Language of document : ECLI:EU:C:2017:319

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ppreżentati fis-27 ta’ April 2017 (1)

Kawża C567/15

UAB „LitSpecMet“

vs

UAB Vilniaus lokomotyvų remonto depas,

bl-intervent ta’:

UAB „Plienmetas“

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos teismas [qorti reġjonali ta’ Vilna (il-Litwanja)]

“Domanda preliminari — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet — Direttiva 2004/17/KE — Kunċett ta’ awtorità kontraenti — Kumpannija li l-kapital tagħha jappartjeni lill-Istat permezz ta’ kumpannija oħra tal-Istat — Eċċezzjoni ‘in house’”






1.        Din it-talba preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tespandi l-ġurisprudenza tagħha rigward il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. B’mod partikolari, għandha tippreċiża, għal darb’oħra, il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” fis-sens tad-Direttiva 2004/17/KE (2) u tad-Direttiva 2004/18/KE (3).

2.        Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tqajmu fil-kuntest ta’ appell minn proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, mingħajr ma ġew applikati dawn id-direttivi, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (4) li l-kapital tagħha huwa totalment miżmum mill-kumpannija tal-Istat ferrovjarja tal-Litwanja (5) (li l-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti ma hijiex ikkontestata), li dik l-imsemmija l-ewwel tipprovdilha ċerti prodotti u servizzi. Il-kumpannija sussidjarja, minkejja r-rabta tagħha mal-kumpannija omm, tiċħad li hija “korp pubbliku” fis-sens tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, peress li ma ġietx maħluqa “għall-għan speċifiku li [t]ilħaq bżonnijiet fl-interess ġenerali, li [m’għandhiex] karattru industrijali jew kummerċjali”.

3.        Il-kontroversja iffokat, inizjalment, fuq in-natura tal-attività mwettqa minn VLRD, sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex direttament l-għan li tissodisfa bżonn ta’ interess ġenerali li ma għandux natura industrijali jew kummerċjali. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie diskuss ukoll, jekk, meta tbigħ merkanzija jew servizzi lil entità (LG) li tissodisfa dan it-tip ta’ bżonnijiet, VLRD tissodisfax dawn ukoll indirettament u, għalhekk, tistax tkun inkluża fost l-awtoritajiet kontraenti, fis-sens tad-direttivi msemmijin iktar 'il fuq.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2004/17

4.        L-Artikolu 2 jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘[a]wtoritajiet kontraenti’ - stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru [natura] industrijali jew kummerċjali,



–      li għandu personalità legali u

–      finanzjat, fil-biċċa ‘l kbira, minn awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, jew korpijiet oħra irregolati mill-liġi pubblika [mid-dritt pubbliku]; jew suġġetti għal sorveljanza ta’ tmexxija minn dawk il-korpijiet; jew li għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu huma maħtura minn awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpijiet oħra irregolati mill-liġi pubblika;

[…]

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti:

a)      li huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7;

[…]”

5.        L-Artikolu 5 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment jew l-operat ta’ xbieki li jipprovdi servizz lil pubbliku fil-qasam ta’ trasport bil-ferrovija, sistemi automated, bit-trammijiet, trolley bus, karozza tal-linja jew kejbil.

Rigward servizzi ta’ trasport, xibka għandha titqies li teżisti fejn is-servizz provvdut huwa skond kondizzjonijiet ta’ operat preskritti minn awtorita kompetenti ta’ Stat Membru, bħal ma huma kondizzjonijiet fir-rotti li jridu jiġu servuti, il-kapaċita li jsiru disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal entitajiet li jipprovdu servizzi tat-trasport lill-pubbliku li kienu esklużi mill-iskop tad- Directiva 93/38/KEE [(6)] skond l-Artikolu 2(4) tiegħu.”

2.      Id-Direttiva 2004/18

6.        Skont l-Artikolu 1(9):

“Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika [bid-dritt pubbliku], assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

a)      stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru [natura] industrijali jew kummerċjali;

b)      li għandu personalità legali, u

c)      ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika;

Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. L-Istati Membri se jinnotifikaw perjodikament lill-Kummissjoni b’kull tibdil fil-lista ta’ korpi u kategoriji ta’ korpi.”

3.      Id-Direttiva 2014/24/UE (7)

7.        Fil-premessa għaxra jiġi ddikjarat li:

“Il-kunċett ta’ ‘awtoritajiet kontraenti’ u b’mod partikolari dak ta’ ‘korpi rregolati mil-liġi pubblika [mid-dritt pubbliku]’ ġew eżaminati ripetutament fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Biex ikun iċċarat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ratione personae għandu jibqa’ l-istess, huwa opportun li jinżammu d-definizzjonijiet li l-Qorti bbażat fuqha u li jiġu inkorporati għadd ta’ kjarifiki mogħtija minn dik il-każistika bħala mezz biex jinftiehmu dawk id-definizzjonijiet, mingħajr l-intenzjoni li jinbidel il-fehim tal-kunċett kif elaborat mill-każistika. Għal dak l-iskop, għandu jkun iċċarat li korp li jopera f’kondizzjonijiet normali tas-suq, għandu l-għan li jagħmel profitt, u jġarrab it-telf li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attività tiegħu ma għandux jitqies bħala ‘korp irregolat mil-liġi pubblika’ peress li l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li jkun twaqqaf biex jissodisfa jew ingħata l-inkarigu biex jissodisfa, jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura industrijali jew kummerċjali.

Bl-istess mod, il-kondizzjoni dwar l-oriġini tal-finanzjament tal-korp ikkunsidrat ġiet ukoll eżaminata mill-każistika, li ċċarat fost oħrajn li jkun iffinanzjat ‘il-parti maġġuri’ tfisser għal aktar min-nofs u li dak il-finanzjament jista’ jinkludi ħlasijiet minn utenti li huma imposti, ikkalkulati u miġbura f’konformità mar-regoli tal-liġi pubblika [tad-dritt pubbliku].”

8.        Il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) jiddefinixxi “korpi regolati mil-liġi pubblika [mid-dritt pubbliku]” b’mod simili għad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

9.        L-Artikolu 12(1) jistipula:

“Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

c)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq entità ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-entità ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.”

B.      Id-dritt nazzjonali

10.      Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (iktar 'il quddiem il-“Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”) tittrasponi fil-liġi Litwana d-Direttiva 2004/18.

11.      L-Artikolu 4 jipprovdi:

“1.      Awtorità kontraenti tfisser:

1)      awtorità tal-Istat jew lokali;

2)      persuna ġuridika stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu;

3)      assoċjazzjoni tal-awtoritajiet imsemmija fin-numru 1 ta’ dan il-paragrafu u/jew persuni ġuridiċi stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija fin-numru 2 ta’ dan il-paragrafu;

4)      il-kumpanniji kontraenti li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport jew is-servizzi postali elenkati fil-punti 2 sa 4 tal-Artikolu 70(1) ta’ din il-liġi.

2.      Persuna ġuridika stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat (differenti mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali) maħluqa sabiex tissodisfa speċifikament bżonnijiet fl-interess ġenerali li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali u li tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      iktar minn 50 % tal-attività tagħha hija ffinanzjata mill-baġit tal-Istat jew tal-entitajiet lokali jew minn riżorsi oħrajn tal-Istat jew tal-entitajiet lokali jew minn fondi ta’ persuni ġuridiċi oħrajn stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija f’dan il-paragrafu;

2)      hija kkontrollata (immexxija) mill-awtorità nazzjonali jew lokali jew minn persuni ġuridiċi oħrajn stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija f’dan il-paragrafu;

3)      iktar minn nofs il-membri tal-bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju huma maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali jew minn persuni ġuridiċi stabbiliti taħt id-dritt pubbliku jew privat imsemmija f’dan il-paragrafu.

