Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny w Krakowie (il-Polonja) fit-18 ta’ Ottubru 2019 – M.Ś., I.Ś. vs R.B.P. Spółka Akcyjna

(Kawża C-765/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Apelacyjny w Krakowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M.Ś., I.Ś.

Konvenuta: R.B.P. Spółka Akcyjna

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), u l-Artikoli 2, 4(3) u 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna maħtura fil-kariga ta’ mħallef bi ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru dwar il-ħatra tal-imħallfin, li jikkonsisti b’mod partikolari, fl-ewwel lok, fil-ħatra ta’ tali persuna fil-kariga ta’ mħallef bħala riżultat ta’ nomina minn organu li ma jagħtix garanziji ta’ indipendenza mill-awtoritajiet eżekuttivi u leġiżlattivi u ta’ imparzjalità fid-dawl tal-esklużjoni sistemika mill-kontroll ġudizzjarju tal-legalità tal-proċeduri ta’ ħatra, u, fit-tieni lok, fil-ħatra ta’ tali persuna fil-kariga ta’ mħallef minkejja, l-ewwel nett, azzjoni preċedenti mressqa quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)) kontra r-riżoluzzjoni tal-organu tal-Istat (Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja)) li tinkludi t-talba għall-ħatra tagħha fil-kariga ta’ mħallef, it-tieni nett, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni konformement mal-liġi nazzjonali, u, it-tielet nett, il-fatt li l-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (Naczelny Sąd Administracyjny) kienu għadhom ma ġewx konklużi qabel ma ġie nnotifikat l-att tal-ħatra, ma hijiex imħallef indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

Għaldaqstant qorti komposta minn persuni maħtura taħt il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma hijiex qorti indipendenti, imparzjali, u stabbilita preċedentement bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari – it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), u l-Artikoli 2, 4(3) u 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li sentenza mogħtija minn imħallef u minn qorti tal-aħħar istanza, stabbilita kif spjegat fl-ewwel domanda, ma hijiex sentenza fis-sens legali (hija sentenza ineżistenti) skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward tista’ ssir minn qorti komuni li tissodisfa l-kriterji li bihom tiġi rrikonoxxuta qorti fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni?

____________