Language of document : ECLI:EU:C:2019:98

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C395/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji – Deċiżjoni 91/482/KEE – Deċiżjoni 2001/822/KE – Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea – Importazzjonijiet ta’ trab tal-ħalib u ross minn Curaçao u ta’ xgħir u barli mitħun oħxon minn Aruba – Ċertifikati EUR.1 maħruġa b’mod żbaljat mill-awtoritajiet doganali ta’ pajjiż jew territorju extra-Ewropew (PTEE) – Dazji doganali mhux miġbura mill-Istati Membri ta’ importazzjoni – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru li miegħu PTEE jkollu relazzjoni speċjali – Kumpens għal telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li jkun sar fi Stat Membru ieħor”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob li jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit mill-Artikolu 5 KE fiż-żmien rilevanti. Hija ssostni li dan huwa minħabba li huwa kien naqas milli jikkumpensa għat-telf ta’ riżorsi proprji li kien imisshom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Dan it-telf seħħ bħala riżultat tal-fatt li nħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR.1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet dwar il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) (2) mill-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao u ta’ Aruba, żewġ PTEE tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa responsabbli skont id-dritt tal-Unjoni għat-telf ta’ riżorsi proprji kkawżat minn dawk il-PTEE. Hija ssostni li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali jitlob li Stat Membru jiżgura li dazji doganali mhux miġbura (inklużi l-interessi akkumulati) jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni minn dak l-Istat Membru.

2.        Il-bażijiet tal-argument imressaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża huma identiċi għat-talba magħmula mill-Kummissjoni f’kawża parallela, il-Kawża C‑391/17, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, konklużjonijiet li ser nippreżenta b’mod parallel ma’ din il-kawża. Tista’ l-Kummissjoni, permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, titlob li jiġi kkonstatat li Stat Membru jkun kiser id-dmir ta’ kooperazzjoni leali minħabba li ma jkunx ikkumpensa għat-telf għall-baġit tal-Unjoni, sabiex b’hekk hija tkun b’mod effettiv qiegħda titlob għal dikjarazzjoni ta’ illegalità u għal stima tad-danni li jkollhom jitħallsu fl-istess waqt? Jekk huwa hekk, liema elementi għandhom jiġu stabbiliti sabiex it-talba tirnexxi?

3.        Din il-kawża hija differenti mill-kawża kontra r-Renju Unit f’dak li għandu x’jaqsam mal-allegat ksur individwali: l-allegazzjonijiet ta’ ksur attribwiti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mhux biss huma fattwalment differenti, iżda huma wkoll relatati ma’ dispożizzjonijiet differenti tad-Deċiżjonijiet PTEE inkwistjoni. Id-differenza ewlenija hija li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex jikkontesta d-dikjarazzjoni li l-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao u Aruba fil-fatt ħarġu ċertifikati EUR.1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE. Madankollu huwa jikkontesta li huwa jista’ jinżamm finanzjarjament responsabbli għal dawk in-nuqqasijiet skont id-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-sistema tar-riżorsi proprji applikabbli fiż-żmien rilevanti huma identiċi għal dawk riprodotti fil-punti 4 sa 10 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit.

5.        Għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjonijiet PTEE, kienu japplikaw strumenti leġiżlattivi differenti għall-importazzjonijiet minn Curaçao u minn Aruba.

6.        Id-Deċiżjoni PTEE tal-1991 kienet tapplika għall-fatti relatati ma’ importazzjonijiet minn Curaçao fil-perijodu mill-1997 sal-2000.

7.        Skont l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991, “prodotti li joriġinaw mill-PTEE għandhom jiġu importati fil-Komunità ħielsa minn dazji doganali u minn ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti”.

8.        L-Artikolu 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, jgħid li “għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni kummerċjali tad-Deċiżjoni, prodott għandu jitqies li joriġina mill-PTEE, mill-Komunità jew mill-Istati AKP jekk ikun inkiseb għalkollox jew ikun inħadem jew ipproċessat suffiċjentement hemmhekk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        Is-subparagrafi rilevanti tal-Artikolu 12(1), (2), (6) u (8) tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991 jgħidu dan li ġej:

“1.      Prova tal-istatus ta’ oriġini ta’ prodotti, skont it-tifsira ta’ dan l-Anness, għandha tingħata b’ċertifikat ta’ moviment EUR.1, li mudell tiegħu jidher fl-Anness 4 ta’ dan l-Anness.