[…]”

12.      L-Artikolu 10(5) jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din il-liġi ma japplikawx meta l-awtorità kontraenti tikkonkludi kuntratt ma’ entità ġuridikament distinta li fuqha hija teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq is-servizzi u l-korpi tagħha u li żżomm b’mod esklużiv (jew li fir-rigward tagħha teżerċita d-drittijiet u l-obbligi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali bħala assoċjat uniku), u meta l-entità kkontrollata tkun wettqet mill-inqas 90 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha tas-sena finanzjarja preċedenti (jew tal-perijodu li jkun għadda mill-ħolqien tagħha jekk tkun ilha teżerċita l-attività tagħha għal inqas minn sena finanzjarja waħda), permezz ta’ attivitajiet maħsuba sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti jew sabiex jippermettu li din twettaq il-funzjonijiet tagħha. Tista’ tinbeda sejħa għal offerti biss fil-kundizzjonijiet ipprovduti f’dan il-paragrafu wara li tingħata l-awtorizzazzjoni tal-awtorità responsabbli għall-kuntratti pubbliċi […]”.

II.    Fatti

13.      VLRD twaqqfet fl-2003, wara ristrutturar tal-kumpannija ferrovjarja tal-Istat LG, bħala sussidjarja ta’ din, li hija proprjetarja tal-kapital kollu tagħha.

14.      L-għan ta’ VLRD huwa l-produzzjoni u l-manutenzjoni ta’ lokomottivi u vaguni. Fiż-żmien rilevanti għall-kawża, l-ordnijiet ta’ LG kienu jammontaw għal madwar 90 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ VLRD.

15.      Fl-2013, VLRD organizzat proċedura ta’ sejħa għal offerti simplifikata għall-forniment ta’ vireg tal-ħadid (iktar ’il quddiem, “proċedura ta’ għoti”). Skont l-ispeċifikazzjonijiet, il-proċedura ta’ għoti hija konformi mar-regolament temporanju ta’ kuntratti ta’ VLRD.

16.      UAB LitSpecMet (iktar ’il quddiem, “LitSpecMet”) għamlet l-offerta tagħha fil-proċedura ta’ għoti u kisbet parti mill-forniment.

17.      LitSpecMet talbet, madankollu, l-annullament tal-proċedura ta’ għoti u l-ftuħ ta’ sejħa għal offerti ġdida b’mod konformi mal-LCP. Insostenn tat-talba tagħha hija sostniet, minn naħa waħda, li VLRD kienet inħolqot sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ LG, kumpannija ffinanzjata mill-Istat u fdata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet tal-provvisti u l-bejgħ imwettqa minn VLRD għall-benefiċċju tal-kumpannija omm ma kinux jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. Dan kollu kien juri, fil-fehma ta’ LitSpecMet, li l-attività ta’ VLRD kienet maħsuba sabiex tkopri bżonnijiet fl-interess ġenerali mingħajr natura industrijali jew kummerċjali u li, għalhekk, kienet awtorità kontraenti suġġetta għar-regoli tal-kuntratti pubbliċi.

18.      It-talbiet ta’ LitSpecMet ġew miċħuda mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2014, ikkonfermata mill-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Settembru 2014.

19.      Iż-żewġt iqrati kienu tal-fehma li, skont l-Artikolu 4(2) tal-LCP, sabiex persuna stabbilita taħt id-dritt pubbliku jew privat tikkwalifika bħala awtorità kontraenti ma huwiex biżżejjed li tingħata prova li din hija marbuta jew ikkontrollata minn kumpannija tas-settur pubbliku. Huwa neċessarju, barra minn hekk, li jiġi pprovat li l-attività tagħha hija intiża li jintlaħqu interessi ġenerali li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali, li ma huwiex il-każ ta’ VLRD, minħabba li hija kumpannija li kienet stabbilita sabiex teżerċita attività kummerċjali u tagħmel profitt, għar-riskji tagħha stess.

20.      Fis-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2015, l-Awla Ċivili tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) ċaħdet id-deċiżjoni mogħtija fl-appell. Fil-fehma tagħha, l-ebda waħda miż-żewġt istanzi ma kienu evalwaw kif xieraq iċ-ċirkustanzi tal-istabbiliment ta’ VLRD, b’mod partikolari n-natura tal-attività tagħha u r-relazzjonijiet tagħha mal-kumpannija omm.

21.      Il-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja), li, permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Lulju 2015, irrevokat id-deċiżjoni mogħtija mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) fit-2 ta’ Ġunju 2014 u bagħtet il-kawża lil din il-qorti, li tagħmel id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Id-domanda preliminari

22.      Il-kontenut tad-domanda preliminari, magħmula fid-9 ta’ Novembru 2015, huwa dan li ġej:

“L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija, li:

–      ġiet stabbilita minn awtorità kontraenti li teżerċità l-attività tagħha fil-qasam tat-trasport ferrovjarju: ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika, trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija;

–      b’mod awtonomu, teżerċità attività kummerċjali, tistabbilixxi l-istrateġija ta’ attività tagħha, tadotta deċiżjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-attività tagħha, (suq ta’ prodotti, segmentazzjoni tal-klijentela, eċċ), tipparteċipa fis-suq kompetittiv fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u barra mill-Unjoni Ewropea billi toffri servizzi ta’ produzzjoni u ta’ manutenzjoni ta’ vetturi ferrovjarji, u tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti marbuta ma’ din l-attività sabiex tikseb ordnijiet mingħand terzi (li ma humiex il-kumpannija parent tagħha);

–      tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni ta’ vetturi ferrovjarji lill-kumpannija fundatriċi tagħha fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet interni, bil-valur ta’ dawn is-servizzi jkun jirrappreżenta 90 % tal-attività kollha tagħha;

–      is-servizzi pprovduti lill-kumpannija fundatriċi tagħha huma intiżi li jippermettulha teżerċita l-attività tagħha ta’ trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija;ma għandhiex titqies bħala awtorità kontraenti?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fiċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq, kumpannija għandha tikkwalifika bħala awtorità kontraenti, l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li din il-kumpannija titlef l-istatus ta’ awtorità kontraenti meta l-valur tas-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ vetturi ferrovjarji pprovduti fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet interni għall-awtorità kontraenti li hija l-fundatriċi tal-kumpannija inkwistjoni tnaqqas u tkun tirrappreżenta inqas minn 90 % jew parti mhux essenzjali mid-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti tal-partijiet

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn LitSpecMet, VLRD, il-Gvern tal-Litwanja u l-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni, li dehru wkoll, flimkien mal-Gvern Ġermaniż, fis-seduta pubblika li saret fid-9 ta’ Frar 2017.

24.      Skont LitSpecMet, l-attività ta’ manutenzjoni mwettqa minn VLRD hija parti mill-interess ġenerali, billi tippermetti lil LG tiżgura s-servizz pubbliku taħt ir-responsabbiltà tagħha, jiġifieri, li timmaniġġja l-infrastruttura ferrovjarja u tiżgura t-trasport tal-passiġġieri. Fil-fehma tagħha, din l-attività ma għandhiex natura industrijali jew kummerċjali, peress li LG hija l-unika kumpannija li twettaq dan fil-Litwanja, li jippermettilha li din tiġi rregolata minn raġunijiet mhux strettament ekonomiċi. Jekk jiġi stabbilit li għal VLRD ma japplikawx ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, dan ikun ifisser li awtorità kontraenti (LG) tista’ tevadihom sempliċement billi toħloq sussidjarja (VLRD) iddedikata għall-attivitajiet interni.

