Language of document : ECLI:EU:C:2020:128

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2020 (1)

Kawża C897/19 PPU

I.N.,

fil-preżenza ta’:

Il-Federazzjoni Russa

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja))

“Il-Ftehim ŻEE u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Fiduċja reċiproka u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil – Regolament Dublin III u Stati Assoċjati ta’ Schengen – Talba għal estradizzjoni minn Stat terz lil Stat Membru tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadin tal-EFTA – Għoti ta’ ażil qabel akkwist ta’ nazzjonalità minn dak l-Istat tal-EFTA lil ċittadin taż-ŻEE suġġett għal talba għal estradizzjoni minħabba riskju ta’ espożizzjoni għal trattament inuman u degradanti u proċeduri kriminali inġusti f’każ ta’ refoulement lill-Istat terz rikjedenti – Arrest u detenzjoni minn Stat Membru tal-Unjoni bil-ħsieb ta’ estradizzjoni taċ-ċittadin taż-ŻEE għal prosekuzzjoni għall-istess reati kkunsidrati fi proċeduri ta’ ażil fl-Istat tal-EFTA – Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward ta’ estradizzjoni – Ftehim internazzjonali bejn l-Islanda, in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ konsenja u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Jekk l-Istat Membru mitlub huwiex obbligat li jinforma lill-Istat taż-ŻEE bit-talba għal estradizzjoni magħmula minn Stat terz – Jekk Stat Membru tal-Unjoni huwiex obbligat li jirritorna ċittadin taż-ŻEE fl-Istat ta’ oriġini tiegħu pjuttost milli jikkonforma mat-talba tal-Istat terz għal estradizzjoni – Is-sentenza Petruhhin tal-Qorti tal-Ġustizzja – Riskju ta’ impunità – L-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”






1.        I.N. huwa ċittadin tal-Federazzjoni Russa (iktar ’il quddiem ir-“Russja”), u sar ċittadin tal-Islanda fid‑19 ta’ Ġunju 2019, wara li ngħata ażil bħala refuġjat f’dan il-pajjiż fit‑8 ta’ Ġunju 2015. Fit‑30 ta’ Ġunju 2019 huwa ġie arrestat mill-awtoritajiet Kroati waqt li kien fuq btala, jaqsam il-fruntiera ta’ bejn dan l-Istat Membru u s-Slovenja bil-karozza tal-linja flimkien mal-familja tiegħu, u għadu inkarċerat sal-lum. L-arrest sar taħt avviż ta’ tfittxija internazzjonali maħruġ fl‑20 ta’ Mejju 2015 mill-Uffiċċju tal-Interpol f’Moska.

2.        Ir-Russja qiegħda titlob l-estradizzjoni ta’ I.N. mill-Kroazja fuq akkużi ta’ korruzzjoni u hija appoġġjata mill-Prosekutur Pubbliku tal-Kroazja, li jirrappreżenta r-Russja (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku”). Il-Kostituzzjoni Kroata tipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha stess, iżda mhux ta’ dawk li ma humiex ċittadini, bħal I.N., meta, bħal fil-każ tar-Russja, ma hemmx trattat ta’ estradizzjoni. Il-Prosekutur Pubbliku jargumenta li, fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri prinċipali, din is-sitwazzjoni ma hijiex prekluża bid-dritt tal-Unjoni.

3.        L-Islanda titlob il-passaġġ sigur ta’ I.N. għall-Islanda f’kuntest fejn il-proċeduri li għalihom qiegħda tintalab il-prosekuzzjoni tiegħu fir-Russja jidher li ffurmaw il-bażi għall-għoti ta’ ażil qabel I.N. akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża.

4.        B’sostenn għat-talba għal passaġġ sigur, I.N. u l-Islanda jfittxu li jistrieħu fuq id-dritt tal-Unjoni, iżda b’mod predominanti fuq id-dritt taż-ŻEE (2). Fl-istess ħin, l-Islanda tistrieħ fuq l-Artikoli 18 u 21 TFUE, li fis-sentenza Petruhhin (3) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jipprekludu diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward ta’ estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu għal pajjiżi terzi, iżda suġġett għal riżervi li huma importanti u rilevanti għall-proċeduri prinċipali.

5.        Din hija l-essenza tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Hija tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tagħti deċiżjoni dwar l-intersezzjonijiet bejn id-dritt taż-ŻEE u dak tal-Unjoni u l-konsegwenzi li jsegwu mill-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi bħall-Islanda fl-acquis ta’ Schengen bħala Stati Assoċjati ta’ Schengen (4), u b’mod partikolari l-assoċjazzjoni tal-Islanda mar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (5) (iktar ’il quddiem “Regolament Dublin III”). Il-parteċipazzjoni ta’ kemm l-Islanda (6) kif ukoll il-Kroazja fir-Regolament ta’ Dublin hija ta’ rilevanza partikolari għall-proċeduri prinċipali, bħalma hija s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (7) b’mod iktar wiesa’.

6.        Barra minn hekk, irid jiġi kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (8) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja”), u li fl-isfond hemm sensiela ta’ strumenti tal-Kunsill tal-Ewropa li jaffettwaw l-estradizzjoni (9) u l-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati (10). Kunsiderazzjoni xierqa trid tingħata wkoll għall-preklużjoni taħt id-dritt tal-Unjoni dwar estradizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, li tapplika kemm fir-rigward ta’ estradizzjoni għal pajjiżi terzi (11) kif ukoll internament fl-Unjoni fil-kuntest ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew (12) (kif rifless, rispettivament fl-Artikoli 19 u 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), u estradizzjoni fil-preżenza ta’ allegati nuqqasijiet sistematiċi fis-sistema ġudizzjarja li tkun qiegħda tirċievi, li jipperikolaw il-proċess imparzjali (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (13).

7.        B’risposta għall-ewwel domanda preliminari, ikkonkludejt li l-awtoritajiet Kroati huma marbuta, taħt il-prinċipji elaborati fis-sentenza Petruhhin, li jinformaw lill-awtoritajiet Islandiżi bit-talba għall-estradizzjoni ta’ I.N. magħmula mir-Russja, u jibqgħu marbuta li jibagħtu lill-Islanda kull materjal fil-pussess tagħhom li jista’ jgħin lill-awtoritajiet Islandiżi biex jiddeċiedu jekk jiħdux proċeduri kriminali kontra I.N. fl-Islanda u jitolbux ir-ritorn tiegħu.

8.        Barra minn hekk, minħabba l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka fil-kwalità u fil-legalità tal-liġijiet tal-Istati parteċipanti li fuqha hija bbażata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, u b’mod partikolari r-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet Kroati, inkluż il-qrati, huma preklużi milli jaġixxu b’mod inkonsistenti ma’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ ażil minn Stat Assoċjat ta’ Schengen, bħall-Islanda, fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Din l-inkonsistenza tirriżulta li kieku l-Kroazja (i) naqset milli tikkomunika lill-Islanda talba għall-estradizzjoni li tikkonċerna l-akkużi kriminali identiċi jew simili għal dawk li abbażi tagħhom l-Islanda tat l-ażil lil I.N., peress li l-Islanda għamlet id-determinazzjoni li hija kienet l-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III (14); (ii) xi waħda mill-awtoritajiet tagħha, inkluż il-qrati, iddeċidiet dwar ir-riskju li I.N. jiġi espost għal trattament inuman jew degradanti jew għal ċaħda flagranti ta’ ġustizzja fir-Russja, kif fid-data tal-proċeduri Kroati, b’mod inkonsistenti mal-għoti minn qabel ta’ ażil mill-Islanda lil I.N. fl-2015.

9.        Sabiex inwieġeb it-tieni domanda, peress li l-Islanda għadha ma għamlitx talba għall-estradizzjoni, fil-preżent ma hemm ebda obbligu fuq il-Kroazja sabiex tikkonsenja lil I.N. lill-Islanda taħt il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja (15). Huma l-qrati Kroati li għandhom jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, mandat ta’ arrest eventwalment maħruġ mill-Islanda, flimkien mal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja, joffrix protezzjoni kontra l-impunità b’mod ekwivalenti għal estradizzjoni, mingħajr ma dawn il-qrati jinħelsu mill-obbligu tagħhom li jaġixxu b’mod konsistenti mal-għotja ta’ ażil mill-Islanda fl-2015.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

10.      L‑Artikolu 18(1) TFUE jgħid:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

11.      L‑Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (16) jistipula:

“Il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kullimkien mingħajr ma jsiru kontrolli fuq persuni.”

12.      L‑Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (17) jgħid:

“L-acquis ta’ Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tas‑16 ta’ April 2003 u ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal‑25 ta’ April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta’ Schengen.”

13.      L-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 6 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (18) jistipula:

“Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Proċeduri xierqa għandhom ikunu mifthiema għal dak l-effett fi Ftehim li għandu jiġi finaliżżat ma’ dawk l-Istati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1. Dawn il-ftehim għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dan il-Protokoll.”

14.      l‑Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen (19) jistipula:

“Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa “l-Islanda” u “in-Norveġja” rispettivament għandhom ikunu assoċjati ma’ l-attivitajiet tal-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea fl-oqsma koperti mid-disposizzjonijiet imsemmija fl-Annessi A u B ta’ dan il-Ftehim u l-iżvilupp addizzjonali tagħhom.Dan il-Ftehim joħloq drittijiet u obbligi reċiproċi skond il-proċeduri stipulati fih.”

15.      L-ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(1) u (2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (20) taqra hekk:

“1. Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif imsemmija fil-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (minn hawn il-quddiem imsejjaħ ‘il-Protokoll ta’ Schengen’), anness għat-TUE u t-TFUE, u l-atti li jibnu fuqu jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kwalunkwe att ieħor bħal dan adottat qabel id-data tal-adeżjoni, għandhom jorbtu lill-Kroazja, u jkunu applikabbli fiha, mid-data tal-adeżjoni.

2.      Dawk id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu lill-Kroazja mid-data tal-adeżjoni, għandhom japplikaw biss fil-Kroazja skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan, wara verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis rilevanti jkunu ġew sodisfatti fil-Kroazja, inkluża l-applikazzjoni effettiva tar-regoli kollha ta’ Schengen f’konformità mal-istandards komuni maqbula u mal-prinċipji fundamentali” (21).

B.      Id-dritt taż-ŻEE

16.      L‑Artikolu 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (22) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) jistipula:

“Fi ħdan il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċjali fil-Ftehim, hi projbita kull diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ ċittadinanza.”

17.      L‑Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE jgħid:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni għal-libertà li wieħed jipprovdi servizzi fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti rigward ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA li huma stabbiliti fi Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA ħlief dawk tal-persuna li għaliha s-servizzi huma intenzjonati.”

C.      Id-dritt tal-Istat Membru

18.      L-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (“Narodne novine” Nru 56/90, 135/97, 113/00, 28/01, 76/10 u 5/14) jgħid:

“Ċittadin tar-Repubblika tal-Kroazja ma jistax jiġi mkeċċi bil-forza mir-Repubblika tal-Kroazja, imċaħħad miċ-ċittadinanza tiegħu jew tagħha, jew estradit għal Stat ieħor, ħlief b’implimentazzjoni ta’ deċiżjoni dwar estradizzjoni jew konsenja meħuda skont trattat internazzjonali jew skont l-acquis communautaire.”

19.      Il-punti 1, 3 u 4 tal-Artikolu 12 taż-Zakon o međunarodnoj pravnoj pomoći u kaznenim stvarima (Il-Liġi dwar Assistenza Internazzjonali Legali Reċiproka f’Materji Kriminali, “Narodne novine” 178/04; iktar ’il quddiem iż-“ZOMPO”) jistipula li talba għal estradizzjoni tista’ tiġi miċħuda jekk (1) it-talba hija dwar att li jitqies bħala reat politiku jew att konness ma’ reat bħal dan; […] (3) l-approvazzjoni tat-talba tista’ tippreġudika s-sovranità, is-sigurta, l-ordinament ġuridiku jew interessi oħra li huma essenzjali għar-Repubblika tal-Kroazja; u (4) jista’ raġonevolment jiġi preżunt li l-persuna msemmija fit-talba għall-estradizzjoni taffaċċja, jekk tiġi estradita, prosekuzzjoni jew kastig minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari, jew l-opinjoni politika tiegħu jew tagħha, jew li s-sitwazzjoni tiegħu jew tagħha tkun iżjed diffiċli minħabba wieħed minn dawn il-motivi.