2.      Ċertifikat ta’ moviment EUR.1 jista’ jinħareġ biss meta jkun jista’ jservi bħala l-prova dokumentarja meħtieġa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni.

[…]

6.      Iċ-ċertifikat ta’ moviment EUR.1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż jew tat-territorju ta’ esportazzjoni, jekk il-prodotti jkunu jistgħu jitqiesu bħala ‘prodotti li joriġinaw’ skont it-tifsira ta’ dan l-Anness.

[…]

8.      Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur li jiżguraw li l-formoli msemmija fil-paragrafu 1 ikunu ntlew kif imiss. B’mod partikolari, huma għandhom jivverifikaw jekk l-ispazju rriżervat għad-deskrizzjoni tal-prodotti jkunx intela b’mod li tkun eskluża kull possibbiltà ta’ żidiet frawdolenti. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      Għall-kuntrarju, id-Deċiżjoni PTEE tal-2001 kienet tapplika għall-importazzjoni ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u għal “smida tar-ross” minn Aruba fil-perijodu mill-2002 sal-2003.

11.      L-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001 jgħid dan li ġej:

“1.      Prodotti li joriġinaw mill-PTEE għandhom jiġu mportati fil-Komunità ħielsa mid-dazju ta’ mportazzjoni.

2.      Il-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu ma’ dan huma preskritti fl-Anness III.”

12.      Skont l-Artikolu 2 tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u tal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva:

“1.      Għall-għan ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ koperazzjoni ta’ kummerċ tad-Deċiżjoni, il-prodotti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fil-PTEE:

(a)      prodotti miksuba għall-kollox fil-PTEE fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan l-Anness;

(b)      prodotti miksuba fil-PTEE li jinkorporaw materjali li ma ġewx miksuba għal kollox hemmhekk, basta iżda li dawn il-materjali jkunu għaddew minn xogħlijiet jew proċessar biżżejjed fil-PTEE fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4 ta’ dan l-Anness.

2.      Għall-għan ta’ l-implimentazzjoni ta’ paragrafu 1, it-territorji tal-PTEE għandhom jitqiesu bħala territorju wieħed.

[…]”

13.      L-Artikolu 15 tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001 jipprovdi:

“1.      Ċertifikat ta’ moviment EUR.1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet tad-dwana tal-PTEE esportatur fuq applikazzjoni li tkun saret bil-miktub mill-esportatur jew, fuq ir-responsabbilta ta’ l-esportatur, mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

[…]

4.      Ċertifikat ta’ moviment EUR.1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet tad-dwana tal-PTEE esporatatur jekk il-prodotti konċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mill-PTEE, mill-Komunità jew mill-AKP u li jwettqu l-ħtiġijiet l-oħra ta’ dan l-Anness.

[…]”

B.      Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

14.      Skont l-Artikolu 51 tal-iStatuut voor het Koninkrijk der Nederlanden (il-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi):

“1.      Jekk xi organu f’Aruba, Curaçao jew St Maarten ma jwettaqx dmirijietu jew ma jwettaqhomx b’mod adegwat kif mitlub minn din il-Karta, minn strument internazzjonali, minn Att tar-Renju jew minn ordni tal-Kunsill tar-Renju, il-miżuri li jkollhom jittieħdu jistgħu jiġu ddeterminati b’Att tar-Renju, li jkun jistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat.

2.      Din il-materja għandha tkun irregolata għall-Pajjiżi l-Baxxi, jekk ikun meħtieġ, fil-Kostituzzjoni tar-Renju.”

15.      L-Artikolu 52 tal-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa fformulat kif ġej: “Bil-kunsens tar-Re, ordinanza tal-pajjiż tista’ tagħti lir-Re bħala kap tar-Renju u lill-Gvernatur bħala organu tar-Renju, setgħat fir-rigward tal-affarijiet tal-Pajjiż”.

III. Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

A.      Il-fatti

1.      Ċertifikati EUR.1 maħruġa f’Curaçao

16.      Curaçao huwa wieħed mill-“Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi” elenkati fl-Anness II tat-Trattat KE, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Raba’ Parti ta’ dak it-Trattat. Id-Deċiżjoni PTEE tal-1991 kienet tapplika wkoll għal dak it-territorju fiż-żmien rilevanti.