25.      Skont LitSpecMet, għalhekk, VLRD hija awtorità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, u ma huwiex rilevanti l-perċentwali tal-operazzjonijiet interni mwettqa mal-kumpannija omm. Sussidjarjament, hija tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17, li hija dik realment applikabbli għal dan il-każ, minħabba l-attività ta’ LG u b’kunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 7 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (8).

26.      VLRD issostni li ma ġietx stabbilita sabiex twettaq missjoni partikolari ta’ interess ġenerali għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, iżda sabiex tissupplimenta l-attivitajiet kummerċjali ta’ trasport tal-passiġġieri ta’ LG. Fil-fehma tagħha, it-twettiq ta’ operazzjonijiet interni ma’ LG, bħala awtorità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17, ma jimplikax li hija stess hija awtorità kontraenti.

27.      Il-Gvern Litwan jinvoka s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (9), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet laqgħet it-“teorija ta’ kontaġju”, billi qieset li min iwettaq attività li tissodisfa, anki jekk biss parzjalment, il-bżonnijiet fl-interess ġenerali mhux ta’ natura industrijali jew kummerċjali jista’ wkoll jiġi kklassifikat bħala awtorità kontraenti. Għall-Gvern Litwan, madankollu, it-“teorija ta’ kontaġju” ma tapplikax vertikalment, u n-natura tal-attività mwettqa minn kumpannija ma tiddependix minn jekk ġietx stabbilita minn awtorità kontraenti li twettaq operazzjonijiet interni magħha.

28.      Skont il-Gvern Ġermaniż, li jadotta perspettiva funzjonali, taħt iċ-ċirkustanzi, hemm biżżejjed evidenza sabiex jitqies li VLRD twettaq attività ta’ interess ġenerali, peress li, mingħajr ma tipparteċipa direttament fl-attività ta’ trasport eżerċitata minn LG, hija twettaq kompitu marbut mill-qrib ma’ din, jiġifieri l-kostruzzjoni tal-lokomottivi. Rigward in-natura kummerċjali tal-attività ta’ VLRD, il-fattur deċiżiv huwa, għal dan il-gvern, jekk din tissodisfax l-għanijiet tagħha f’suq kompetittiv, li ma huwiex il-każ, peress li twettaq 90 % tal-attività tagħha ma’ LG, b’tali mod li ma għandhiex riskju kummerċjali reali. Fil-qosor, il-Gvern Ġermaniż isostni li s-sussidjarja ta’ awtorità kontraenti hija wkoll awtorità kontraenti meta l-attivitajiet tagħha jkollhom l-għan li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ interess ġenerali prattikati mill-kumpannija omm tagħha. Barra minn hekk, fid-dawl tad-Direttiva 2014/24 (li, għalkemm ma hijiex applikabbli ratione temporis, tista’ tipprovdi gwida), kumpannija sussidjarja ma tistax tkun awtorità kontraenti jekk il-kuntratt tagħha mal-kumpannija omm ma jaqbiżx it-80 %.

29.      Il-Gvern Portugiż ifakkar li, għalkemm l-għan tal-istabbiliment ta’ VLRD jidher li hu ta’ interess ġenerali, l-attività tagħha hija ta’ natura industrijali u kummerċjali, peress li hija responsabbli integralment għar-riskji tal-attività tagħha. Skont il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (10), u integrata fl-għaxar premessa tad-Direttiva 2014/24, VLRD ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala awtorità kontraenti.

30.      Il-Kummissjoni tosserva li f’dan il-każ għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-Direttiva 2004/18, fejn VLRD tipprovdi merkanzija u servizzi lill-kumpannija ferrovjarja Litwana, u ma huwiex rilevanti jekk l-attività ta’ din tal-aħħar (LG) hijiex inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17.

31.      Skont il-Kummissjoni, VLRD ma hijiex suġġetta għad-Direttiva 2004/18, peress li ma hijiex “korp irregolat bil-liġi pubblika [dritt pubbliku]” skont l-Artikolu 1(9) tagħha, peress li ġiet stabbilita għall-interess partikolari ta’ LG —li jagħmilha fornitur intern ta’ dik il-kumpannija— u mhux għall-interess ġenerali. Fil-fehma tagħha, huwa irrilevanti jekk LG għandhiex l-għan li tissodisfa interess ġenerali u jekk irrikorrietx għal VLRD għal dan il-għan, u għalhekk il-fatt determinanti huwa li l-attività ta’ VLRD għandha l-għan uniku li tissodisfa l-interessi partikolari tal-kumpannija omm.

32.      Il-Kummissjoni tiddubita, għalhekk, jekk VLRD ġietx stabbilita speċifikament sabiex tissodisfa l-bżonnijiet fl-interess ġenerali, iżda tipprovdi li hija biss il-qorti nazzjonali li hija f’pożizzjoni li tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u tikkonferma li l-għan mingħajr skop ta’ lukru li mmotiva l-ħolqien ta’ VLRD ma huwiex prevalenti fuq l-ambjent kummerċjali li topera fih.

V.      L-evalwazzjoni

A.      Ir-rimarki preliminari

33.      Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-parti l-kbira tal-partijiet involuti fil-proċedura preliminari jassumu li d-Direttiva 2004/18 tapplika fil-każ preżenti. Madankollu, LitSpecMet tipprovdi, għalkemm biss b’mod sussidjarju, li dik li hija applikabbli fir-realtà hija d-Direttiva 2004/17 (magħrufa bħala “direttiva settorjali” fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi).

34.      Fir-realtà, peress li kemm l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 fihom definizzjoni identika ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika[dritt pubbliku]” (11), huwa possibbli li tingħata risposta għad-domandi tal-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) mingħajr ma tiġi miċħuda, mill-bidu, l-applikabbiltà ta’ direttiva jew oħra.

35.      It-tieni nett għandu jiġi osservat li, filwaqt li fil-proċeduri ma jintweriex l-ammont tas-sejħa għal offerti kkontestata, ir-rappreżentant ta’ VLRD waqt is-seduta pubblika ddikjara li dan jitla’ sa total massimu ta’ EUR 600 000 jew EUR 700 000, u għalhekk jaqbeż il-limitu meħtieġ għall-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan (12).

36.      It-tielet u l-aħħar nett, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, inevitabbilment, l-informazzjoni li l-qorti tar-rinviju pprovditilha dwar iċ-ċirkustanzi fattwali li jirrigwardaw lil VLRD. Huwa possibbli, madankollu, li din l-informazzjoni ma taqbilx għalkollox ma’ dik li, fil-fehma ta’ Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Mejju 2015, għandha tiġi vverifikata mill-qorti tal-appell wara li tkun bagħtitilha l-każ (13).

B.      L-ewwel domanda preliminari

1.      Dwar is-sodisfazzjon dirett (jew indirett) tal-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, mingħajr ma jkollhom natura industrijali jew kummerċjali

37.      Huwa aċċettat bejn il-partijiet li VLRD tissodisfa tnejn mit-tliet kundizzjonijiet preċiżi sabiex tiġi kklassifikata bħala “korp irregolat bil-liġi pubblika [dritt pubbliku]” (u, għalhekk, “awtorità kontraenti”) skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

38.      Fil-fatt, minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, allegati b’mod kumulattiv (14), VLRD tissodisfa t-tieni u t-tielet waħda: hija għandha personalità ġuridika u ma hemmx dubju rigward l-intervent ta’ korp ieħor irregolat bid-dritt pubbliku (LG) fil-finanzjament tagħha, fil-kontroll tal-ġestjoni tagħha jew fil-kompożizzjoni tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tagħha.

39.      Madankollu, ma hemmx qbil rigward ir-rekwiżit li VLRD “[inħolqot] speċifikament sabiex taqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali”.