20.      L-Artikolu 55 taż-ZOMPO jistipula:

“(1)      Meta l-qorti kompetenti tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet legali għal estradizzjoni ma ġewx issodisfatti, hija għandha tagħti digriet fejn tiċħad it-talba għal estradizzjoni u tibgħat dan id-digriet minnufih lill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) tar-Repubblika tal-Kroazja, li, wara li tisma’ lill-Prosekutur Pubbliku kompetenti, għandha tikkonferma, tiskarta jew temenda d-digriet.”

II.    Il-fatti fil-proċeduri prinċipali u d-domanda preliminari

21.      Kif issemma iktar ’il fuq, fl‑20 ta’ Mejju 2015, l-Uffiċċju tal-Interpol f’Moska ħareġ avviż ta’ tfittxija internazzjonali għal I.N. għal arrest minħabba proċeduri kriminali għal korruzzjoni, u b’mod iżjed speċifiku forma ta’ korruzzjoni magħrufa bħala korruzzjoni passiva (l-Artikolu 290(5) tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa). I.N. huwa ssuspettat li rċieva, fil-kapaċità tiegħu ta’ direttur tad-Diviżjoni għal Liċenzji u Ċertifikati tal-Ministeru Russu ta’ Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza fir-Repubblika ta’ Karelia, wara ftehim minn qabel ma’ uffiċjali oħra tal-Ministeru u b’abbuż tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, flus ammontanti għal 833 000 rubil Russu (RUB) (madwar EUR 11 700) minn rappreżentant ta’ impriża, u li fuq din il-bażi ħareġ liċenzji lil din il-persuna relatati mal-immuntar, għajnuna teknika u tiswija ta’ tagħmir għall-prevenzjoni tan-nar f’binjiet u siti tal-kostruzzjoni.

22.      Fit‑30 ta’ Ġunju 2019, f’punt ta’ qsim tal-fruntiera Kroata, I.N. ġie arrestat abbażi tal-avviż ta’ tfittxija internazzjonali msemmi iktar ’il fuq. Fil-fruntiera I.N. ippreżenta dokument Islandiż ta’ vvjaġġar għar-refuġjati (Nru …), validu mill-25 ta’ Frar 2019 sal‑25 ta’ Frar 2021.

23.      Fl‑1 ta’ Lulju 2019, I.N. tressaq quddiem imħallef inkwirenti fiż-Županijski sud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja). Fl‑1 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb ordnat li I.N. jinżamm f’detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni, skont l-Artikolu 47 taż-ZOMPO. I.N. għadu f’detenzjoni, wara li l-appelli tiegħu ma rnexxewx.

24.      Fl-1 ta’ Awwissu 2019, l-Amministrazzjoni għal Affarijiet Konsulari, Servizzi ta’ Visa u Ċittadini Barranin fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika tal-Kroazja bagħtet lill-Qorti tal-Kontea nota mill-Ambaxxata tal-Islanda, fejn intqal li I.N. għandu ċittadinanza Islandiża u residenza permanenti fl-Islanda. In-nota tgħid li I.N. akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża fid‑19 ta’ Ġunju 2019. Qabel akkwista din iċ-ċittadinanza, huwa kellu dokument ta’ vvjaġġar għar-refuġjati (Nru …). In-nota tgħid ukoll li l-Gvern Islandiż qiegħed jitlob li I.N. jiġi ggarantit passaġġ sigur għall-Islanda bl-inqas dewmien possibbli.

25.      Fis‑6 ta’ Awwissu 2019, il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb irċeviet talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Federazzjoni Russa għall-estradizzjoni ta’ I.N. lejn il-Federazzjoni Russa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (23). L-estradizzjoni ntalbet minħabba proċeduri kriminali għal disa’ reati ta’ korruzzjoni passiva, deskritti fl-Artikolu 290(3) tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa, u ħames reati ta’ korruzzjoni passiva, deskritti fl-Artikolu 290(5)(a) tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa. Ġew sottomessi wkoll dokumenti insostenn tat-talba għall-estradizzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, peress li ma hemm ebda ftehim dwar estradizzjoni bejn il-Kroazja u r-Russja.

26.      It-talba spjegat li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Federazzjoni Russa jiggarantixxi li l-iskop tat-talba għall-estradizzjoni ma huwiex sabiex il-persuna kkonċernata titħarrek għal raġunijiet politiċi, jew minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità jew l-opinjonijiet tiegħu, li I.N. jingħata kull opportunità li jeżerċita d-dritt tiegħu għal difiża bl-assistenza ta’ avukat, u li ma jkunx suġġett għal tortura, trattament krudili jew inuman, jew kastig li jmur kontra d-dinjità umana.

27.      Fil‑5 ta’ Settembru 2019, l-Awla tal-Qorti tal-Kontea li qiegħda tisma’ l-kawża ddeċidiet li l-kundizzjonijiet legali għall-estradizzjoni taċ-ċittadin barrani I.N. għall-iskop ta’ proċeduri kriminali, elenkati fl-Artikoli 33, 34 u 37 taż-ZOMPO, ġew issodisfatti.

28.      Fit‑30 ta’ Settembru 2019, I.N. ippreżenta appell lill-qorti tar-rinviju. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, I.N. issottometta li jeżisti riskju konkret, serju u raġonevolment prevedibbli li, jekk jiġi estradit, jiġi suġġett għal tortura u trattament inuman u degradanti. Fl-appell sostna inter alia li l-istat tiegħu bħala refuġjat ġie rrikonoxxut mill-Islanda proprju minħabba l-proċeduri kriminali speċifiċi fir-Russja, li huwa għandu dokument Islandiż ta’ vvjaġġar għar-refuġjati, u li l-Qorti tal-Kontea kienet de facto temmet il-protezzjoni internazzjonali li tatu l-Islanda. Huwa argumenta wkoll li l-Qorti tal-Kontea kienet interpretat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawza Petruhhin (24) b’mod żbaljat.

29.      Skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, talba għal estradizzjoni għandha tinċaħad fejn hemm riskju reali li, jekk il-persuna kkonċernata tiġi estradita, huwa jew hija tkun suġġettata għal tortura jew kastig jew trattament inuman. Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li dawn l-aspetti ser jiġu eżaminati fil-proċeduri tal-appell.

30.      Madanakollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji jekk, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar it-talba għall-estradizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-Islanda, li tat ċittadinanza lil I.N., għandhiex tkun informata bit-talba għall-estradizzjoni, sabiex tkun tista’, jekk tixtieq, titlob il-konsenja taċ-ċittadin tagħha sabiex twettaq proċeduri intiżi li jevitaw ir-riskju ta’ impunità.

31.      Peress li hemm dubji dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri fis‑26 ta’ Novembru 2019, u għamlet is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.      L-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jieħu deċiżjoni dwar l-estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, iżda li huwa membru taż-żona Schengen, huwa obbligat li jinforma bit-talba għal estradizzjoni lill-Istat Membru taż-żona Schengen li tiegħu din il-persuna għandha n-nazzjonalità?

2.      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti u fil-każ li l-Istat Membru taż-żona Schengen talab il-konsenja ta’ din il-persuna għall-finijiet li jwettaq il-proċeduri li għalihom l-estradizzjoni hija mitluba, din il-persuna għandha tiġi kkonsenjata lilu skont il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja?”

32.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Diċembru 2019, u ttieħdet id-deċiżjoni li tiġi ttrattata taħt il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

33.      Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja minn I.N., mill-Prosekutur Pubbliku, mir-Repubblika tal-Kroazja u mill-Kummissjoni Ewropea. I.N. u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-smigħ li sar fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2020, kif għamlu wkoll ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Irlanda, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (iktar ’il quddiem l-“ASE”).

III. Sommarju tal-osservazzjonijiet bil-miktub u dawk orali

34.      I.N. isostni li l-awtoritajiet Islandiżi sabu li hu kien xehed kontra s-superjuri tiegħu fl-amministrazzjoni pubblika quddiem l-awtoritajiet kompetenti Russi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ korruzzjoni tagħhom, iżda minħabba l-konnessjonijiet tas-superjuri tiegħu ma’ uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, tressaq hu minflok ma tressqu huma.

35.      I.N. jallega li l-prosekuzzjoni hija illegali u mhux ċara, u li l-Kroazja qiegħda tikser l‑Artikolu 6 tal-KEDB. I.N. jgħid li l-istat tiegħu bħala refuġjat għadu rilevanti, u messu ġie kkunsidrat. I.N. jispjega wkoll li huwa prekluż milli japplika għal ażil taħt il-liġi Kroata peress li diġà ngħata ażil, u li teżisti ġurisprudenza tal-2018 tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Kroazja li tobbliga lill-qrati Kroati jikkunsidraw għotjiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt Dublin III (25).

36.      Il-kunċett ta’ ugwaljanza fit‑trattament fir-rigward tal-erba’ libertajiet huwa fundamentali għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u tal-Unjoni (ara l-ħmistax‑il premessa tal-Ftehim ŻEE u l‑Artikolu 4 ŻEE), kif inhi l-interpretazzjoni uniformi tal-Ftehim ŻEE u d-dritt tal-Unjoni. L-għan huwa l-omogeneità bejn iż-żewġ sistemi (l‑Artikolu 105 ŻEE).

37.      I.N. iżid li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l‑Artikolu 18 TFUE tapplika bl-istess mod, peress li l‑Artikolu 4 ŻEE jirriproduċih fis-sustanza. Għaldaqstant, persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taż-ŻEE trid tiġi ttrattata bl-istess mod, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha (26), u l-proċeduri prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 36 ŻEE li jirriproduċi s-sustanza tal‑Artikolu 56 TFUE dwar il-moviment liberu tas-servizzi. Li kieku ċ-ċittadini taż-ŻEE ma setgħux jinvokaw protezzjoni kontra l-estradizzjoni taħt Petruhhin (27), kieku jużaw is-servizzi tal-operaturi tat-turiżmu li joffru vjaġġi mal-Ewropa ħafna inqas ta’ spiss.

38.      I.N. iżid li ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ persuni ekonomikament inattivi fiż-ŻEE li ma humiex koperti b’waħda mill-erba’ libertajiet xi kultant taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE, peress li d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (28) ġiet integrata fid-dritt taż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 158/2007 tas‑7 ta’ Diċembru 2007 li temenda l-Anness V (Moviment liberu tal-ħaddiema) u l-Anness VIII (Drittijiet ta’ stabbiliment) tal-Ftehim taż-ŻEE (29). Fis-sentenzi Gunnarsson (30) u Jabbi (31), il-Qorti tal-EFTA interpretat id-Direttiva 2004/38 b’mod wiesa’ sabiex tikkumpensa għall-assenza ta’ dispożizzjoni fid-dritt taż-ŻEE li tikkorrispondi għall‑Artikolu 21 TFUE dwar ċittadinanza.

39.      I.N. jargumenta li l-evitar ta’ impunità huwa għan leġittimu li jiġġustifika limitazzjoni tal-libertajiet fundamentali, iżda l-istess għan jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi mill-estradizzjoni (32), u I.N. jirreferi għall-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (33), li, mill-kontenut tiegħu, jikkorrispondi kważi kompletament mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (34). I.N. jindika x-xebh bejn id-definizzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew fl‑Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/584/ĠAI u dik fl‑Artikolu 2(5) tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja (35).

40.      Skont il-Prosekutur Pubbliku, peress li l-Islanda ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fid-data tal-arrest tiegħu I.N. gawda d-drittijiet naxxenti mill-Ftehim ŻEE iżda mhux dawk naxxenti mit-TFUE fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni. Id-dritt għal moviment liberu taħt iż-ŻEE huwa iżjed ristrett mid-drittijiet mogħtija bl‑Artikolu 21 TFUE u d-drittijiet ta’ moviment liberu taż-ŻEE ma jestendux għal estradizzjoni. Konsegwentement, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl‑Artikolu 4 taż-ŻEE ma japplikax għall-proċeduri prinċipali (36).