17.      F’Settembru 2000, skont l-Artikolu 26(6) tal-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991 u bil-kooperazzjoni ta’ awtoritajiet doganali mill-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Ġermanja, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq missjoni f’Curaçao. Ir-riżultat wera li matul il-perijodu mill-1997 sal-1999 l-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao kienu ħarġu mija u disa’ ċertifikati EUR.1 għal trab tal-ħalib u ross, minkejja li l-prodotti inkwistjoni ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiksbu l-istatus ta’ oriġini preferenzjali. Kemm ir-rapport tal-missjoni OLAF ippubblikat fl-24 ta’ Ottubru 2000 u t-taqsima dwar “oriġini” tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali sabu li f’Curaçao trab tal-ħalib li kien joriġina mill-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi terzi kien jitħallat ma’ ross li kien joriġina mis-Surinam jew mill-Gujana. Skont ir-rapport, l-attivitajiet ta’ “taħlit” f’Curaçao ma kinux jagħtu lill-prodott aħħari l-istatus ta’ “prodott li joriġina” sabiex jibbenefika mir-regoli ta’ oriġini.

18.      Jingħad ukoll mill-Kummissjoni li minħabba li l-prodotti inkwistjoni kienu ġew importati sussegwentement fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja mingħajr ma kienu japplikaw għalihom dazji doganali, l-awtoritajiet ta’ dawk iż-żewġ Stati Membri ntalbu jipproċedu għall-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali li ma kinux inġabru minħabba t-trattament preferenzjali mogħti b’mod inkorrett.

19.      F’Lulju 2005, il-Pajjiżi l-Baxxi għamlu disponibbli s-somma ta’ EUR 778 510.54, li kienet tikkorrispondi għas-somma li ma setgħetx tiġi rkuprata minħabba l-fatt li t-talbiet kienu preskritti, flimkien mal-interessi. Il-Kummissjoni tqis li l-Pajjiżi l-Baxxi kienu wettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ dawk l-ammonti.

20.      Skont dokumenti miksuba permezz tal-investigazzjoni tal-OLAF, il-Kummissjoni kkalkolat li d-dazji doganali mhux miġbura relatati ma’ importazzjonijiet fil-Ġermanja bejn l-20 ta’ Frar 1997 u t-22 ta’ Frar 2000 kienu jammontaw għal EUR 18 192 641.95. L-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu jistabbilixxu biss ammont żgħir ta’ dik is-somma (EUR 4 838 383) u qalu li l-ammont li kien baqa’ kien preskritt.

21.      Fid-19 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fil-Każ REC 04/07. Dik id-deċiżjoni ngħatat fuq it-talba magħmula mill-Ġermanja fl-14 ta’ Novembru 2007 fejn il-Kummissjoni ntalbet tiddeċiedi dwar każ speċifiku. Il-każ kien dwar l-importazzjoni ta’ prodott li jikkonsisti f’taħlita ta’ trab tal-ħalib u ross minn Curaçao magħmul minn kumpannija Ġermaniża bejn Jannar 1999 u April 2000. Fl-20 ta’ Diċembru 2006, fid-dawl ta’ dak li kien sab l-OLAF fl-2000 u wara għadd ta’ appelli, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-kumpannija li hija kellha tħallas dazji doganali. Il-kumpannija talbet għal eżenzjoni minn dawn id-dazji skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali (3). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tgħid, fid-dawl tar-rapport tal-OLAF, li l-awtoritajiet doganali tal-Antilli Olandiżi kienu jafu jew messhom kienu jafu li l-prodott ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għal trattament preferenzjali. Peress li l-iżball twettaq mill-awtoritajiet doganali u ma setax raġonevolment isir magħruf minn operatur li jkun qiegħed jaġixxi f’bona fide, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dħul a posteriori ta’ dazji ta’ importazzjoni fil-kontijiet ma kienx iġġustifikat f’dan il-każ. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni awtorizzat id-dispensa mid-dħul a posteriori ta’ dazji fil-kontijiet f’każijiet li kienu jinvolvu kwistjonijiet komparabbli ta’ fatt u ta’ liġi.