40.      L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jeżaminaw jekk l-attività ta’ VLRD tirrispondix minnha nfisha għal bżonnijiet ta’ interess ġenerali mhux ta’ natura industrijali jew kummerċjali, u l-parti l-kbira tal-partijiet ipprovdew li dan ma kienx il-każ. Matul is-seduta, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dibattitu ġie estiż ukoll dwar jekk VLRD kinitx tissodisfa indirettament dawn it-tipi ta’ bżonnijiet, sa fejn tipprovdi merkanzija jew servizzi lil korp irregolat bid-dritt pubbliku li, bħal-LG, tagħmel dan. Il-pożizzjonijiet tal-partijiet f’dan ir-rigward, sostanzjalment, jaqblu ma’ dawk li adottaw fir-riferiment għall-interess ġenerali eventwali tal-attività mwettqa minn VLRD.

41.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, LG hija kumpannija pubblika li topera network tat-trasport ferrovjarju. Kif diġà għidt, ma hemmx dubju li din hija awtorità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/17 (15). Fir-rigward ta’ VLRD, din hija ddedikata għall-produzzjoni u l-manutenzjoni ta’ lokomottivi u materjal fuq ir-roti, jiġifieri, li din twettaq kompitu li, għalkemm relatat mill-qrib mat-trasport ferrovjarju, ma jinvolvix il-“forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija”, li hija l-attività msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17.

42.      LitSpecMet issostni li, fi kwalunkwe każ, VLRD teżerċita kompitu essenzjali għall-“forniment jew it-tħaddim” tan-netwerk tat-trasport ferrovjarju Litwan, b’tali mod li tissodisfa wkoll l-għan tal-interess ġenerali li taqdi LG. Fil-fehma tagħha, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14/KE (16), l-impriżi ferrovjarji huma intitolati li jirċievu l-hekk imsejjaħ “pakkett minimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi” li huwa deskritt fl-Anness II tal-istess direttiva, li fil-punt 2(h) tiegħu, jissemmew il-faċilitajiet “ta’ manutenzjoni u faċilitajiet tekniċi oħrajn.” Minn dan huwa dedott li “fin-nuqqas ta’ opzjonijiet alternattivi reali fis-suq”, VLRD hija “obbligata li tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni ta’ materjal fuq ir-roti lil […] LG, mingħajr kwalunkwe kunsiderazzjoni kummerċjali” (17).

43.      Ma naqbilx ma’ dan l-argument tal-aħħar ta’ LitSpecMet, peress li d-Direttiva 2001/14 ma tinkludix servizzi ta’ manutenzjoni fil-“pakkett ta’ aċċess”, iżda biss il-faċilitajiet li fihom għandhom jiġu pprovduti. Għalhekk, jekk xi bżonn ta’ interess ġenerali jiġi moqdi minn VLRD immedjatament u direttament, l-attività msemmija speċifikament fl-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva ma tiġix attribwita lilha.

44.      L-eżami għandu għalhekk jiffoka fuq l-interpretazzjoni tad- Direttiva 2004/18, sabiex jiġi ddeterminat jekk VLRD tissodisfax il-bżonnijiet ta’ interess ġenerali (differenti minn dawk ta’ natura industrijali jew kummerċjali) inerenti fil-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi.

45.      Il-loġika tal-argument għandha twassal, minn naħa waħda, sabiex jiġi identifikat jekk f’dan il-każ humiex sodisfatti l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali; fit-tieni lok, fl-ipoteżi li r-risposta tkun fl-affermattiv, jekk hijiiex predominanti n-natura kummerċjali jew industrijali tagħha fuq kwalunkwe natura oħra.

46.      Minn din il-perspettiva, is-sempliċi produzzjoni u tiswija tal-materjal fuq ir-roti fis-settur ferrovjarju ma jidhirlix li, fihom infushom, huma intiżi li jissodisfaw bżonnijiet marbutin mill-qrib mal-funzjonament istituzzjonali tal-Istat (18), il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet tal-benesseri soċjali li l-garanzija tagħhom hija responsabbiltà tal-Istat (19),jew skopijiet oħra simili.

47.      Ċertament jista’ jiġi argumentat, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, li, billi tipprovdi lill-kumpannija omm tagħha prodotti jew servizzi li jippermettu lil din tal-aħħar tissodisfa l-bżonnijiet tagħha stess —ta’ interess ġenerali— VLRD indirettament tissodisfa wkoll l-interess kopert minn LG.

48.      Dan l-approċċ għall-problema, madankollu, jaffaċċja ċerti diffikultajiet, għall-inqas minn perspettiva ġenerali.

49.      Fil-fatt, jekk ma huwiex faċli, normalment, li jiġi ddeterminat meta attività ekonomika jkollha l-għan li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali (espressjoni li fiha nfisha hija ambigwa jew b’ħafna tifsiriet), se jkun inqas faċli li jiġi ddeterminat sa liema punt ir-rabta ta’ attività privata u ta’ natura kummerċjali ma’ dawk ta’ interess ġenerali tagħti lil dik tal-ewwel in-natura ta’ dawk tal-aħħar. Il-konsegwenzi ta’ din l-assimilazzjoni ma humiex negliġibbli: kif osservat fis-seduta mill-Gvern Litwan, operatur privat jista’ jsir, forsi mingħajr ma jkun konxju ta’ dan, fornitur ta’ attivitajiet ta’ interess ġenerali, bħala kollaboratur neċessarju ta’ awtorità kontraenti.

50.      Il-grad ta’ konnessjoni u interdipendenza tal-attivitajiet ekonomiċi, pubbliċi u privati kollha, huwa tant notevoli fl-ekonomija tas-suq tal-lum li jkun diffiċli li tiġi mrażżna n-natura espansiva tas-“sodisfazzjoni tal-bżonnijiet ta’ interess ġenerali”, kieku kellu jiġi aċċettat li taħt dan il-kunċett huma inklużi wkoll l-attivitajiet privati meħtieġa, sa ċertu punt, sabiex jissodisfaw dawk il-bżonnijiet. Tinqala’ wkoll il-problema, b’soluzzjoni diffiċli ħafna, sabiex jinstab il-punt sa fejn dik ir-relazzjoni ta’ neċessità tkun rilevanti f’kull każ.

51.      Madankollu, anki jekk wieħed jassumi, ipotetikament, li l-attività mwettqa minn VLRD saret sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi konkluż li VLRD hija “korp irregolat bil-liġi pubblika [dritt pubbliku]” fis-sens tad-Direttiva 2004/18. Ir-raġuni hija li ma huwiex biżżejjed li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, iżda dawn għandu jkollhom ukoll natura industrijali jew kummerċjali. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex jiġu kklassifikati b’dan il-mod, li jipprovdu għal dawk il-bżonnijiet f’kundizzjonijiet barra mil-loġika tas-suq.

52.      Għalhekk, kif ipprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, dan jinvolvi “li jiġu esklużi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-kuntratturi jew lill-kandidati nazzjonali fi kwalunkwe għoti ta’ kuntratt magħmul mill-awtoritajiet kontraenti kif ukoll il-possibbiltà li l-organu ffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali jew organi oħra rregolati mid-dritt pubbliku jitħallew jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet li ma humiex ekonomiċi” (20).

53.      Fuq dawn il-premessi, l-entità li tiġġestixxi dan it-tip ta’ bżonnijiet (li ma għandhomx jiġu konfużi ma’ dawk li ma jistgħux jiġu koperti minn kumpanniji privati) (21) tista’ faċilment taqa’ taħt dak ir-riskju jekk timxi barra mill-kundizzjonijiet tas-suq, jiġifieri, barra l-kompetizzjoni ħielsa. Bil-maqlub, jekk taħdem taħt il-pressjoni kompetittiva minn kompetituri oħrajn (22),huwa iktar diffiċli li ġġarrab dan ir-riskju, peress li att irregolat minn motivi li ma humiex ekonomiċi jeskluduha, eventwalment, mis-suq.