41.      Minbarra dan, ma hemm ebda prassi fil-proċeduri Kroati ta’ estradizzjoni fejn l-akkużat jintbagħat lura lejn il-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu minflok jintbagħat lill-Istat li jkun qiegħed jitlob l-estradizzjoni. Din ma hijiex miżura inqas restrittiva fis-sens ta’ Petruhhin, għaliex testendi l-perijodu ta’ detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li tkun informata l-Islanda bil-proċeduri ta’ estradizzjoni, li f’kull każ hija diġà konxja tagħhom.

42.      Waqt is-seduta, l-Irlanda talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex terġa’ tikkunsidra s-sentenza Petruhhin billi tapplika l-approċċ adottat mill-Avukat Ġenerali Bot f’dik id-deċiżjoni (37), fis-sens li dawk li ma humiex ċittadini u dawk li huma ċittadini ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ regoli li jeskludu estradizzjoni lejn pajjiżi terzi; il-prosekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ssegwi sabiex tiġi evitata l-impunità. Fir-rigward ta’ analiżi mill-ġdid tal-kunsiderazzjonijiet f’Petruhhin, l-Irlanda tirreferi b’mod partikolari għall-punti 47, 48 u 49.

43.      Fis-seduta, il-Greċja argumentat li għandhom jiġu applikati l-prinċipji tas-sentenza Petruhhin. I.N. eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu u ma jistax jiġi ddiskriminat minħabba n-nazzjonalità, għalkemm il-Greċja ma teskludix li estradizzjoni għal pajjiż terz tista’ sseħħ għal għan leġittimu, bħalma huwa l-evitar ta’ impunità. Kien importanti għall-qorti tar-rinviju li tevalwa għalfejn I.N. kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Il-Greċja rreferiet għall‑Artikoli 3, 4, 28 u 36 ŻEE (38).

44.      Waqt is-seduta, l-ASE enfasizzat li ż-ŻEE huwa ordinament ġuridiku sui generis ibbażat fuq fiduċja reċiproka u kooperazzjoni, u kkaratterizzat minn valuri fundamentali simili u komuni bejn l-Istati tal-Unjoni u tal-EFTA (39). Il-klawżola ta’ bona fides fl‑Artikolu 3 ŻEE hija ekwivalenti għall‑Artikolu 4 TUE. Is-sistema hija kkaratterizzata minn allinjament dinamiku tad-dispożizzjonijiet sostantivi, u l-Istati tal-EFTA huma f’sitwazzjoni ugwali mal-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni (l‑Artikolu 99(1)); proċess kontinwu ta’ konsultazzjoni jsegwi (l‑Artikolu 99(3)). Atti rilevanti tal-Unjoni jiġu miżjuda mal-Ftehim ŻEE, u jsiru acquis jekk ma jiġux adattati (l‑Artikolu 102 ŻEE). L-omoġeneità hija żgurata bl‑Artikoli 6 u 105 ŻEE. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-EFTA u tal-Qorti tal-Ġustizzja jsaħħu dan l-allinjament dinamiku, u d-differenzi bejn it-tnejn ma jestendux għall-pedamenti u għall-valuri tagħha.

45.      Għaldaqstant, l-ASE argumentat li l-Kroazja llimitat id-drittijiet ta’ moviment liberu ta’ I.N. u li Petruhhin tapplika bl-istess forza għaċ-ċittadini taż-ŻEE. Applikazzjoni tal‑Artikolu 4 ŻEE, flimkien mad-dispożizzjoni rilevanti taż-ŻEE dwar il-moviment liberu, tikseb l-istess riżultat.

46.      L-ASE straħet ukoll fuq id-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (40). Ċittadini tal-Unjoni u taż-ŻEE li jkunu qegħdin jiċċaqilqu liberament għandhom jiġu protetti kontra estradizzjoni lejn Stati terzi u li timplika trattament inuman u degradanti kif speċifikat fl‑Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

47.      L-ASE tiddeskrivi d-digriet Schotthöfer bħala rappreżentazzjoni ta’ prinċipju assolut, u targumenta li l-Kroazja għandha tafda l-valutazzjoni magħmula mill-Islanda fir-rigward tal-konsegwenzi tal-estradizzjoni. Għandu jkun hemm preżunzjoni li l-motivi għall-għoti ta’ ażil huma fondati (41). Dawn il-motivi ma sparixxewx permezz tal-għoti taċ-ċittadinanza Islandiża lil I.N. L-ASE tinnota li l‑Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki (42) huwa msemmi fid-dritt Islandiż. L-ASE targumenta li l‑Artikolu 21 TFUE ma jistax inaqqas drittijiet ta’ moviment liberu li huma disponibbli taħt id-dritt ŻEE, u li ma ssir ebda distinzjoni fl-acquis tal-moviment liberu dwar jekk restrizzjoni hijiex fondata fid-dritt ċivili, fid-dritt kriminali, jew fid-dritt pubbliku.

48.      Waqt is-seduta, l-Islanda elaborat dwar il-vjaġġi ta’ I.N. Huwa qabad titjira flimkien ma’ martu u ż-żewġ uliedu mill-Islanda għal Vjenna, imbagħad rikeb karozza tal-linja ddestinata għal Żagreb u għal btala ppjanata fuq il-bajjiet Kroati.

49.      L-Islanda ssostni li s-sentenza Petruhhin tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li l‑Artikolu 36 ŻEE fuq is-servizzi huwa ekwivalenti għall‑Artikolu 56 TFUE u ġie stabbilit fis-sentenza Cowan (C‑186/87) (43) li servizzi turistiċi huma servizzi, u d-Direttiva 2004/38 hija inkorporata fid-dritt ŻEE. L-Islanda straħet ukoll fuq is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża Wahl vs l-Islanda (44), u argumentat li l‑Artikolu 4 ŻEE huwa ekwivalenti għall‑Artikolu 18 TFUE.

50.      Skont l-Islanda, il-Kroazja kellha l-obbligu li tipprovdi lill-Islanda l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi jekk l-Islanda kellhiex tressaq lil I.N. u sussegwentement tikkonsenja lil I.N. skont il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja (45).

51.      L-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali mid-Direttorat Islandiż għall-Immigrazzjoni fit‑8 ta’ Ġunju 2015 saret abbażi ta’ xhieda li ġiet meqjusa bħala dettaljata, nieqsa minn kontradizzjonijiet, ċara, konsistenti, kredibbli u realistika. Kienet ibbażata wkoll fuq l-istat ġenerali tad-drittijiet umani fir-Russja f’dak iż-żmien, kif deskritt f’rapporti ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGO), nazzjonali u internazzjonali, korruzzjoni vasta fl-amministrazzjoni u l-ġudikatura u rata ta’ suċċess ta’ appelli kriminali anormalment baxxa (1 %). L-Islanda kienet konxja mill-avviż ta’ tfittxija kontra I.N. minħabba r-reat li ġie allegat li kkommetta meta ngħata protezzjoni internazzjonali. L-Islanda ma wiġbitx għat-talbiet tar-Russja sabiex jiġi llokalizzat I.N. Mis-sena 2015 ingħatat protezzjoni internazzjonali lil tnax‑il ċittadin Russu minn sebgħa u erbgħin applikazzjoni. Erbgħa minn dawn ingħataw lil I.N. u lill-familja tiegħu.

52.      L-Islanda kkontendiet ukoll waqt is-seduta li l-osservanza tal-Karta tad-Drittijiet Umani hija wkoll rikjesta fil-kuntest taż-ŻEE (46), u li I.N. kellu jiġi protett minn problemi sistematiċi fil-ġudikatura Russa (47).

53.      Wara mistoqsijiet dwar x’kienet tfisser it-talba għal “passaġġ sigur”, l-Islanda żiedet li fl‑24 ta’ Lulju 2019 l-Ambaxxata Islandiża f’Berlin irċiviet note verbale li I.N. kien ġie arrestat ix-xahar preċedenti. L-Ambaxxatur wieġeb għan-note taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari (48) li hija x-xewqa tal-Gvern li l-proċeduri jsiru b’mod spedit u li jingħata passaġġ sigur kemm jista’ jkun malajr. Il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ma kienx applikabbli f’dak iż-żmien (49).

54.      L-Islanda qalet li jista’ jkun li għandha ġurisdizzjoni sabiex tipproċessa lil I.N. taħt l-Artikolu 6 tal-Kodiċi Kriminali Islandiż, iżda din hija deċiżjoni li jrid jieħu l-prosekutur pubbliku indipendenti. I.N. ma jistax jiġi estradit mill-Islanda taħt l-Att Islandiż dwar Estradizzjoni bħala ċittadin.

55.      Waqt is-seduta, in-Norveġja argumentat li fil-Ftehim ŻEE ma hemmx dispożizzjoni li hija ekwivalenti għall‑Artikolu 21 TFUE. Id-dispożizzjonijiet pertinenti taż-ŻEE kienu l‑Artikoli 4, 28 u 36, iżda kien biss għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi jekk u liema mil-libertajiet kienu applikabbli, u ma seta’ jkun hemm ebda preżunzjoni li I.N. kien ir-riċevitur ta’ servizzi u din kellha tiddeterminaha wkoll il-Qorti Kroata. Lanqas ma tista’ tkun rilevanti d‑Direttiva 2004/38. Din ma tirregolax talbiet għal estradizzjoni. Materja kriminali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE.

56.      In-Norveġja tirrileva li l-Qorti Suprema tan-Norveġja talbet lill-Qorti tal-EFTA sabiex tħassar is-sentenza li tat fil-kawża Jabbi (50), fejn iddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 tista’ tiġi interpretata b’mod li tagħti drittijiet li huma l-istess bħal dawk mogħtija mill‑Artikolu 21 TFUE, fil-proċeduri pendenti fil-kawża Campbell (51). In-Norveġja hija tal-fehma li s-sentenza Jabbi hija inkonsistenti mal‑Artikolu 6 ŻEE, u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li drittijiet ibbażati biss fuq l‑Artikolu 21 TFUE jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni ekwivalenti.

57.      Fir-rigward tal-ewwel domanda, in-Norveġja argumentat li l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja bejn l-Islanda u n-Norveġja huwa trattat internazzjonali regolari li ma jiffurmax parti mid-dritt taż-ŻEE, u ma jistax jiġi interpretat bl-istess mod bħad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE (52). Il-kuntest u l-objettiv huma differenti anki jekk il-formulazzjoni hija simili. Is-sentenza Petruhhin enfasizzat il-kuntest u l-għan.

58.      Fis-sentenza Petruhhin ġie deċiż li trattament mhux ugwali jista’ jkun iġġustifikat minħabba prevenzjoni ta’ impunità u l-miżuri riedu jkunu adattati sabiex jilħqu dan l-għan. Li hemm bżonn hija l-identifikazzjoni ta’ mezz li huwa inqas restrittiv fuq il-moviment liberu iżda li huwa effettiv daqt l-estradizzjoni fil-prevenzjoni tal-impunità (53).

59.      Skont in-Norveġja, id-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE tippermetti li l-qorti nazzjonali tagħti din il-prijorità iżda l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ma jippermettix dan, peress li għandu objettiv u kuntest differenti, u ma hemm ebda objettiv ta’ fiduċja reċiproka ekwivalenti għad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE (54), jew l-objettiv iddikjarat fl‑Artikolu 3(2) TUE (ara s-sentenza Petruhhin). Is-sentenza Petruhhin irreferiet ukoll għall‑Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE sabiex tagħti prijorità, u ma hemm ebda dispożizzjoni simili fil-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja, li l-preambolu tiegħu jirreferi biss għal “fiduċja reċiproka”. L‑Artikolu 3 ŻEE jirrikjedi li l-Istati kontraenti taż-ŻEE jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, iżda ma għandux ir-rekwiżiti addizzjonali tal‑Artikolu 4 TUE. L‑Artikolu 19(1) tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja jirrikjedi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, b’mod partikolari dawk li jsir riferiment għalihom fl‑Artikolu 1 tal-Ftehim.

