Language of document : ECLI:EU:F:2011:146

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

20 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑45/06 REV

Sandrine De Buggenoms et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċedura — Talba għal reviżjoni — Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Talba għal reviżjoni relatata ma’ digriet għal tħassir wara rinunzja għall-atti — Awtorità ta’ res judicata — Assenza — Inammissibbiltà mqajma ex officio”

Suġġett:      Talba għal reviżjoni tad-digriet għal tħassir tal-President tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Settembru 2010, Avendano et vs Il-Kummissjoni (F‑45/06).

Deċiżjoni:      It-talba għal reviżjoni hija miċħuda bħala inammissibbli. Il-partijiet li qegħdin jitolbu r-reviżjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kunsill, parti intervenjenti fil-kawża għal reviżjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

1.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Talba relatata ma’ digriet għal tħassir wara rinunzja għall-atti mir-rikorrenti — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44 u Anness I, Artikolu 7; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 74, 89(5), u 119)

2.      Proċedura — Rappreżentanza tal-partijiet — Mandat ad litem — Produzzjoni mhux meħtieġa

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(5), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 39(1) u Artikolu 74)

3.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Portata

(Artikolu 6(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(7))

1.      Meta digriet motivat li jiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jew li għandha tintemm kawża, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal‑qorti tal-Unjoni jew peress li r-rikors kien inammissibbli jew manifestament infondat, jipproduċi effetti analogi għal dawk ta’ sentenza, rikors għal reviżjoni skont l-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-Anness I tal-imsemmi Statut, ikun jista’ jiġi ppreżentat kontra tali digriet, anki jekk il-formulazzjoni tal‑imsemmi Artikolu 44 ma tipprovdix dan espliċitament. F’dan l-istess sens, il-formulazzjoni tal-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tillimitax ir-rikors għar-reviżjoni tas-sentenzi tat-Tribunal iżda tipprovdi li tista’ tiġi mitluba r-reviżjoni ta’ deċiżjoni tat-Tribunal.

Madankollu, għalkemm il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 119 ma tagħmilx, distinzjoni bejn sentenzi u digrieti, id-deċiżjonijiet kollha tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal reviżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, ir-reviżjoni ma tikkostitwixxix mezz ta’ appell, iżda mezz ta’ rimedju straordinarju li jippermetti li tiġi kkontestata l-awtorità ta’ res judicata li għandhom sentenza jew digriet finali.

F’dan ir-rigward, sa fejn id-digriet ta’ tħassir deċiż skont l-Artikolu 74 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jostakolax la l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tal-kawża, huwa ma jkunx kopert bl-awtorità ta’ res judicata u ma jkunx jista’ għaldaqstant, jiġi pparagunat ma’ digriet motivat li jipproduċi effetti analogi għal dawk ta’ sentenza. Fil-fatt, meta skont l-imsemmi Artikolu 74, il‑President tat-Tribunal jiddeċiedi, permezz ta’ digriet, it-tħassir ta’ kawża mir‑reġistru tat-Tribunal, huwa jillimita ruħu li jikkunsidra l-volontà tar-rikorrent li jirrinunzja għall-kawża. F’tali digriet, l-uniċi dispożizzjonijiet li jaffettwaw lill‑partijiet tal-kawża huma dawk li permezz tagħhom il-President tat-Tribunal jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 89(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 31 sa 33, 35, 36, 38, 39 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 taʼ Marzu 1995, ISAE/VP u Interdata vs Il‑Kummissjoni, C‑130/91 REV, punt 6; 5 taʼ Marzu 1998, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P‑REV, punt 16; 29 taʼ Novembru 2007, Meister vs UASI, C‑12/05 P‑REV, punt 16; 2 taʼ April 2009, Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C–255/06 P‑REV, punti 15 sa 17

2.      Skont l-Artikolu 35(5) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 39(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-avukat li jassisti jew jirrapreżenta parti quddiem it-Tribunal ma għandux ebda formalità oħra għajr li jiġġustifika l‑kwalifika tiegħu ta’ avukat u ma għandu għalfejn jipproduċi ebda mandat f’forma korretta u xierqa, salv biex jiġġustifika dan il-poter f’każ ta’ oġġezzjoni. Għalhekk, sa fejn l-avukat ma għandux, fil-prinċipju, jiġġustifika l-mandat tal‑klijent tiegħu f’forma korretta u xierqa la għall-preżentata tar-rikors u lanqas sabiex iġib għall-konjizzjoni tat-Tribunal l-intenzjoni tal-klijent tiegħu li jirrinunzja għall-kawża, u peress li d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tista’, skont l-Artikolu 74 tal-imsemmijin regoli, tiġi kkomunikata lit-Tribunal anki oralment waqt is-seduta, l-eżistenza kif ukoll il-portata, jew saħansitra r-revoka tal-mandat ad litem bejn l-avukat u l-klijent tiegħu huma, salv fil-każ ta’ oġġezzjoni, kwistjonijiet li l-imsemmi Tribunal ma jistax jeżamina.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 taʼ Frar 1965, Barge vs Haute Autorité, 14/64

Il-Qorti Ġenerali: 26 taʼ Settembru 1990, Virgili-Schettini vs Il-Parlament, T‑139/89

3.      Fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, liema spjegazzjonijiet, skont it-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-imsemmija Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, anki jekk, fid-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal proċess ma japplikax biss għal kawżi li jinvolvu drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili. L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħal tali, jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem, iżda madankollu l-protezzjoni hija iktar wiesgħa fid-dritt tal-Unjoni, peress li tiggarantixxi dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u mhux biss rikors effettiv quddiem qorti nazzjonali. Id-dritt għal rimedju effettiv skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma huwiex limitat għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali iżda tinkludi wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet kollha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 53)