54.      Fi kliem ieħor, il-fattur determinanti sabiex tinstab soluzzjoni għad-dubju, ma huwiex tant in-natura pubblika tal-bżonn li għandu jintlaħaq, iżda l-kundizzjonijiet li fihom huwa maħsub li jsir fihom. Għalhekk, fl-interpretazzjoni tat-terminu “bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali”, bilfors li jiġi vverifikat taħt liema termini ġie sodisfatt.

55.      Dan jirriżulta, nirrepeti, sal-punt li dak li hu importanti, fl-ispirtu tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, huwa l-garanzija tal-kompetizzjoni fis-suq u d-difiża kontra l-iżnaturament jew id-distorsjoni tiegħu kkawżati minn atturi barra mil-loġika tal-kummerċ ħieles. Għaldaqstant, l-importanti ma huwiex jekk VLRD, meta tipprovdi prodotti u servizzi lil LG, taqdix fiha nfisha bżonn ta’ interess ġenerali, jew jekk twettaqx dan b’mod indirett, imma jekk twettaqx dan, fi kwalunkwe waħda miż-żewġ ipoteżi, fl-istess ċirkustanzi bħall-kompetituri privati eventwali tagħha, jiġifieri mingħajr stimuli sabiex tipprovdi vantaġġi mhux ġustifikati lil produtturi domestiċi.

56.      Għal dan il-għan għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif tipprovdi l-qorti tar-rinviju, numru ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt, li fosthom, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sitwazzjoni li wasslet għall-ħolqien tal-korp ikkontestat (23) u fatturi bħal “nuqqas ta’ skop ta’ profitt bħala l-għan ewlieni, in-nuqqas ta’ teħid ta’ riskji li jirriżultaw mill-attività [tagħha], u kwalunkwe finanzjament pubbliku tal-attività inkwistjoni” (24).

57.      Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju biss hija f’pożizzjoni li tevalwa jekk, b’kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha, ta’ fatt u ta’ liġi, VLRD tissodisfax bżonn ta’ interess ġenerali mingħajr natura industrijali jew kummerċjali. Għalkemm mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari seta’ jiġi dedott (25) li l-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) tidher li tagħżel it-teorija inizjali tagħha, ikkonfermata mill-qorti tal-appell iżda mhux kondiviża mill-qorti suprema tal-Litwanja, huwa ċert li d-digriet tar-rinviju huwa limitat, fil-fatt, sabiex jesponi d-dibattitu bejn il-partijiet u r-raġunamenti tat-tliet sentenzi mogħtija sa issa fil-każ, iżda ma jinkludix analiżi xierqa dwar l-“elementi rilevanti” (26) għall-kawża li jippermettu li tingħata risposta konklużiva.

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, forsi l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tmur lil hinn milli tindika li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti attenzjoni partikolari, fost fatturi oħra, minbarra li din tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet tas-suq (27),għall-finanzjament pubbliku ta’ maġġoranza eventwali ta’ VLRD, l-iskop ta’ qligħ tagħha u t-teħid ta’ riskji (u telf) li jirriżultaw mill-ġestjoni tagħha, aspetti li rigward tagħhom din il-qorti ma pprovdietx evidenza kbira u li ma jistgħux jiġu injorati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar in-natura tal-attivitajiet ta’ dik il-kumpannija.

59.      Mill-informazzjoni pprovduta fil-kawżi u rrapportati fis-seduta, jirriżulta, madankollu, li l-parti essenzjali (90 % fid-dati rilevanti) tal-prestazzjoni ta’ VLRD titwettaq f’kuntest ekonomiku ikkaratterizzat mill-monopolju ta’ materjal fuq ir-roti lil LG, jiġifieri, f’kundizzjonijiet esterni minn dawk tas-suq. LG hija pprovduta materjal bir-roti mis-sussidjarja tagħha, mingħajr ma tgħaddi minn mekkaniżmi ta’ kompetizzjoni pubblika li jżidu l-pressjoni kompetittiva fuq VLRD. Din tal-aħħar, għalhekk, tista’ tirrispetta kriterji differenti minn dawk tas-suq, bis-sigurtà (jew nuqqas ta’ riskju) li ma jkollhiex bżonn tissodisfa l-ordnijiet li, fi kwalunkwe każ, huma garantiti lilha minn LG.

2.      Rigward is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali f’każijiet ta’ għoti intern

60.      Skont dak diġà pprovdut jirriżulta li VLRD tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kontraenti, fis-sens imsemmi iktar 'il fuq. Issa, id-domanda magħmula tista’ titqies ukoll minn perspettiva differenti. Jekk titwarrab, momentarjament, in-natura tal-attivitajiet ta’ VLRD u LG, għandha tingħata attenzjoni lir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex jiġi dedott jekk dik tal-ewwel hijiex entità strumentali (jew mezz proprju) tat-tieni waħda, li x’aktarx iwassal għal dik li tissejjaħ “eċċezzjoni in house”. Fid-dawl tal-perspettiva tal-attività għalhekk nipproponi li l-problema ta’ bażi tiġi eżaminata minn perspettiva organika.

61.      Id-digriet tar-rinviju ta’ Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) għandu, skont dan l-approċċ, żewġ punti ta’ interess. L-ewwel huwa l-punt 23, li jgħid li “madwar 90 % tad-dħul tal-kumpannija sussidjarja [VLRD] jiġu mill-kumpannija omm [LG] għal operazzjonijiet bejn iż-żewġ persuni ġuridiċi”, li minnu jsegwi li “l-attivitajiet tal-konvenuta [VLRD] u tal-kumpannija li tikkontrollaha [LG] huma marbutin mill-qrib”.

62.      Dan il-punt kien kruċjali sabiex Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) tiċħad l-appell. Taħt l-istess punt tad-digriet tar-rinviju, dik l-informazzjoni kienet biżżejjed sabiex ma “tiġix miċħuda bħala infondata l-allegazzjoni tar-rikorrenti [LitSpecMet], skont liema l-istabbiliment ta’ VLRD, li kien ippreċedut mir-ristrutturazzjoni ta’ [LG], ma ħoloqx fir-realtà relazzjonijiet legali u ekonomiċi ta’ natura differenti bejn operaturi ekonomiċi indipendenti, iżda pjuttost wassal għal bidla fil-mod kif jiġu organizzati l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija msemmija l-aħħar” (28).

63.      Il-paragrafu l-ieħor tad-digriet tar-rinviju li għandu jiġi enfasizzat huwa l-punt 25, fejn jingħad li VLRD “wettqet medja ta’ 15-il operazzjoni interna fis-sena ma’ [LG] matul il-perijodu bejn l-2011 u l-2014”; liema operazzjonijiet, iżid id-digriet, “skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala kuntratti pubbliċi” (29).

64.      Ir-riferiment tad-digriet tar-rinviju għas-sistema tal-kuntratti in house ġew ikkunsidrati mill-partijiet fit-talba preliminari. B’mod partikolari, il-Kummissjoni argumentat (30) li VLRD hija fornitur intern ta’ LG u li, konsegwentement, l-operazzjonijiet imwettqa bejniethom ma humiex suġġetti għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda huma inklużi fl-hekk imsejħa “eċċezzjoni in house” (31).

65.      Il-Gvern Litwan irrefera, ukoll, għas-sistema in house fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (32), filwaqt li invoka espressament l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 (33). Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, semma dik is-sistema wkoll fl-osservazzjonijiet orali tiegħu.

66.      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rappreżentant proċedurali ta’ VLRD, meta ġie mistoqsi dwar id-destinazzjoni tal-prodotti suġġetti għas-sejħa għal offerti inkwistjoni, wieġeb li dawn kienu intiżi għall-produzzjoni ta’ materjali li l-provvista tagħhom kienet ordnata minn LG, fi ħdan ir-relazzjonijiet tagħhom in house.