60.      Fir-rigward tat-tieni domanda, id-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti mid-dritt ŻEE (55), u l‑Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeskludi tkeċċija għal kundizzjonijiet ta’ trattament jew kastig inuman jew degradanti (56). Skont in-Norveġja, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tevalwa l-evidenza ta’ riskju reali għal espożizzjoni għal trattament inuman jew degradanti mal-estradizzjoni għar-Russja (57), u għandha tikkunsidra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Islandiżi li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat, u l-evidenza li straħu fuqha biex waslu għal dik id-deċiżjoni.

61.      Il-Kroazja tgħid li l‑Artikoli 28 u 36 taż-ŻEE jikkorrispondu għall‑Artikoli 45 u 56 TFUE (58), filwaqt li tinnota li l‑Artikolu 21 TFUE jinkludi nies li jmorru fi Stati Membri oħra għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ attività ekonomika. L‑Artikolu 21 TFUE jikkonċerna ċittadini taż-ŻEE peress li d-Direttiva 2004/38 ma hijiex limitata għal attivitajiet ekonomiċi.

62.      Peress li I.N. eżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati fis-sens tal‑Artikolu 18 TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità (59), li tikkorrispondi għall‑Artikolu 4 ŻEE.

63.      Il-Kroazja targumenta li, fid-dawl tas-sentenza Petruhhin (60), sabiex tiġi evitata l-impunità u jiġu applikati miżuri li huma l-inqas restrittivi fuq il-moviment liberu, għandhom jiġu applikati l-miżuri kollha ta’ assistenza u kooperazzjoni reċiproka eżistenti fid-dritt penali. F’dan ir-rigward, il-Kroazja tirreferi għall-portata tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen taħt l‑Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-Acquis ta’ Schengen, integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Islanda u n-Norveġja.

64.      Il-Kroazja tirreferi għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 (61). L-għan fundamentali ta’ dan il-ftehim jinsab fl-installazzjoni ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja, li jiggarantixxu l-moviment liberu ta’ persuni, għaċ-ċittadini tal-Unjoni daqskemm barranin li jsibu lilhom innifishom fit-territorju tal-Unjoni.

65.      Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tipprevedi t-tqegħid fis-seħħ ta’ provvedimenti fundamentali dwar assistenza reċiproka f’materji penali (Titolu III dwar Pulizija u Sigurtà, Kapitolu 2), li bħalissa fuqhom jistrieħ l-iżvilupp ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka f’materji kriminali. L-acquis ta’ Schengen jinkludi wkoll is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (62).

66.      Konsegwentement, il-Kroazja targumenta li skambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadina għandu jingħata prijorità, bl-intiża li dan l-Istat Membru jingħata l-possibbiltà li jressaq lil din il-persuna, sal-punt li hu kompetenti, fir-rigward ta’ atti kommessi barra mit-territorju nazzjonali; u joħroġ mandat ta’ arrest b’konformità mal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja.

67.      Finalment, il-Kroazja targumenta li l-prinċipju ta’ non-refoulement u nonespożizzjoni għal trattament inuman jew degradanti huwa l-prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati. Li kieku I.N. applika għall-ażil fil-Kroazja, dan kien jiġi rrifjutat taħt l‑Artikolu 43(1) tal-Liġi Kroata dwar Protezzjoni Internazzjonali, peress li ngħatat protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru taż-ŻEE.

68.      Il-Kroazja tirrileva li l-Islanda tapplika r-Regolament Dublin III (63) u hija involuta fil-Eurodac (64). Għaldaqstant, skont il-Kroazja, jista’ jiġi aċċettat li l-Islanda tosserva r-regoli tal-Unjoni dwar ażil u protezzjoni internazzjoni. Fl‑2014 l-Islanda kkonkludiet ftehim mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (65) dwar il-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tagħha (66).

69.      Għaldaqstant, targumenta l-Kroazja, għalkemm fil-preżent ma teżistix sistema fiż-ŻEE għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil, il-qafas ġuridiku huwa ddefinit mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, u l-kundizzjonijiet għall-ażil huma uniformi f’kull pajjiż.

70.      B’differenza għall-Kroazja, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istatus tal-Islanda bħala parti mill-Ftehim ŻEE huwa iżjed pertinenti mis-sħubija tagħha fiż-żona Schengen għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni tgħid li ċertu dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jwasslu għall-istess riżultat li nkiseb fis-sentenza Petruhhin. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien hemm ċertu biċċiet mill-istorja tal-kawża Petruhhin li kienu neqsin fil-proċeduri prinċipali, bħall-fatt li I.N. ma huwiex ċittadin tal-Unjoni, iżda dawn il-biċċiet setgħu jiġu ssostitwiti b’dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ŻEE.

71.      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l‑Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE, l-għan tiegħu hu “li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza ta’ l-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea”.

72.      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 158/2007 li tinkorpora d‑Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim ŻEE (67) li tintegra d-Direttiva 2004/38 fid-dritt ŻEE. Hija tgħid, inter alia, li l-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni ma għandux ekwivalenti fid-dritt ŻEE, u li l-Ftehim ŻEE ma jipprovdix bażi għad-drittijiet politiċi ta’ ċittadini taż-ŻEE.

73.      Madanakollu, id-drittijiet u l-libertajiet kollha tad-Direttiva 2004/38 huma integrati fid-dritt ŻEE. Bla ħsara għal kundizzjonijiet, ċittadini taż-ŻEE għandhom dritt li jiċċirkolaw fiż-ŻEE u joqogħdu fi Stat kontraenti taż-ŻEE sa tliet xhur, bla ħsara għal kundizzjonijiet, ħielsa minn diskriminazzjoni, anki jekk ma humiex ekonomikament attivi (68). Il-Kummissjoni tgħid li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni ta’ I.N. taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal‑Artikoli 28 u 36 ŻEE, u d-Direttiva 2004/38, u tindika li jista’ jkun li I.N. ħa vantaġġ mid-dritt tiegħu li jibbenefika minn servizzi bħala turist (69). Il-Kummissjoni tgħid li, fi kwalunkwe każ, I.N. jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE minħabba l-fatt li huwa telaq mill-Islanda għall-Kroazja. Għalhekk huwa intitolat għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni (l‑Artikoli 4 ŻEE u 18 TFUE).

74.      Skont il-Kummissjoni, is-sentenza fil-kawża Petruhhin kienet essenzjalment ibbażata mhux fuq kunċett astratt ta’ ċittadinanza, iżda fuq drittijiet ta’ moviment liberu u l‑Artikolu 18 TFUE. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li, fis-sentenza Pisciotti (70), il-punt tat-tluq sabiex tiskatta l-proċedura inkwistjoni fil-kawża Petruhhin kien l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni taħt l‑Artikolu 18 TFUE, li jikkorrispondi għall‑Artikolu 4 ŻEE.

75.      Il-Kummissjoni tikkontendi li huwa utli li wieħed iqabbel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża O. u B. (71) ma’ dik tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża Jabbi (72). Fil-kawża O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill‑Artikolu 21 TFUE dritt li jibqa’, idderivat għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar. Fil-kawża Jabbi, il-Qorti tal-EFTA waslet għall-istess konklużjoni billi applikat id-Direttiva 2004/38 għal ċittadini taż-ŻEE li ma humiex ekonomikament attivi, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża O. u B. irrifjutat li tapplika d-Direttiva 2004/38 b’dan il-mod.

76.      Il-Kummissjoni tinnota li l-Ftehim ŻEE jirrikonoxxi r-“relazzjoni privileġġjata bejn il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Istati [tal-EFTA]” imsejsa “fuq il-prossimità, l-valuri komuni li ilhom fis-seħħ” (73), imsejsa fuq “regoli komuni” (74), u bil-għan tal-partijiet kontraenti “li tinstab, u tinżamm, interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ dan il-Ftehim u dawk id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni Komunitarja li huma sostanzjalment riprodotti” fiż-ŻEE “u li jkun hemm trattament ugwali ta’ individwi u operaturi ekonomiċi rigward l-erba’ libertajiet” (75). L‑Artikoli 105 u 106 ŻEE jistabbilixxu interpretazzjoni uniformi (76).

77.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipji fil-kawża Petruhhin għandhom jiġu segwiti, u targumenta li l-awtoritajiet fl-Islanda għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strument li huwa ekwivalenti għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew (77), u senjatament il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Kroati għandhom l-obbligu jinformaw lill-Islanda li rċivew talba għall-estradizzjoni mir-Russja, li tippermettilha titlob ir-ritorn ta’ din il-persuna, sa fejn l-Islanda tista’ tieħu proċeduri kriminali kontra ċ-ċittadin tagħha taħt il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja. Il-Kroazja għandha tagħti prijorità lil din it-talba (78). Ladarba tirċeviha, il-Kroazja hija obbligata li tibgħat lil I.N. l-Islanda.

IV.    Analiżi

A.      Identifikazzjoni tal-punti ewlenin tal-kwistjoni f’sistema legali b’diversi strati

78.      Bħala punt tat-tluq, tajjeb li jiġi rrilevat li hemm seba’ sistemi legali li huma rilevanti għall-proċeduri prinċipali. Tliet sistemi legali nazzjonali, dawk tal-Islanda, il-Kroazja, u r-Russja, u tlieta transnazzjonali, l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u ż-Żona Ekonomika Ewropea, flimkien mal-istrumenti legali internazzjonali tas-sistema tad-dritt internazzjonali pubbliku, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève  dwar l-Istatus ta’ Refuġjati (79). Dawn is-sistemi huma sovrapposti f’sett ta’ ċrieki konċentriċi, u l-ebda waħda minnhom ma għandha eġemonija fuq l-oħra, apparti f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn xi waħda minnhom, iżda mhux ir-Russja jew l-Islanda, ittellef mis-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (80).

79.      Madanakollu, ma qamet ebda kwistjoni bħal din direttament fil-proċeduri fil-kawża prinċipali. Għalhekk, l-ordinament ġuridiku supranazzjonali, kif ikkaratterizzat mill-Unjoni, bħala ordinament kostituzzjonali addizzjonali, ma huwiex ġerarkikament iżjed għoli jew baxx mill-qorti tar-rinviju (81), jew minn xi wieħed mill-ordinamenti ġuridiċi l-oħrajn. Dawn joperaw bħala sinerġiji li jinfluwenzaw lil xulxin (82).

80.      Fil-qosor, sabiex jiġu ordnati dawn is-sistemi legali – id-diversi ordinamenti ġuridiċi li jiffurmaw il-qafas ġuridiku f’dan il-każ – kull waħda minn dawn is-sistemi hija interġerarkika iżda ma jiffurmawx entità intraġerarkika.

81.      Għalhekk, l-ewwel kompitu li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tidentifika r-regoli normattivi li bihom tista’ twieġeb għad-domandi preliminari fil-kuntest ta’ dak li ġie deskritt bħala kooperazzjoni fuq diversi livelli ta’ qrati kostituzzjonali Ewropej (83), u senjatament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u hawnhekk il-Qorti Suprema tal-Kroazja (84). Fil-fatt, fil-proċeduri prinċipali, dan it-triju sar kwartett, meta wieħed jikkunsidra l-pertinenza tar-rwol tal-Qorti tal-EFTA u l-ġurisprudenza tagħha fis-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni.

82.      Għandu jiġi nnotat li, filwaqt li ma hemm ebda dispożizzjoni espressa fit‑TFUE li tirrifletti l‑Artikolu 6 ŻEE (85), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li nnotat li wieħed mill-għanijiet prinċipali taż-ŻEE kien li jestendi s-suq intern stabbilit fl-Unjoni għal stati kontraenti tal-EFTA, li diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE huma intiżi “sabiex jiggarantixxu interpretazzjoni tiegħu l-iktar uniformi possibbli fiż-ŻEE kollha […] F’dan il-kuntest, hija l‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li r-regoli tal-Ftehim ŻEE, essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE, jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Istati Membri” (86). Dan l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ omoġeneità jirrinforza post iż-ŻEE fl-ordinament kostituzzjonali li għandu diversi livelli u li qiegħed jiġi analizzat hawnhekk (87).

