Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Jannar 2010 - Clarke vs UASI

(Kawża F-5/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Nicole Clarke (Alicante, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, dikjarazzjoni tal-annullament tal-klawżola tal-kuntratt ta' xogħol tar-rikorrenti li tipprevedi t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta' xogħol fil-każ li r-rikorrenti ma tintgħażilx f'kompetizzjoni esterna intiża għal xogħol mal-UASI, u min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni li l-kompetizzjonijiet UASI/AD/01/07, UASI/AD/02/07, UASI/AST/01/07 u UASI/AST/02/02, m'għandhomx effett fuq il-kuntratt tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, talba għad-danni.

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jannulla d-deċiżjonijiet tal-UASI inklużi fl-ittra tat-12 ta' Marzu 2009, li permezz tagħhom ġie mitmum il-kuntratt ta' xogħol tar-rikorrenti b'applikazzjoni tat-terminu ta' avviż minn qabel ta' 8 xhur, li jibda jiddekorri mis-16 ta' Marzu 2009, u jiddikjara t-tkomplija tal-kuntratt ta' xogħol, mhux xolt, bejn ir-rikorrenti u l-UASI. Sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis neċessarju, ir-rikorrenti titlob ukoll l-annullament tal-atti l-oħra tal-UASI, li r-rikorrenti tqis mhux awtonomi, tat-3 ta' Awwissu 2009 (sospensjoni tat-terminu ta' avviż minn qabel għal tliet xhur) u tad-9 ta' Ottubru 2009 (ilment miċħud).

jannulla jew jiddikjara l-annullament tal-klawżola ta' xoljiment fl-Artikolu 5 tal-kuntratt ta' xogħol tar-rikorrenti mal-UASI; u, sussidjarjament,

jiddikjara li, anki fil-futur, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta' xogħol tar-rikorrenti ma tistax tkun ibbażata fuq klawżola ta' xoljiment f'tali kuntratt;

jiddikjara, b'mod iktar sussidjarju, li fi kwalunkwe każ il-kompetizzjonijiet imsemmija fl-ittra tal-UASI tat-12 ta' Marzu 2009 ma setgħux ikollhom effetti negattivi li jirriżultaw mill-klawżola ta' xoljiment.

jikkundanna lill-UASI jikkumpensa lir-rikorrenti, b'ammont xieraq stabbilit mill-qorti, għad-dannu morali u immaterjali subit minnha minħabba d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tar-rikors.

Fil-każ li tiġi mitmuma l-attività konkretament imwettqa mir-rikorrenti fil-mument li tingħata d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u/jew jintemm il-pagament ta' ħlas dovut mill-UASI lir-rikorrenti, minkejja li jkun hemm kuntratt ta' xogħol, minħabba l-aġir illegali tal-UASI:

jikkundanna lill-UASI, wara li jkun iddikjara l-obbligu ta' dan tal-aħħar li jimpjega lir-rikorrenti taħt il-kundizzjonijiet preċedenti u li jintegraha mill-ġdid fis-servizz, jikkumpensa b'mod sħiħ lir-rikorrenti għad-dannu materjali subit minnha, b'mod partikolari billi jħallas l-arretrati u kwalunkwe spejjeż oħra sostnuti minnha minħabba l-aġir illegali tal-UASI (filwaqt li jnaqqas il-benefiċċju tal-qgħad irċevut).

sussidjarjament, fil-każ li, minħabba motivi ta' dritt jew ta' fatt fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tkunx integrata mill-ġdid fis-servizz u/jew ma jitkomplix il-kuntratt ta' xogħol taħt il-kundizzjonijiet preċedenti, jikkundanna lill-UASI jikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu materjali subit minnha minħabba t-terminazzjoni illegali tal-attività tagħha, b'somma ekwivalenti għad-differenza bejn l-aspettattivi għall-paga tagħha u l-ħlas li r-rikorrenti kienet tirċievi kieku ma ġiex xolt il-kuntratt, b'kunsiderazzjoni tad-dritt tal-pensjoni u ta' drittijiet oħra.

jikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

____________