67.      Kif ripetut mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjoni in house “hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, għandha l-possibbiltà li twettaq il-kompiti ta’ interess pubbliku li jaqgħu fuqha billi tuża l-mezzi amministrattivi, tekniċi u oħra tagħha, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li ma jappartjenux għad-dipartimenti tagħha, u li din l-eċċezzjoni tista’ tiġi estiża għas-sitwazzjonijiet fejn il-parti kontraenti l-oħra hija entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta din tal-aħħar teżerċita fuq il-kuntrattur kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn dik l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal‑awtorità jew mal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha”, filwaqt li f’dan il-każ jista’ jiġi meqjus li “l-awtorità kontraenti tista’ tagħmel użu mill-mezzi tagħha stess” (34).

68.      Għalhekk, għandu jkun hemm qbil li l-ħolqien ta’ VLRD bħala mezz strumentali ta’ LG, minkejja li jimmira formalment lejn l-istabbiliment ta’ entità separata (fir-realtà, huma żewġ kumpanniji legalment differenti), jidher li pperpetwa, mill-perspettiva funzjonali, is-sitwazzjoni ta’ qabel. Permezz ta’ dan kien hemm l-intenzjoni, finalment, li jiġu organizzati mill-ġdid l-attivitajiet tal-kumpannija tal-Istat ferrovjarja Litwana (35).

69.      Il-kunsiderazzjoni funzjonali taż-żewġ entitajiet tagħti sinjifikat finali lill-“eċċezzjoni in house” (36). L-aċċettazzjoni tagħha, bl-immunità inerenti mis-sottomissjoni għad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi tikkorrispondi għal għażla organizzattiva tal-awtoritajiet pubbliċi, li jafdaw kompiti partikolari f’idejn il-korpi strumentali tagħhom (meta jeżerċitaw fuqhom l-istess kontroll bħal fuq is-servizzi tagħhom stess), mingħajr ma jikkunsidraw is-suq għall-forniment ta’ xogħlijiet, servizzi jew provvisti.

70.      Taħt is-sistema in house l-awtorità kontraenti ma tagħmilx kuntratti, minn perspettiva funzjonali, ma’ entità differenti oħra, iżda, fil-fatt, tagħmel dan magħha nfisha, minħabba r-rabta li għandha mal-entità formalment differenti. Strettament, ma nistgħux nitkellmu dwar għoti ta’ kuntratt, iżda sempliċi kompitu jew kariga, li ma huwiex oġġezzjonabbli mill-“parti” l-oħra, tkun xi tkun il-formula li jużaw.

71.      In-nuqqas ta’ relazzjoni vera ta’ parti oħra jiġġustifika l-fatt li awtorità kontraenti ma tkunx meħtieġa tgħaddi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta tuża mezzi tagħha sabiex twettaq il-kompiti, jiġifieri, meta tuża kumpanniji li, lil hinn mill-personalità ġuridika diversa tagħhom, materjalment jiġu mħalltin magħha. Il-proċeduri ta’ għoti jagħmlu sens biss bejn żewġ entitajiet differenti u awtonomi, għaliex bejniethom, preċiżament, tista’ tiġi stabbilita r-relazzjoni ġuridika (sinallagmatika) imperattiva sabiex jiġi konkluż kuntratt bi ħlas (37) f’termini ta’ ugwaljanza u mhux ta’ dipendenza jew subordinazzjoni ġerarkika.

72.      Għalhekk huwa loġiku li —fil-limiti stretti li stabbilixxiet il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja— jitneħħew mill-proċeduri formalizzati ta’ akkwist irregolati mid-Direttivi r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn awtorità kontraenti u entità sussidjarja tagħha, li taħdem bħala sempliċi strument tagħha u hija suġġetta għall-istess kontroll li teżerċita din l-awtorità fuq (il-bqija tas-)servizzi tagħha. Lanqas ma jkun koerenti li l-proċedura ta’ għoti ssir affari ta’ organizzazzjoni interna tal-entità, li tapplika għal każijiet fejn din tagħżel li tuża l-mezzi tagħha stess esklużivament.

73.      Għalhekk, jekk nibda mill-prinċipju ta’ identità materjali li hija l-bażi tal-eċċezzjoni in house, nifhem li, jekk din l-eċċezzjoni setgħet ġiet applikata għall-operazzjonijiet imwettqa bejn LG u VLRD, fit-termini stabbiliti fid-digriet tar-rinviju, dan huwa minħabba li ż-żewġ kumpanniji jissodisfaw il-kriterji legali li semmejt preċedentement (li issa huma kkristallizzati fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24), li, finalment, għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju.

74.      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li VLRD hija fornitur intern ta’ LG, fih innifsu, ma jagħmilhiex awtorità kontraenti, iżda ma toffrix wisq raġunijiet sabiex tiġi appoġġjata din id-dikjarazzjoni (38). Jista’ jiġi stabbilit, fil-fatt, b’mod ġenerali, li l-entitajiet sussidjarji in house għandhom biss il-kwalità ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika [mid-dritt pubbliku]”, fis-sens tad-Direttivi 2004/18 u 2004/17, meta jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li semmejt iktar 'il fuq.

75.      Din l-affermazzjoni, madankollu, għandha tkun ikkwalifikata immedjatament, b’distinzjoni bejn l-attivitajiet “marġinali” u dawk “essenzjali” tal-entitajiet strumentali, li jiġġustifikaw l-eċċezzjoni in house. Fir-rigward ta’ dawk tal-ewwel (39), ma naħsibx li hemm problemi sabiex wieħed jaċċetta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, minħabba li fir-rigward tagħhom il-kumpannija topera fis-suq u tista’ tikkompeti fuq bażi ugwali mal-bqija tal-operaturi ekonomiċi kompetituri.

76.      Fil-fehma tiegħi, ma jiġrix hekk fir-rigward tal-kompiti “essenzjali” tal-impriża sussidjarja, li jkunu ġew fdati jew assenjati lilha mill-awtorità kontraenti taħt sistema in house. Jekk, sabiex twettaqhom, dik il-kumpannija (hawnhekk, VLRD) ikollha takkwista, min-naħa tagħha, prodotti, servizzi jew provvisti mingħand terzi, f’ammont li jaqbeż il-livell tal-akkwist armonizzat, id-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi jkunu applikabbli.

77.      Interpretazzjoni, minbarra għal inkonsistenza, twassal għal possibbiltà ta’ frodi ta’ liġi. L-ewwel, peress li jkun inkonsistenti mal-identità materjali perċepita bejn iż-żewġ entitajiet peress li jiġu eżentati mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom. It-tieni, minħabba li dan jippermetti li tiġi evitata faċilment l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

78.      Ir-relazzjoni bejn LG u VLRD diġà tippermetti, fiha nfisha, eċċezzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni għall-operazzjonijiet interni tagħha, li huma meqjusa mhux kuntrattwali. Jekk, minbarra dan, VLRD tingħata eżenzjoni mis-sottomissjoni għall-istess standards tal-operazzjonijiet, formalment esterni, li twettaq ma’ terzi, iżda li, fil-fatt, huma parti mid-dħul mill-bejgħ tal-binomju LG/VLRD, l-eċċezzjoni in house tista’ tikseb dimensjonijiet ġodda.