83.      Il-punti prinċipali tal-kwistjoni li jridu jiġu riżolti huma s-segwenti: (1) il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt li persuna tibbenefika minn servizzi u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, protetti kemm taħt it‑TFUE (l‑Artikoli 56 u 18) (88), kif ukoll taħt iż‑ŻEE (l‑Artikoli 36 u 4); (2) ġustifikazzjoni oġġettiva għal restrizzjoni ċara ta’ dan id-dritt; (3) in-normi u l-fatti pertinenti għal ġustifikazzjoni oġġettiva fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri prinċipali, inkluż regoli mnissla mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, ir-rwol tal-fiduċja reċiproka, u l-ftehim internazzjonali li huwa l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja; (4) protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ I.N. li ma jiġix espost għal trattament inuman u degradanti jew caħda manifesta ta’ ġustizzja, li huma protetti bl‑Artikoli 6 u 13 KEDB u l-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (89).

B.      Determinazzjoni tar-regoli rilevanti

1.      Libertà li persuna tibbenefika minn servizzi

a)      L-Artikolu 36 ŻEE u lArtikolu 4 ŻEE

84.      Fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-regoli, abbażi tal-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta rigward l-attivitajiet ta’ I.N. mad-dħul tiegħu fit-territorju Kroat, u senjatament li kien fuq btala, (punt 48 iktar ’il fuq), jista’ jiġi konkluż li huwa kien riċevitur ta’ servizzi taħt l‑Artikolu 36 ŻEE dwar il-moviment liberu ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE “huwa analogu għall-Artikolu 56 TFUE” u għalhekk restrizzjoni tal‑Artikolu 56 TFUE “għandha tiġi kkunsidrata, bħala prinċipju, ukoll li tmur kontra l-Artikolu 36” (90). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l‑Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE huwa kważi identiku għall-kliem tal‑Artikolu 18 TFUE, u għalhekk dan l-Artikolu “għand[u] jiġ[i] interpretat b’mod uniformi” mal‑Artikolu 18 TFUE (91). Irid jiġi mfakkar li I.N. kien diskriminat minħabba n-nazzjonalità fir-rigward ta’ protezzjoni minn estradizzjoni waqt li kien qiegħed jibbenefika minn servizzi turistiċi.

85.      Huwa importanti li l-Qorti tal-EFTA applikat is-sentenza Cowan (92), fl-istabbiliment tad-dritt li persuna tibbenefika minn servizzi (93), u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità qamet f’dan il-kuntest. Dan huwa trasponibbli għall-proċeduri prinċipali fejn dan id-dritt irid jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost milli mill-Qorti tal-EFTA.

86.      Fil-fatt, ir-restrizzjoni tad-drittijiet ta’ I.N. li jibbenefika minn servizzi turistiċi kienet ferm iżjed severa (inkarċerazzjoni f’qorti kriminali bil-ħsieb li ssir estradizzjoni waqt btala), mir-restrizzjoni applikabbli fis-sentenza Cowan (94). Dak il-każ kien jikkonċerna esklużjoni minn parteċipazzjoni f’fond ta’ kumpens għal attakk waqt btala, iżda li seħħ wara l-btala.

87.      Addizzjonalment, kif argumentat l-ASE waqt is-seduta, il-fatt li r-restrizzjoni seħħet fil-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ dritt kriminali ma hi ta’ ebda konsegwenza (punt 47 iktar ’il fuq) peress li restrizzjonijiet ibbażati fuq id-dritt ċivili, amministrattiv jew kriminali ma jsibux bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ma’ dan inżid li kien ben stabbilit qabel daħal fis-seħħ il-Ftehim ŻEE li regoli tad-dritt kriminali jistgħu joħolqu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu (95), u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kienet diġà ġiet applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest ta’ proċeduri kriminali (96).

88.      Għall-finijiet ta’ kompletezza nżid li, għall-kuntrarju tas-sottomissjoni magħmula min-Norveġja waqt is-seduta (punt 55 iktar ’il fuq), ma hemm ebda monopolju fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ liema libertà qiegħda tiġi affettwata f’każ partikolari li jkun f’idejn il-qrati tal-Istati Membri, u hija l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-informazzjoni kollha neċessarja rigward id-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ ssolvi l-kwistjoni li jkollha quddiemha (97).

89.      Għalhekk ser nirreferi għall‑Artikoli 36 u 4 ŻEE sabiex inwieġeb id-domandi preliminari (ara punt 124 iktar ’il quddiem).

b)      L-Artikolu 21 TFUE huwa irrilevanti għall-proċeduri fil-kawża prinċipali

90.      Ladarba l‑Artikoli 36 u 4 ŻEE ġew identifikati bħala n-normi prinċipali rilevanti, id-dibattitu dwar jekk drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni taħt l‑Artikolu 21 TFUE humiex trasponibbli għaċ-ċittadini taż-ŻEE jew le jista’ jitwarrab, minkejja d-diskussjoni dwar dan fis-sottomissjonijiet (98). Kif ġie ssenjalat mill-aġent tal-ASE waqt is-seduta, l‑Artikolu 21 TFUE ma jistax jopera biex jirriduċi drittijiet ta’ moviment liberu li huma diġà disponibbli taħt il-Ftehim ŻEE (punt 47 iktar ’il fuq).

91.      Hu x’inhu l-istatus tad-drittijiet tal‑Artikolu 21 TFUE fil-liġi tal-EFTA, kwistjoni li dalwaqt ser tiġi kkunsidrata għal darba oħra (99) mill-Qorti tal-EFTA (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), dan ma għandu ebda effett fuq ir-riżultat tal-proċeduri fil-kawża prinċipali (100). Huwa biżżejjed li jingħad hawnhekk li xettiċiżmu dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja li hija bbażata eskluzivament fuq l‑Artikolu 21 TFUE, li kampjun tagħha ġie diskuss mill-Kummissjoni fil-punt 75 iktar ’il fuq, jidher li huwa fondat, peress li l‑Artikolu 21 TFUE daħal fit-Trattati fit-Trattat ta’ Lisbona tal-2007, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE fl‑1 ta’ Jannar 1994 (101).

2.      Ġustifikazzjoni oġġettiva

a)      Il-prevenzjoni tal-impunità hija ġustifikazzjoni oġġettiva għar-restrizzjoni tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi

92.      Id-dritt ta’ moviment liberu ta’ servizzi turistiċi huwa suġġett għal ġustifikazzjoni oġġettiva taħt id-dritt taż-ŻEE (102), kif inhu wkoll taħt l‑Artikolu 56 TFUE. Tista’ l-Kroazja tistrieħ fuq il-prevenzjoni tal-impunità bħala ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex tirrestrinġi d-drittijiet ta’ I.N. għal moviment liberu taħt l‑Artikolu 36 ŻEE billi tiddetenih bil-ħsieb li testradih, meta l-istess trattament ma huwiex applikabbli għal ċittadini Kroati?

93.      Huwa biss fil-każ li s-sentenza Petruhhin (103) tibda ssir pertinenti għall-proċeduri prinċipali, għalkemm jidher li kienet punt prinċipali tal-proċeduri quddiem il-qrati Kroati, u għalhekk influwenzat, forsi b’mod żbaljat, il-kontenut tal-proċess.

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Petruhhin li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuna li kkommetta reat għandu, fil-prinċipju “jitqies li huwa ta’ natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni” (104), u dan fil-prinċipju approvazzjoni tal-prinċipju ta’ prevenzjoni ta’ riskju ta’ impunità bħala ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu ġiet repetuta f’deċiżjonijiet sussegwenti fil-kawżi Pisciotti (105) u Raugevicius (106).

95.      L-importanza ta’ omoġeneità bejn id-dritt taż-ŻEE u tal-Unjoni jidher li twassal għal risposta fl-affermattiv għall-awtorità f’idejn il-Kroazja sabiex tistrieħ fuq il-prevenzjoni tar-riskju ta’ impunità għad-detenzjoni u l-estradizzjoni ta’ I.N. Peress li restrizzjonijiet ta’ moviment liberu jistgħu jkunu fondati fid-dritt kriminali, ikun illoġiku li Stat Membru jiġi prekluż milli jistrieħ fuq kunsiderazzjonijiet li huma ugwalment fondati fl-applikazzjoni tad-dritt kriminali bħala ġustifikazzjoni.

96.      Madanakollu, din hija domanda separata minn jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, l-atti tal-awtoritajiet Kroati sal-lum “jistgħux ikunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi […] neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi li jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’miżuri inqas restrittivi” (107).

b)      L-assenza ta’ fiduċja reċiproka fid-dritt ŻEE ma tillimitax l-applikazzjoni tal-proċedura Petruhhin

97.      L-ewwel nett, naqbel mal-argumenti magħmula min-Norveġja waqt is-seduta, li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, kif evolva fl-Unjoni Ewropea mit-Trattat ta’ Lisbona tal-2007, ma jsibx applikazzjoni fid-dritt ŻEE. Minkejja n-natura sui generis tas-sistema legali taż-ŻEE, u l-qrubija fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-EFTA u tal-Unjoni kif deskritt mill-ASE fil-punt 44 iktar ’il fuq, u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li rreferiet għalihom il-Kummissjoni fil-punt 76 iktar ’il fuq dwar ir-relazzjoni privileġġjata taż-ŻEE mal-Unjoni, il-fatt jibqa’ li l-fiduċja reċiproka qabel it-Trattat ta’ Lisbona kienet, f’termini relattivi, fl-infanzja tagħha (108). Kif tispeċifika n-Norveġja fil-punt 59 iktar ’il fuq, l‑Artikolu 3(2) TUE ma għandu ebda ekwivalenti fil-Ftehim ŻEE.

98.      Madanakollu, ma naqbilx man-Norveġja meta targumenta li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Petruhhin straħet fuq il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal Mandat ta’ Arrest Ewropew bħala alternattiva għall-estradizzjoni li hija inqas restrittiva għad-dritt ta’ moviment liberu, ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Mandat ta’ Arrest Ewropew huwa l-unika alternattiva aċċettabbli li fuqha jista’ jistrieħ akkużat meta Stat Membru jinvoka l-evitar ta’ impunità bħala limitu ġġustifikat għall-moviment liberu.

99.      Dan huwa msaħħaħ bis-sentenza Pisciotti, fejn, b’kuntrast ma’ Petruhhin, ma sar ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew (109) fir-rigward ta’ kooperazzjoni reċiproka (qabbel l-argumenti tan-Norveġja riprodotti iktar ’il fuq fil-punti 57 sa 59). Fil-kawża Pisciotti, l-enfasi kienet pjuttost fuq id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmu li permezz tiegħu l-akkużat jistgħu jsiru kontrih proċeduri kriminali b’mod effettiv. Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

“F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa importanti li tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità bil-għan, jekk ikun il-każ, li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. Għalhekk, meta Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat b’talba għall-estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm dan l-Istat Membru jkollu l-ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiftaħ proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 48 u 50)” (110).

100. Għaldaqstant, jien tal-fehma li l-enfasi f’din is-sentenza kienet id-disponibbiltà ta’ alternattiva li tagħti garanziji kontra l-impunità sal-istess grad jew sa grad simili bħall-estradizzjoni. Ser nikkunsidra jekk l-azzjoni li ħadet l-Islanda sal-lum tissodisfax dan il-livell minimu waqt li nwieġeb id-domandi mressqa fil-punti 119 sa 123 iktar ’il quddiem.

c)      Il-fiduċja reċiproka u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil

101. Filwaqt li nirrikonoxxi li, minħabba l-arranġament għall-adeżjoni tal-Kroazja għall-Unjoni Ewropea, il-parteċipazzjoni tagħha fl-acquis ta’ Schengen huwa biss parzjali (punt 15 iktar ’il fuq) (111), il-Kroazja tipparteċipa fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Il-Kroazja mhux biss hija parteċipant sħiħ fir-Regolament Dublin III (112) (il-konsegwenzi ta’ dan ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża A.S. (113)) u fir-Regolament Eurodac (114), hija implimentat u tapplika regolarment id-Direttiva dwar il-Kwalifiki (115), id-Direttiva dwar il-Proċeduri (116), u d-Direttiva dwar l-Akkoljenza (117). Hija għaldaqstant marbuta bl‑Artikolu 80 TFUE, li skontu l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea Komuni tal-Ażil “għandha tiġi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà”.

