs il-Kummissjoni, F-51/11 R, EU:F:2011:130, punt 28