Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Olt (ir-Rumanija) fil-5 ta’ Frar 2019 – Asociația “Forumul Judecătorilor din România” vs Inspecția Judiciară

(Kawża C-83/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Olt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociația “Forumul Judecătorilor din România”

Konvenut: Inspecția Judiciară

Domandi preliminari

Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 għandu jitqies bħala att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Il-kontenut, in-natura u t-tul ratione temporis tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom natura obbligatorja għar-Rumanija?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri garanziji ta’ proċedura dixxiplinari indipendenti għall-Imħallfin Rumeni, filwaqt li jitneħħew ir-riskji kollha marbuta mal-influwenza politika fuq l-iżvolġiment ta’ tali proċeduri, bħall-ħatra diretta mill-Gvern tad-Direttorat tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija), anki b’mod provviżorju?

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li josservaw il-kriterji tal-Istat tad-dritt, meħtieġa wkoll fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, fil-każ tal-proċeduri ta’ ħatra diretta mill-Gvern tad-Direttorat tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija), anki b’mod provviżorju?

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2006, L 142M,, p. 825.