102. Il-parametri wesgħin li jirfdu l-parteċipazzjoni f’Dublin III, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Istati Assoċjati ta’ Schengen bħall-Islanda, ġew ikkunsidrati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi A.S. u Jafari (118). Hija għamlet dawn l-osservazzjonijiet:

“Is-SEKA kienet ikkonċepita f’kuntest fejn kien raġonevoli li wieħed jassumi li l-Istati parteċipanti kollha, kemm jekk Stati Membri kif ukoll Stati terzi, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll tal-1967 u fuq il-KEDB […] u li l-Istati Membri jistgħu għalhekk ikollhom fiduċja f’xulxin f’dak ir-rigward […] “Huwa preċiżament minħabba dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament [Dublin II] bil-għan li jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tat-talbiet għal ażil u li jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet statali li jipproċessaw talbiet multipli ppreżentati mill-istess persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil, u bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-ipproċessar tat-talba għal ażil u b’hekk li jiġi evitat ‘forum shopping’, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tat-talbiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti.” […] Dawn il-kwistjonijiet jmorru fil-qalba tal-kunċett ta’ “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” […] u, b’mod partikolari, is-SEKA, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali […]” (119).

103. Fir-rigward tal-Islanda, fl-2001, il-Komunità Ewropea, kif kienet dak iż-żmien, daħlet fi ftehim man-Norveġja u l-Islanda dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażil ppreżentata fl-Islanda jew fin-Norveġja (120). Konsegwentement, kif indikat mill-Kroazja fil-punt 68 iktar ’il fuq, l-Islanda hija parteċipant sħiħ f’Dublin III u fil-Eurodac (121), u hija involuta fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil permezz ta’ ftehim internazzjonali, filwaqt li l-ASE kkontendiet ukoll fil-punt 47 iktar ’il fuq li d-dritt Islandiż jagħmel referenza għall‑Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki.

104. Dawn il-fatturi, flimkien mal-parteċipazzjoni iżjed wiesgħa tal-Islanda fl-acquis ta’ Schengen bħala Stat Assoċjat ta’ Schengen (122), jorbtu lill-Kroazja u lill-Islanda b’obbligu ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda fl-ambitu tal-Politika Ewropea Komuni tal-Ażil u, b’mod partikolari, ir-Regolament Dublin III.

105. Irid jiġi enfasizzat li fiduċja reċiproka ma hijiex limitata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal fiduċja fir-rigward ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu ażil u l-applikazzjoni xierqa tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati (123). Din testendi għad-dritt tal-Unjoni b’mod iżjed ġenerali (124), u għalhekk jekk wieħed jassumi li r-Regolament Dublin III ġie applikat fl-Islanda b’mod korrett, jew kif argumentat l-ASE (punt 47 iktar ’il fuq), għandu jkun hemm preżunzjoni li d-determinazzjoni tal-Islanda rigward l-ażil kienet fondata, peress li qieset lilha nnifisha bħala l-istat parteċipanti responsabbli taħt Kapitolu III tar-Regolament Dublin, u fil-fatt hija ddefendiet din id-deċiżjoni waqt is-seduta (punt 51 iktar ’il fuq). Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll mal-prijoritajiet u l-imperattivi organizzattivi ta’ Dublin III, kif spjegati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha kkwotati fil-punt 102 iktar ’il fuq (razzjonalizzazzjoni tal-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil; evitar ta’ xogħol żejjed għas-sistema; żieda fiċ-ċertezza legali; evitar ta’ forum shopping).

106. Fil-fatt, sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-operat tal-fiduċja reċiproka fil-kuntest tar-Regolament Dublin III għall-għan li jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil (125). Ikun assjomatiku li kieku l-fiduċja reċiproka tista’ titnaqqas taħt Dublin III bir-riżultat li dawn jintilfu.

107. Dan ifisser li l-Kroazja hija korretta meta targumenta fil-punt 68 iktar ’il fuq li jrid jiġi aċċettat li l-Islanda tosserva r-regoli tal-Unjoni dwar l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, u li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni kollha operattivi bejn iż-żewġ Stati japplikaw fil-każ ta’ I.N (126). Fiduċja reċiproka fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija l-ġeneru ta’ fiduċja reċiproka li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tar-reazzjoni tal-Kroazja għat-talbiet tal-Islanda sal-lum kontra l-prinċipji f’Petruhhin, pjuttost milli fiduċja reċiproka fil-kuntest ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali taħt id-dritt tal-Unjoni, jew estensjoni u żvilupp tar-regoli tal-bona fides inerenti fil-Ftehim ŻEE. Skont is-sitt premessa tal-Protokoll (Nru 19) (127) fuq l-acquis Schengen, għandha tinżamm “relazzjoni speċjali” mal-Islanda u n-Norveġja.

108. Ma’ dan inżid li l-fiduċja reċiproka li l-Kroazja għandu jkollha fir-rigward tal-Islanda ma hija affetwata bl-ebda mod bil-fatt li I.N. akkwista n-nazzjonalità Islandiża. Fl-ewwel lok, id-dokumenti maħruġa mill-Islanda li taw lil I.N. l-istatus ta’ refuġjat kienu għadhom validi meta hu qasam il-fruntiera Kroata. Fit-tieni lok, I.N. kien prekluż milli jitlob ażil kemm taħt id-dritt Kroat (punti 35 u 67 iktar ’il fuq) kif ukoll taħt ir-Regolament Dublin III (128) peress li huwa kien diġà ngħata ażil fi stat parteċipanti. Fit-tielet lok, l-għoti ta’ ażil fl-Islanda baqa’ rilevanti sabiex jipproteġi lil I.N. minn aġir prekluż taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati (129), u biex tevita forum shopping, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Dublin III (130). Fir-raba’ lok, l-istatus ta’ I.N. bħala refuġjat ma ġiex irtirat permezz ta’ xi waħda mill-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan fid-dritt tal-Unjoni (131).

109. Huwa minnu li l‑Artikolu 1(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati jelenka, fis-subparagrafu 3, l-akkwist ta’ “nazzjonalità ġdida u t-tgawdija tal-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità ġdida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala wieħed mill-fatturi li jwasslu għat-tmiem ta’ status ta’ refuġjat. danakollu, fid-dawl tal-għan tal-Konvenzjoni, tmiem permezz ta’ akkwist ta’ nazzjonalità japplika biss “fejn ir-raġuni li abbażi tagħha ngħata l-istatus ta’ refuġjat ma tibqax teżisti u għalhekk ma tkunx iżjed meħtieġa jew iġġustifikata l-protezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (132). Kif jirriżulta fil-proċeduri prinċipali, il-pekuljaritajiet tal-amministrazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ifissru li l-istatus ta’ refuġjat jista’ jibqa’ “neċessarju” sabiex jiżgura protezzjoni, anki wara l-akkwist ta’ nazzjonalità ġdida. Dan huwa l-kuntest li fih irid jinqara s-subparagrafu 3 tal‑Artikolu 1(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, li jipprekludi l-interpretazzjoni letterali tagħha. Il-preambolu għall-Konvenzjoni jgħid li “in-Nazzjonijiet Uniti, f’diversi okkażjonijiet, urew it-tħassib profond tagħhom għar-refuġjati u ħadmu sabiex jiżguraw li r-refuġjati jingħataw dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali bl-aħjar mod possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (133).

110. Finalment, ma jista’ jkun hemm xejn iżjed antitetiku għad-drittijiet fundamentali ta’ I.N. mit-tneħħija tal-protezzjoni li ngħatatlu permezz tal-applikazzjoni mill-Islanda tar-Regolament Dublin III minħabba l-akkwist tan-nazzjonalità Islandiża.

d)      Normi rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ I.N.

111. Fejn jidħlu drittijiet fundamentali, l-għan ta’ I.N. huwa li jevita espożizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ trattament jew kastig inuman u degradanti, u għal process inġust. Fir-rigward ta’ dawn it-tnejn, I.N. qiegħed jiġi ttrattat b’mod differenti minn ċittadin Kroat, minħabba l-projbizzjoni taħt il-Kostituzzjoni Kroata tal-estradizzjoni ta’ ċittadini.

112. F’dan l-istadju, jaf ikun utli li jingħad li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrappreżentaw eżempju fejn iċ-ċrieki konċentriċi li jirrappreżentaw is-serje ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali inkwistjoni huma sovrapposti, peress li d-drittijiet sostantivi li jridu jiġu kkunsidrati huma protetti b’mod simili fit-tliet strumenti legali, għalkemm jistgħu jidhru li qegħdin jikkompetu; jiġifieri l-KEDB, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Ftehim ŻEE. Il-projbizzjoni ta’ trattament inuman u degradanti hija parti mill-wirt komuni kostituzzjonali Ewropew.

113. Jiena nirrikonoxxi li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem innutat li “għalkemm il-Qorti tal-EFTA esprimiet il-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ‘għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali’ sabiex tiżdied il-koerenza bejn id-dritt taż-ŻEE u d-dritt tal-Unjoni (ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża E‑28/15, Yankuba Jabbi (2016), punt 81), il-Ftehim ŻEE ma jinkludix il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe riferiment ieħor għal strumenti legali oħra li għandhom l-istess effett, bħalma hija l-Konvenzjoni” (134).

114. Madanakollu, fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, dan ma huwiex ta’ importanza, peress li l-obbligu tal-qorti tal-Istati kontraenti li jinvestigaw ir-riskju ta’ espożizzjoni għal trattament inuman u degradanti qabel l-estradizzjoni hija inkorporata fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt l‑Artikolu 3 KEDB (135). Il-pont għad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Umani jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li “l-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 3 tal-KEDB u li, sa hawnhekk, is-sens u l-portata tagħha huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtiha din il-konvenzjoni” (136). Il-livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali individwali jista’ jiġi estiż permezz ta’ kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Umani iżjed wiesa’ (pereżempju, forsi, fir-rigward tal-protezzjoni tal-proprjetà taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif riflessa fl‑Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-riferiment espress hemmhekk għall-proprjetà intellettwali), iżda ma hemmx sitwazzjoni bħal din fil-proċeduri fil-kawża prinċipali.

115. Il-pont għad-dritt ŻEE huwa ffurmat mill-fatt li l-QEDB hija sors importanti, antik u stabbilit tad-dritt ŻEE, bl-ewwel premessa tgħid li ż-ŻEE għandha tiġi “msejsa fuq il-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem”, u li din testendi sabiex torbot lill-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE bid-drittijiet fundamentali meta jidderogaw mid-dritt ŻEE (137).

116. Taħt id-dritt tal-Unjoni, kif inhu l-każ ukoll fid-dritt tal-KEDB, il-projbizzjoni ta’ estradizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ trattament inuman jew degradanti tapplika għal kulħadd, irrispettivament min-nazzjonalità. Dan huwa rifless fil-kliem “Ħadd” fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u din id-dispożizzjoni timporta fid-dritt tal-Unjoni l-prinċipji elaborati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt l‑Artikolu 3 KEDB (138). Għaldaqstant, l-assenza ta’ nazzjonalità tal-Unjoni ta’ I.N. ma hijiex rilevanti għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt sostantiv meta wieħed jikkunsidra l-wisa’ tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu.  L‑Artikolu 19(2) japplika irrispettivament kemm minn diskiminazzjoni kif ukoll min-nazzjonalità tal-Unjoni (139).

117. Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tneħħija għal proċess inġust bi ksur tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba fallimenti sistematiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum irrikonoxxiet dan biss f’kuntest intra-Ewropew, u dan biss fil-Mandat ta’ Arrest Ewropew (140). Madanakollu, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Minister for Justice and Equality (141) il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprojbixxi lill-Istati kontraenti milli jkeċċu persuna meta din il-persuna tinsab f’riskju reali li tkun suġġetta għal ċaħda flagranti tal-ġustizzja, bi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB (142). Jien għalhekk tal-fehma li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jestendi ugwalment għas-sitwazzjoni fejn persuna, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha (143), tiġi esposta għal tali ċaħda tal ġustizzja fi stat terz, sakemm is-sitwazzjoni tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan minħabba l‑Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li d-drittijiet tal-Karta li jikkorrispondu għal dawk tal-KEDB għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, li tagħti lill-Unjoni diskrezzjoni li tagħti livell ta’ protezzjoni iżjed għoli. Fi kliem ieħor, jekk l-Artikolu 6 KEDB jipprekludi tkeċċija meta persuna jkollha riskju flagranti ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, hekk għandu jagħmel ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta.