79.      Fi kliem ieħor, l-awtorità kontraenti tista’ tuża entitajiet strumentali, fil-marġni mogħtija hawn fuq, sabiex tagħtihom ċerti kompiti li, fil-prinċipju, għandhom ikunu suġġetti għal kuntratt pubbliku, iżda jevitaw dan. Din l-eċċezzjoni ma hijiex, fiha nfisha, kontestabbli minn perspettiva legali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (u, issa, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24). Iżda, meta l-mezzi strumentali, min-naħa tagħhom, ma jkollhomx biżżejjed riżorsi sabiex, minnhom infushom, jissodisfaw dawk ordnati mill-awtorità kontraenti u huma sfurzati li jiddependu minn terzi sabiex jissodisfawhom, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eċċezzjoni in house jiġu sfumati u jirriżulta, fil-fatt, (sub)kuntratt pubbliku moħbi, li permezz tiegħu l-awtorità kontraenti takkwista, permezz ta’ intermedjarju (l-entità strumentali), il-prodotti u s-servizzi ta’ terzi, mingħajr ma tkun suġġetta għad-Direttivi li għandhom jirregolaw l-għoti tagħhom.

80.      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Operazzjonijiet ta’ LG li, kieku ma kinitx teżisti VLRD, neċessarjament kellhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kuntratt pubbliku (jekk il-kumpannija tal-Istat kellha twettaqhom direttament), jevitaw din is-sistema għar-raġuni li huma attribwibbli lil kumpannija oħra, anki jekk din hija tant marbuta materjalment ma’ dik tal-ewwel li t-tnejn huma eliġibbli, minħabba l-operazzjonijiet reċiproċi tagħhom, għall-eċċezzjoni in house (40).

81.      Fil-fehma tiegħi, jekk ir-rabta bejn LG u VLRD hija ta’ tali natura li tiġġustifika eċċezzjoni in house għall-operazzjonijiet imwettqa bejniethom it-tnejn, l-operazzjonijiet esterni indispensabbli sabiex jitwettqu l-kompiti li LG fdat lil VLRD ma jistgħux jevitaw id-Direttivi dwar is-swieq pubbliċi (sakemm dawn jaqbżu l-livell kwantitattiv korrispondenti). Inkella, l-organizzazzjoni mill-ġdid sempliċi tal-attivitajiet ta’ LG li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ VLRD tkun biżżejjed sabiex LG tevita l-konsegwenzi tal-pożizzjoni tagħha bħala awtorità kontraenti.

82.      Għalhekk, naħseb li ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk VLRD hijiex korp irregolat mid-dritt pubbliku sabiex tissodisfa hija stess il-bżonnijiet fl-interess ġenerali mhux ta’ natura industrijali jew kummerċjali, iżda għandu jiġi konkluż li dan isir minħabba li funzjonalment tikkostitwixxi ħaġa waħda ma’ kumpannija (LG) li tkopri dawn il-bżonnijiet u sabiex taġixxi fi ħdan is-sistema in house.

83.      F’dak li jirrigwarda d-Direttiva konkreta li għandhom ikunu konformi magħha l-kuntratti ffirmati minn VLRD, għandu jitfakkar li “jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 il-kuntratti mogħtija fil-qasam ta’ waħda mill-attivitajiet espliċitament elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 tal-imsemmija direttiva kif ukoll il-kuntratti li, anki jekk huma ta’ natura differenti u li għaldaqstant jistgħu, minħabba f’hekk, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, iservu għall-eżerċizzju tal-attivitajiet iddefiniti fid-Direttiva 2004/17” (41). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, li ma qajmitx din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dik responsabbli sabiex tistabbilixxi liema direttiva għandha tapplika, skont is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni fil-proċedura prinċipali.

84.      Fil-qosor, nissuġġerixxi li bħala risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) li l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija li r-rabta materjali u funzjonali tagħha ma’ awtorità kontraenti tiġġustifika l-eċċezzjoni in house għall-operazzjonijiet interni tagħha, hija suġġetta għal dawn id-direttivi meta tagħmel kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi ta’ terzi, sabiex tissodisfa l-ordni mogħtija lilha mill-awtorità kontraenti.

C.      It-tieni domanda preliminari

85.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li twieġeb fl-affermattiv, kif nipproponi li tagħmel, għad-domanda preċedenti, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) tixtieq tkun taf jekk kumpannija, bħal VLRD, titlifx l-istatus tagħha ta’ awtorità kontraenti meta l-valur tas-servizzi tagħha pprovduti minn operazzjonijiet interni lil LG jitnaqqas għal inqas minn 90 % jew ma jikkostitwixxix il-parti prinċipali tad-dħul mill-bejgħ totali tal-attività tagħha.

86.      Id-domanda hija purament ipotetika (u, għaldaqstant, inammissibbli), peress li dak li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex sitwazzjoni futura, iżda dik eżistenti meta VLRD ippubblikat l-avviż għal kuntratt ta’ akkwist tal-provvista ta’ vireg tal-ħadid (2013). Fil-fatt, il-proċess fil-kawża prinċipali jinvolvi biss il-kanċellazzjoni ta’ dik il-proċedura partikolari ta’ għoti, ikkontestata minn LitSpecMet.

87.      Il-mument li għandu jitqies sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-tilwima huwa dak tal-bidu, kif huwa dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli tal-Unjoni jkunu ċari u ta’ applikazzjoni prevedibbli għal dawk li jaffettwaw (42), minn liema rekwiżit jirriżulta, kif inhu l-każ fil-protezzjoni tal-interessi tal-offerenti, li korp li huwa awtorità kontraenti meta tibda proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ikompli jkun suġġett għad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi sakemm titlesta l-proċedura inkwistjoni (43).

88.      Kif diġà esponejt, dak li huwa rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk japplikawx għal VLRD id-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi huwa li dik is-sejħa tal-2013 kellha bħala suġġett prodotti ta’ terzi sabiex tkun tista’ tiġi ssodisfatta l-ordni li LG kienet għamlitilha, fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom in house.

89.      Loġikament, jekk, snin wara, jisparixxi dan il-bżonn u, jew minħabba l-avveniment imsemmi mill-qorti tar-rinviju (il-parti “essenzjali” tal-attività ta’ VLRD ma tkunx iktar ta’ servizz għal LG) (44), jew għal raġuni oħra simili, VLRD titlef l-istatus tagħha bħala entità strumentali ta’ LG, sabiex taġixxi fis-suq ħieles, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi ġodda u tingħata soluzzjoni xierqa.

90.      F’dan il-futur potenzjali, il-leġiżlazzjoni applikabbli tkun id-Direttiva 2014/24, li skont il-kriterji u r-rekwiżiti tagħha għandu jiġi ddeterminat jekk VLRD għandhiex tkun ikklassifikata, ukoll, bħala awtorità kontraenti.

VI.    Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) kif ġej:

“L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)      kumpannija li r-rabta materjali u funzjonali tagħha ma’ awtorità kontraenti tiġġustifika l-eċċezzjoni in house għall-operazzjonijiet interni tagħha, hija suġġetta għal dawk id-direttivi meta tagħmel kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi ma’ terzi sabiex tissodisfa l-ordni mogħtija lilha minn dik l-awtorità kontraenti u

b)      f’kull każ, dik il-kumpannija għandha titqies bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku meta, filwaqt li jkollha personalità ġuridika u taħt il-kontroll ta’ awtorità kontraenti, twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha sabiex tipprovdi, mingħajr pressjoni minn kwalunkwe kompetitur u kundizzjonijiet barra mis-suq, materjal fuq ir-roti lil din l-awtorità kontraenti l-oħra, b’tali mod li din tipprovdi s-servizz ta’ trasport ta’ persuni u merkanzija li tkun assenjat.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6 Vol 7 p. 19).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6 Vol 7 p. 132).


4      UAB Vilniaius lokomotyvų remonto depas (iktar ’il quddiem, “VLRD”).


5      AB Lietuvos Geležinkeliai (iktar ’il quddiem, “LG”).


6      Direttiva tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6 Vol 2 p. 194).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).