118. Is-sitwazzjoni ta’ I.N. taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali permezz ta’ żewġ rotot. L-ewwel nett, kemm taħt id-dritt ŻEE kif ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni dwar drittijiet fundamentali, derogi mill-moviment liberu huma suġġetti għal konformità mad-drittijiet fundamentali (144). It-tieni nett, premess li l-qorti tar-rinviju hija obbligata li tikkonforma mal-fiduċja reċiproka taħt ir-Regolament Dublin II, id-dispożizzjonijiet pertinenti kollha ta’ Dublin III, bħall‑Artikolu 3(1) u l-projbizzjoni (impliċita) tiegħu ta’ applikazzjonijiet multipli għall-ażil, għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (145).

V.      Fatti rilevanti u r-risposti għad-domandi preliminari

119. Jiena weġibt għad-domandi mqajma fis-sens deskritt f’punti 7 sa 9 iktar ’il fuq abbażi tal-prinċipji legali stabbiliti fil-Parti IV u tal-fatti importanti li jsegwu.

120. Il-kliem użat fit-tieni domanda jissuġġerixxi li l-Islanda talbet għar-ritorn ta’ I.N. “għall-finijiet li [t]wettaq il-proċeduri li għalihom l-estradizzjoni hija mitluba”. Madanakollu, ir-risposti għall-mistoqsijiet li saru lill-Islanda waqt is-seduta ċċaraw li l-komunikazzjoni maħruġa mill-Ambaxxata tal-Islanda f’Berlin fl‑24 ta’ Lulju 2019 ma kienx fiha talba speċifika bħal din (punt 53 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-aġent għall-Islanda qal waqt is-seduta li l-Kroazja kienet marbuta li tforni lill-Islanda bid-dokumenti fil-pussess tagħha sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti lill-prosekutur indipendenti fl-Islanda, li mbagħad jikkunsidra l-prosekuzzjoni ta’ I.N. fl-Islanda (punt 50 iktar ’il fuq). Iżda ma hemm xejn fil-proċess li jiddikjara preċiżament meta u jekk fil-fatt l-Islanda għamlitx din it-talba lill-Kroazja.

121. Lanqas ma ssemma jekk it-tilwima bejn il-Kroazja u l-Islanda ġietx irriferuta lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġu stabbiliti l-Istati responsabbli li jeżaminaw talba għal estradizzjoni mressqa fi Stat Membru jew fl-Islanda jew in-Norveġja (146).

122. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ikun prematur li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni domanda fl-affermattiv u tobbliga lill-Kroazja sabiex tieħu miżuri attivi sabiex tirrilaxxa lil I.N. abbażi tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja (147). Jekk l-Islanda toħroġ mandat ta’ arrest (148), ikun jispetta lil qorti Kroata, abbażi tal-evidenza kollha rilevanti, li tivvaluta jekk dak propost mill-Islanda jikkostitwixxix garanzija għall-evitar ta’ impunità li hija ekwivalenti għall-estradizzjoni; il-pedament tal-ġurisprudenza Petruhhin (ara l-punti 99 u 100 iktar ’il fuq). Dan premess, jiena ser nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja billi ngħid li, mad-daqqa ta’ għajn, jidher li garanzija bħal din ġiet ipprovduta u, għall-kuntrarju tal-argumenti tan-Norveġja (punti 57 sa 59 iktar ’il fuq) ma hijiex ridotta minħabba n-nuqqas ta’ referenza espressa għal fiduċja reċiproka, peress li r-rigorożità tal-arranġament stabbilit bil-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja hija ben stabbilita permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra (149).

123. Fl-istess ħin, ir-risposta tiegħi għat-tieni domanda bl-ebda mod ma tippermetti lill-qrati Kroati jaġixxu b’mod konsistenti mad-deċiżjoni ta’ ażil tal-Islanda tal‑11 ta’ Ġunju 2015 fir-rigward ta’ I.N. (għalkemm kwalunkwe evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet fir-Russja magħmula minn qrati Kroati hija magħmula b’riferiment għal ċirkustanzi kurrenti, pjuttost milli għal dawk prevalenti fl-2015) minħabba l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka li japplika bejn l-Islanda u l-Kroazja naxxenti mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u b’mod iktar partikolari r-Regolament Dublin III (150).

VI.    Konklużjoni

124. Għaldaqstant qiegħed nipproponi li d-domandi mressqa mill-Qorti Suprema tal-Kroazja għandhom jiġu mwieġba bil-mod segwenti:

“1.      Fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 4 u 36 ŻEE għandhom jiġu interpretati li jfissru li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jieħu deċiżjoni rigward l-estradizzjoni għal pajjiż terz ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda li huwa ċittadin ta’ Stat Assoċjat ta’ Schengen, huwa obbligat li jinforma lil dan l-Istat Assoċjat ta’ Schengen bit-talba għall-estradizzjoni. L-Istat Membru huwa wkoll marbut li jibgħat lil dan l-Istat Assoċjat ta’ Schengen kwalunkwe elementi fil-pussess tiegħu li jistgħu jgħinu lill-Istat Assoċjat ta’ Schengen fid-deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ikkonċernat għandux jitressaq u jintalab li jiġi rritornat lejn l-Istat Assoċjat ta’ Schengen. Barra minn hekk, minħabba l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka fis-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil, inkluż fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, inkluż il-qrati, huma preklużi milli jaġixxu b’mod li ma jkunx konsistenti mal-għoti ta’ ażil mogħti mill-Istat Assoċjat ta’ Schengen qabel l-akkwist ta’ ċittadinanza ta’ dak l-Istat Assoċjat ta’ Schengen. Dan japplika meta jiġi evalwat ir-riskju li ċ-ċittadin tal-Istat Assoċjat ta’ Schengen jiġi espost għal trattament inuman u degradanti u ċaħda flagranti ta’ ġustizzja, hekk kif ikun fid-data tal-proċeduri tal-Istati Membri, jekk jiġi estradit lejn Stat terz.

2.      F’ċirkustanzi fejn l-Istat Assoċjat ta’ Schengen ikun għadu ma talabx l-estradizzjoni, l-Istat Membru ma huwiex obbligat li jikkonsenja b’mod attiv iċ-ċittadin tal-Istat Assoċjat ta’ Schengen skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja. Jekk issir talba għall-estradizzjoni, ikun jispetta lill-qrati tal-Istat Membru sabiex jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, it-talba għall-estradizzjoni toffrix garanziji kontra l-impunità li huma ekwivalenti għal estradizzjoni għall-pajjiż terz, filwaqt li jibqgħu obbligati li jaġixxu b’mod konsistenti mal-għoti minn qabel ta’ ażil mill-Istat Assoċjat ta’ Schengen.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      L-Artikolu 216(2) TFUE jipprevedi li ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Ara pereżempju s-sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5).


3      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).


4      Ara l-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen”).


5      ĠU 2013, L 180 p. 31, li jħassar l-Artikolu 48, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 (iktar ’il quddiem “Dublin II”).


6      Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 78).


7      Ir-regoli primarji leġiżlattivi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil huma s-segwenti: l-Artikoli 67, 78 u 80 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; ir-Regolament Dublin III; ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) (ĠU 2013, L 180, p. 1); id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifiki”) (ĠU 2011, L 337, p. 9); id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”) (ĠU 2013, L 180, p. 60); id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Akkoljenza”) (ĠU 2013, L 180, p. 96); ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (ĠU 2010, L 132, p. 11); id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU 2001, L 212, p. 12).


8      ĠU 2006, L 292, p. 2. Dan il-ftehim huwa inkorporat fid-dritt tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2014 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (ĠU 2014, L 343, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja”).


9      Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (ETS Nru 024). Il-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 030) li daħlet fis-seħħ fit‑12 ta’ Ġunju 1962. Ir-Russja rratifikat dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, u t-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 182) daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Russja fl‑1 ta’ Jannar 2020. Taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, hemm ukoll Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Ssentenzjati (ETS Nru 112).


10      Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (flimkien u iktar ’il quddiem magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Genève”).


11      Digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner  (C‑473/15, EU:C:2017:633, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara pereżempju s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018,  Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589).


13      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


14      Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


15      Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


16      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, “Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen”.


17      (ĠU 2012, C 326, p. 1).


18      Ibid.


19      Nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.


20      Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ammissjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għall-Unjoni Ewropea, u l-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika anness magħha (ĠU 2012, L 112, p. 6).


21      L-Anness II jibda bil-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985”).


22      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3.


23      Nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


24      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2019 (C‑182/15, EU:C:2016:630).


25      Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


26      I.N. jirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 10).


27      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).


28      Li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


29      ĠU 2008, L 124, p. 20.


30      Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑24 ta’ Novembru 2014, L-Islanda vs Gunnarsson, Każ E‑27/13, EFTA Ct. Rep.


31      Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑26 ta’ Lulju 2016, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, Każ E‑28/15, EFTA Ct. Rep.


32      I.N. jirreferi għas-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016,  Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898).


33      Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


34      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE”.


35      Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


36      Fir-rigward tad-drittijiet ta’ moviment liberu tal‑Artikolu 21 TFUE u derogi, il-Prosekutur Pubbliku jirreferi għas-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291); tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630); u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:218:898).


37      C‑182/15, EU:C:2016:330.


38      Il-Greċja rreferiet ukoll għal deċiżjonijiet oħra bħas-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑522/04, EU:C:2007:405).


39      F’dan ir-rigward, l-ASE straħet fuq l-ewwel żewġ premessi tal-Ftehim ŻEE.


40      C‑473/15, EU:C:2017:633.


41      Hawnhekk, l-ASE tirreferi għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembu 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 83).


42      Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


43      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, C‑186/87, EU:C:1989:47.


44      Sentenza tat‑22 ta’ Lulju 2013, E‑15/12, EFTA Ct. Rep.


45      Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


46      L-Islanda straħet fuq is-sentenza tas26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).


47      Kif prekluż mill‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


48      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 596, p. 261.


49      Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq. Il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2019.


50      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2016, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, E‑28/15, EFTA Ct. Rep.


51      Campbell vs Il-Gvern Norveġiż, E‑4/19 (pendenti).


52      Nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq. In-Norveġja argumentat li l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja kien pjuttost regolat mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (1969), ĠTNU, Vol. 1155, p. 331.


53      In-Norveġja rreferiet għall-punti 37 u 40 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).


54      Nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq.


55      In-Norveġja rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016,  Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund, E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 123.


56      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 62).


57      Ibid. punti 58 u 62.


58      Il-Kroazja tirreferi għas-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall  (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 35 u 70).


59      Il-Kroazja tirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punti 17 sa 19).


60      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).


61      Nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.


62      Din tikkonsisti fi tliet regolamenti. Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU 2018, L 312, p. 1); Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU 2018, L 312, p. 14); Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU 2018, L 312, p. 56).


63      Nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


64      Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


65      Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


66      Il-Kroazja tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/194/UE tal-11 ta’ Frar 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil  (ĠU 2014, L 106, p. 2).


67      Nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq.


68      Il-Kummissjoni tirreferi għall‑Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2004/38, u punti 78 u 79 tas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑22 ta’ Lulju 2013, Wahl, E‑15/12, EFTA Ct. Rep.


69      Hawnhekk il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punti 14 sa 17), u tal‑25 ta’ April 2012, Granville, E‑13/11, EFTA Ct. Rep., punt 37.


70      Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222).


71      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014 (C‑456/12, EU:C:2014:135).


72      Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑26 ta’ Lulju 2016, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, E‑28/15, EFTA Ct. Rep., punti 66 sa 77. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑24 ta’ Novembru 2014, l-Islanda vs Gunnarsson, E‑27/13, punti 79 sa 82.


73      It-tieni premessa għall-Ftehim ŻEE.


74      Ir-raba’ premessa.


75      Il-ħmistax‑il premessa.


76      Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż E‑28/15, EFTA Ct. Rep., punti 68 u 70.


77      Nota ta’ qiegħ il-paġna numru 34 iktar ’il fuq.


78      Hawnhekk il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 49), u tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222).


79      Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.


80      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, b’mod partikolari l-punti 58 u 59). Ara iktar reċenti s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 21).


81      Pernice, I., “Multilevel Constitutionalism and the Crisis of Democracy in Europe”, European Constitutional Law Review, 2015, Vol. 11, p. 541, p. 544 u 545.


82      Ara Lenaerts, K., “The European Court of Human Rights and the Court of Justice of the European Union: Creating Synergies in the Field of Fundamental Rights Protection”, Il Diritto dell’Unione Europea, l-ewwel edizzjoni, 2018, p. 9,  u d-diskors dwar l-istess tema fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Sofija fit‑23 ta’ Marzu 2018.


83      Voßkuhle, A., “Multilevel Cooperation of the European Constitutional Court: Der Europäische Verfassungsgerichtsverbund”, European Constitutional Law Review, 2010, Vol. 6, p. 175.


84      Dwar il-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri f’dan il-mudell, ara Popelier, P., Mazmanyan, A. u Vandenbruwaene, W., (edituri), The Role of Constitutional Courts in Multilevel Governance, Intersentia, 2013.


85      L-ewwel verżjoni tal-Ftehim ŻEE kellu dispożizzjoni bħal din (l‑Artikolu 104(1)). Madanakollu, fl-Opinjoni mogħtija taħt it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 228(1) tat-Trattat - Abbozz ta’ Ftehim bejn il-Komunità, minn naħa, u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, min-naħa l-oħra, dwar il-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea (Opinjoni 1/91, EU:C:1991:490) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat din id-dispożizzjoni bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Ara Baudenbacher, C., “The EFTA Court: Structure and Tasks”, The Handbook of EEA Law Springer, 2016, p. 179, p. 188.


86      Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003,  Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 29). Ara iżjed riċenti pereżempju s-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 95); tad‑19 ta’ Lulju 2012, A (C‑48/11, EU:C:2012:485, punt 22); u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Quddiem il-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T‑115/94, EU:T:1997:3).


87      L-assenza ta’ ġerarkija bejn l-isferi sovrapposti hija pprovata minn kummentarji fis-sens li l-Qorti tal-EFTA tagħti iktar importanza lid-dritt tas-smigħ xieraq taħt l‑Artikolu 6 KEDB mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, Baudenbacher, B., “The EFTA Court and the Court of Justice of the European Union: Coming in Parts But Winning Minds”, f’The Court of Justice and the Construction of Europe: Analyses and Perspectives on Sixty Years of Case-law, T.M.C. Asser Press, 2013, p. 183, p. 198, li jirreferi għall-kummentarju blog minn de la Serr, E.B. tas-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810), u s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chlakor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815).


88      L‑Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipproteġi wkoll id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni.


89      Regoli Ewropej oħra li huma pertinenti huma l-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 030) li daħlet fis-seħħ fit‑12 ta’ Ġunju 1962. Il-Federazzjoni Russa rratifikat dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, u t-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 182) daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Russja fl‑1 ta’ Jannar 2020. Taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, hemm ukoll Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Ssentenzjati (ETS Nru 112).


90      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 66). Ara wkoll pereżempju s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, EU:C:2009:618, punt 48): “Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, li huma essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 49 KE” (issa l-Artikolu 56 TFEU), il-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tal‑Artikolu 49 TFUE, inkluż ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni, “jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għal dan l-Artikolu”.


91      Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 72 moqri flimkien ma’ punt 123). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għas-sentenzi tal‑1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, (C‑286/02, EU:C:2004:212, punt 34 u 35), u tal‑10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑265/06, EU:C:2008:210, punt 30).


92      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989 (186/87, EU:C:1989:47).


93      Sentenza tal‑Qorti tal-EFTA tal‑25 ta’ April 2002, Granville, E‑13/11, EFTA Ct. Rep., punt 37.


94      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989 (186/87, EU:C:1989:47).


95      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).


96      Pereżempju s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Kirk (63/83, EU:C:1984:255).


97      Ara, pereżempju, reċentement, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego (C‑566/17, EU:C:2019:390, punt 44).


98      Ara l-punti 38, 40, 55, 56, 61 u 75 iktar ’il fuq.


99      Ara inizjalment is-sentenza tal-Qorti tal‑EFTA tas-26 ta’ Lulju 2016, Każ E‑28/15, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, EFTA Ct. Rep. I.N. ma qajjimx oġġezzjoni speċifika bbażata fuq id-Direttiva 2004/38, bħal pereżempju ksur tad-dritt tad-dħul taħt l‑Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, kif ikkunsidrat fis-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑22 ta’ Lulju 2013, Wahl, E‑15/12, EFTA Ct Reports. Għaldaqstant, mhux sejjer nikkunsidra d-Direttiva 2004/38 iktar fid-dettall, u ser nosserva biss li, bħala miżura tad-dritt sekondarju, trid tiġi interpretata f’konformità mal-miżura primarja li hi l‑Artikolu 36 ŻEE. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-23 ta’ Jannar 2012,, STX Norway Offshore AS et vs Ir-Renju tan-Norveġja, E‑2/11, EFTA Ct. Rep., punt 34.


100      Id-dibattitu kurrenti dwar jekk iċ-ċittadinanza tistax tiġi mifruda min-nazzjonalità ta’ Stat Membru tista’ wkoll titqiegħed fil-ġenb. Ara, pereżempju, Nic Shuibhine, N., “The Territory of the Union in EU citizenship Law: Charting a Route from Parallel to Integrated Narratives”, 2019, Yearbook of European Law 1.


101      Hawnhekk għandi f’moħħi d-distinzjoni fid-dritt taż-ŻEE bejn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija qabel id-data tal-Ftehim ŻEE, li japplikaw għad-dispożizzjonijiet ŻEE li huma “identici fis-sustanza ghar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea” (l‑Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE), u sentenzi tal-Qorti li ngħataw wara d-data tal-iffirmar tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Qorti tal-EFTA huma obbligati biss li “jagħtu importanza xierqa lill-prinċipji stabbiliti bid-deċiżjonijiet rilevanti” tal-Qorti tal-Ġustizzja [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1994, L 344, p. 3)).


102      Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund, E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 121.


103      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).


104      Ibid., punt 37.


105      Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 47).


106      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018 (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 32). Il-Qorti wissiet ukoll kontra r-riskju ta’ impunità waqt l-elaborazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha dwar restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew u r-riskju ta’ espożizzjoni għal trattament jew kastig inuman jew degradanti. Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 85 u 86).


107      Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


108      Għal spjegazzjoni ara Brouwer, E., “Mutual Trust and the Dublin Regulation: the Protection of Fundamental Rights in the EU and the Burden of Proof”, Utrecht Law Review (2013), Vol. 9, p. 135.


109      Dan japplika ugwalment għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898), li kienet dwar talba minn stat terz għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tinvolvi ċ-ċaħda ta’ libertà kontra ċittadin tal-Unjoni li kien eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu.


110      Enfasi tiegħi. Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 51.


111      Dan jista’ jinbidel dalwaqt. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen min-naħa tal-Kroazja, (COM(2019) 497 final).


112      Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


113      Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585).


114      Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


115      Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


116      Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


117      https://www.asylumineurope.org/reports/country/croatia/annex-i-transposition-ceas-national-legislation


118      C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443.


119      Enfasi tiegħi. Punt 123 tal-konklużjonijiet. L-Avukat Ġenerali rreferiet għall-premessi 2, 3, 19 u 39 tar-Regolament Dublin III, u s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865); tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367); u tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813). It-test ikkwotat internament huwa mis-sentenza f’Abdullahi, punt 53.


120      Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 258/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76). Ara wkoll l-Artikolu 1 tal-ftehim imsemmi fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 6.


121      Noti ta’ qiegħ il-paġna 6 u 7 iktar ’il fuq, rispettivament.


122      Dan huwa preskritt, prinċipalment, bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq, u jinkludi, pereżempju, il-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985, nota ta’ qiegħ il-paġna numru 21 iktar ’il fuq u suġġett għal eċċezzjonijiet, il-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990, bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Olanda, li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985, nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar 'il fuq; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 574/1999 tat-12 ta’ Marzu 1999 li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 121) (issa r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa) (ĠU 2018, L 303, p. 39); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 13).


123      Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Ara, b’mod ġenerali, Lawunmi, D., “The Dublin Regulation and the Charter: an impetus for change” f’Peers, S., et. al. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: a Commentary, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, 2020 (għad irid jiġi ppubblikat).


124      Ara pereżempju s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019,  Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 81).


125      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), u l-interazzjoni mas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il-Belġju u Il-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609. Ara reċentement is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218).


126      Jidher li l-Kroazja hija korretta meta tiddikjara li hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali fil-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq, għall-inqas parzjalment. Ara l-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq. L-Islanda hija marbuta bil-Kapitolu II dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali fl-istess konvenzjoni minħabba l-Parti I, Anness A, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.


127      Nota ta’qiegħ il-paġna 17.


128      Taħt l‑Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni għal ażil “għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed”.


129      Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Minħabba l-premessa 3 ta’ Dublin III, din il-Konvenzjoni hija sors għall-interpretazzjoni ta’ Dublin III.


130      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi A.S. u Jafari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102 iktar ’il fuq.


131      Ara d-Direttiva dwar il-Proċeduri, nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


132      Kapferer, S. “Cancellation of Refugee Status”, Legal and Protection Policy Research Series, UNHCR PPLA/2003/02, Marzu 2003,  p. 36‑37.


133      Enfasi tiegħi. Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 78 u 81) dwar l-istatus tal-Konvenzjoni ta’ Genève fid-dritt tal-Unjoni. Fil-punt 108, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-liġi sekondarja tal-Unjoni ma għandhiex tiġi interpretata sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri “sabiex jevitaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, hekk kif jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève, billi jillimitaw id-drittijiet” ġejjin minn dik il-Konvenzjoni.


134      Qorti EDB, 5 ta’ Novembru 2019, Konkurrenten. NO A.S. vs In-Norveġja, (CE:ECHR:2019:1105DEC004734115, punt 43).


135      Ara pereżempju, Qorti EDB, 19 ta’ Novembru 2019, TK u SR vs Ir-Russja, (ECLI:CE:ECHR:2019:1119JUD002849215, punti 78 u 91 sa 96.


136      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


137      Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund, E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 123.


138      Ara l-ispjegazzjoni għall‑Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


139      Digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633). Hawnhekk id-dispożittiv jirreferi għaċ-ċittadinanza, iżda l-paragrafi li jistabbilixxu l-prinċipji legali li jirriżultaw mill-Artikolu 19(2) tal-Karta ma jagħmlux dan. Ara b’mod partikolari l-punti 22, 24 u 26. Il-punt 24 jirreferi għal “persuna” iktar milli għal ċittadin. Dwar refoulement u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 95).


140      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


141      C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517, punt 66.


142      Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 258).


143      Ninnota li la l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fl‑Artikolu 4 ŻEE u fl‑Artikolu 18 TFUE ma hija limitata, rispettivament għal ċittadini taż-ŻEE jew ċittadini tal-Unjoni, u lanqas ma huwa limitat f’dawn it-termini t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kwalunkwe diskriminazzjoni hija prekluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti rispettivi tagħhom.


144      Ara, rispettivament, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund; E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 123, u s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


145      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 78). Peress li I.N. ma huwiex ċittadin tal-Unjoni u d-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE, nota ta’ qiegħ il-paġna 34, iktar 'il fuq, ma hijiex applikabbli hawnhekk, il-bażi ta’ applikazzjoni tal-Karta fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), ma tistax tapplika fil-kawża prinċipali.


146      Nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E  (C‑240/17, EU:C:2018:8). L-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq, u tal-Kumitat Imħallat li jistabbilixxi jistgħu wkoll ikunu rilevanti.


147      Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


148      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 55). Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rat bħala sinjifikattiv il-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru qatt ma ħarġu Mandat ta’ Arrest Ewropew.


149      Pereżempju. l-ewwel, it-tielet, it-tmien premessa, l‑Artikolu 1 u r-raġunijiet limitati għan-noneżekuzzjoni fl‑Artikolu 4, flimkien ma’ similarità mal-Mandat ta’ Arrest Ewropew. Ara l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja, nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


150      Nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.