8      Kawża C‑393/06, EU:C:2008:213.


9      Kawża C‑44/96, EU:C:1998:4.


10      Kawża C‑283/00, EU:C:2000:544.


11      Sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C‑393/06, EU:C:2008:213), punt 35.


12      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale Nru 5 “Spezzino” et (C‑113/13, EU:C:2014:2440), punt 43.


13      Dan huwa enfasizzat mill-Gvern Litwan fil-punt 7, in fine, tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fejn isostni li, fil-fajls ippreżentati mill-qorti nazzjonali, ma jirriżultax ċar jekk din ikkunsidratx l-“elementi rilevanti” li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) kienet indikat, meta rreferiet il-każ lill-qorti tal-appell sabiex tieħu deċiżjoni mill-ġdid.


14      B’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, IVD (C‑526/11, EU:C:2013:543), punt 19.


15      LG tissejjaħ awtorità kontraenti fl-Anness IV (Entitajiet kontraenti fis-settur tas-servizzi bil-ferrovija) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/963/KE, tad-9 ta’ Diċembru 2008, li temenda l-Annessi għad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proċeduri tal-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi], fir-rigward tal-listi tagħhom tal-entitajiet kontraenti u l-awtoritajiet kontraenti (ĠU 2008, L 349, p. 1). L-istess Anness jinkludi, mingħajr ma jiġu identifikati b’mod nominali, “Entitajiet oħra li jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 70 (1, 2) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u tar-Repubblika tal-Litwanja (Ġurnal Uffiċjali, Nru. 84-2000, 1996; Nru. 4-102, 2006) u li joperaw fil-qasam tas-servizzi bil-ferrovija f’konformità mal-Kodiċi tat-Trasport bil-Ferrovija fir-Repubblika tal-Litwanja (Ġurnal Uffiċjali, Nru. 72-2489, 2004)”.


16      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404.)


17      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ LitSpecMet, punt 33.


18      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4), punt 24.


19      Il-lista ta’ dan it-tip ta’ ħtiġijiet, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija wiesgħa ħafna. Din tmur, pereżempju, mill-provvista tas-sħana permezz ta’ proċedura li tirrispetta l-ambjent (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Agner, C‑393/06, EU:C:2008:213, punt 39), sal-promozzjoni tal-lokalizzazzjoni tal-kumpanniji privati f’territorju partikolari (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C‑18/01, EU:C:2003:300, paragrafu 48).


20      Kawża C‑18/01 EU:C:2003:300, punt 52, li tinkludi r-referenza, b’mod partikolari, tas-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98 EU:C:2000:529), punt 17; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99 EU:C:2002:746), punt 52, u tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00 EU:C:2003:110), punt 4. Fl-istess sens, ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, EU:C:2007:786), punt 36.


21      Sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C‑393/06, EU:C:2008:213), punt 40.


22      Skont is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01 EU:C:2003:300), punt 49, “l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni li ħtieġa ta’ interess ġenerali għandha natura industrijali jew kummerċjali”.


23      Ara, għal kollha, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑283/00, EU:C:2000:544), punt 81.


24      Mill-ġdid, ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01, EU:C:2003:300), punt 59.


25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva fit-tieni inċiż tad-domanda tagħha li VLRD “b’mod awtonomu, teżerċità attività kummerċjali, tistabbilixxi l-istrateġija ta’ attività tagħha, tadotta deċiżjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-attività tagħha […] tipparteċipa fis-suq kompetittiv fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u barra mill-Unjoni Ewropea, […] u tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti marbuta ma’ din l-attività sabiex tikseb ordnijiet mingħand terzi (li ma humiex il-kumpannija omm tagħha)” (enfasi miżjuda).


26      Ara, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet tal-Gvern Litwan li semmejt fin-nota 13.


27      Fil-punt 24 tad-deskrizzjoni tal-“punti ta’ fatt u ta’ proċedura kkontestati” tad-digriet tar-rinviju huwa stabbilit li “r-relazzjonijiet interni bejn LG u VLRD ma jurux biss ir-rabtiet ekonomiċi mill-qrib […] bejn iż-żewġ kumpanniji, iżda wkoll, forsi, li VLRD ma toperax, essenzjalment, f’kundizzjonijiet ta’ suq ħieles” (enfasi miżjuda).


28      Enfasi miżjuda


29      Id-digriet tar-rinviju jirreferi wkoll għal diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom ġiet applikata l-eċċezzjoni in house: dik tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, ECLI:EU:C:1999:562), u dik tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, ECLI:EU:C:2005:5).


30      Punti 21 u 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


31      Dan huwa kkonfermat mill-informazzjoni pprovduta minn Kanapinskas, V., Plytnikas, Z., u Tvaronavičienė, A.: “In-house procurement exception: Threat for sustainable procedure of public procurement?” f’Journal of Security and Sustainability Issues [(http://dx.doi.org/10.9770/jssi.2014.4.2(4)], li għas-sena 2011 jipproduċu favur VLRD 39.2 % tal-kuntratti kollha mogħtija minn LG f’sistema in house; liema perċentwal, fis-sena 2013, żdied sa 74 %.


32      Punti 31 sa 36.


33      Id-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tagħha, li huwa ispirat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni (li, madankollu, tiddevja f’ċerti aspetti sinjifikattivi), ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.


34      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme (C‑15/13, EU:C:2014:303), punt 25, b’riferiment għall-ġurisprudenza. Iktar reċenti, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi (C‑553/15, EU:C:2016:935), punt 30.


35      Il-qorti tar-rinviju stess temmen li, permezz tal-ħolqien ta’ VLRD, ipprovat torganizza mill-ġdid l-attivitajiet ta’ LG (punt 26 tad-digriet tar-rinviju).


36      B’mod ġenerali, ara Sánchez Graells, A.: Public procurement and the competition rules, 2ª ed., Hart, Oxford, 2015, p. 265 sa 272.


37      Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò (C‑225/15 EU:C:2016:645), punti 29 sa 31 irreferiet għan-natura bi ħlas, bħala karatteristika li tiddistingwi l-kuntratti koperti mid-Direttiva 2004/18.


38      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 23.


39      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Cabotermo u Consorzio Alisei (C‑340/04,ECLI:EU:C:2006:308), dak li ġie ddikjarat fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, ECLI:EU:C:1999:562), jiġifieri, li l-entità susussidjarja għandha neċessarjament twettaq “il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha” (punt 59), filwaqt li pprovdiet li din l-attività għandha tkun “maħsuba prinċipalment għal din l-awtorità lokali, b’tali mod li l-bqija tal-attività tagħha jkollha natura sempliċiment marġinali” (punt 63, mingħajr enfasi fl-oriġinali). L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 stabbilixxa (b’mod diskutibbli) il-limiti ta’ dak “esenzjali” u dak “marġinali” għal 80 % u 20 %, rispettivament.


40      Rigward ir-riskji ta’ subkuntrattar fis-sistema in house, bħala mod biex jiġu evitati l-garanziji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ara r-rapport tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kompetizzjoni Nazzjonali Spanjola Los medios propios y las encomiendas de gestión: implicaciones de su uso desde la óptica de la promoción de la competencia, p. 30 sa 57 (https://www.cnmc.es/Portals/0/Ficheros/Promocion/Informes_y_Estudios_Sectoriales/2013/2014_MediosPropios_Inf_sectorial.PDF).


41      Sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner (C‑393/06, EU:C:2008:213), punt 57.


42      Għal kollha, ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4), punt 34.


43      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, EU:C:2000:529), punt 43.


44      Ċertament, madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta fis-seduta, 85 % tal-provvisti ta’ VLRD xorta kienu, fl-2016, indirizzati lil LG u żewġ terzi minnhom fis-sistema in house.