22.      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni qalet li hija żammet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi responsabbli għall-iżball magħmul mill-awtoritajiet doganali f’Curaçao. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-Pajjiżi l-Baxxi jikkumpensaw lill-baġit tal-Unjoni għal dan it-telf ta’ riżorsi proprji, fl-ammont ta’ EUR 18 192 641.95, li kellu jitħallas sa mhux iktar tard mill-20 ta’ Marzu 2012 sabiex jiġi evitat li jakkumulaw l-interessi moratorji (abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000).

23.      Wara żewġ ittri mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2012 u tal-21 ta’ Jannar 2013 sabiex tfakkru b’dan, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi weġibha fl-14 ta’ Ġunju 2013, fejn ma qabilx mal-pożizzjoni legali tagħha u ċaħad kull responsabbiltà finanzjarja.

2.      Ċertifikati EUR.1 maħruġa f’Aruba

24.      Aruba hija wkoll wieħed mill-PTEE tar-Renju tal-Pajjiżi Baxxi elenkati fl-Anness II tat-Trattat KE li għalih tapplika r-Raba’ Parti ta’ dak it-Trattat. Fiż-żmien rilevanti, id-Deċiżjoni PTEE tal-2001 kienet tapplika wkoll għal dak it-territorju.

25.      Fil-perijodu bejn l-4 ta’ Awwissu 2002 u t-18 ta’ Ġunju 2003, ġew sottomessi 1 929 dikjarazzjoni ta’ importazzjoni flimkien ma’ ċertifikati EUR.1 għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ prodotti ddikjarati bħala kunsinni ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u smida tar-ross li joriġinaw minn Aruba.

26.      Wara li investiga, l-OLAF għarraf lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, fit-23 ta’ Diċembru 2004, li l-awtoritajiet ta’ Aruba kienu ħarġu ċertifikati ta’ oriġini EUR.1 għal prodotti li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikklassifikaw bħala prodotti ta’ oriġini preferenzjali. Dan kien minħabba li l-attivitajiet ta’ pproċessar ma kinux suffiċjenti sabiex jingħata oriġini minn Aruba lill-prodotti inkwistjoni.

27.      Fl-1 ta’ Awwissu 2005, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu ordni fejn talbu lill-importatur iħallas is-somma ta’ EUR 298 080. L-importatur ikkontesta din l-ordni quddiem il-qrati nazzjonali. Ir-Rechtbank Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Harlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li anki għalkemm il-prodotti ma kinux kisbu oriġini minn Aruba, it-talba tal-importatur, abbażi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, kellha tintlaqa’. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunikaw din is-sentenza lill-Kummissjoni fl-2010 fil-kuntest tal-Artikolu 870(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4).

28.      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni żammet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi responsabbli finanzjarjament għall-iżbalji magħmula mill-awtoritajiet doganali ta’ Aruba. Hija talbet li dan l-Istat Membru jagħmel disponibbli l-ammont korrispondenti ta’ EUR 298 080 mhux iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2012.

29.      Wara żewġ ittri mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Ottubru 2012 u tad-9 ta’ April 2013 sabiex tfakkru b’dan, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb fl-14 ta’ Ġunju 2013. Huwa ma qabilx mal-pożizzjoni legali tal-Kummissjoni u ċaħad kull responsabbiltà finanzjarja.

B.      Il-proċedura prekontenzjuża

30.      Fid-dawl tal-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx issodisfa l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, il-Kummissjoni ħarġet ittra ta’ intimazzjoni fil-21 ta’ Novembru 2013.

31.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb fl-20 ta’ Frar 2014. Fit-tweġiba huwa ma kkontestax il-fatti tal-każ. Madankollu, huwa ċaħad kull responsabbiltà finanzjarja għall-konsegwenzi tal-iżbalji amministrattivi magħmula mill-awtoritajiet doganali f’Aruba u f’Curaçao.

32.      Fis-17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata tagħha lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn hija sostniet il-pożizzjoni li hija kienet indikat fl-ittra ta’ intimazzjoni. Il-perijodu ta’ żmien partikolari sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma’ dik l-opinjoni motivata ntemm fis-17 ta’ Diċembru 2014. Talba mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex dan il-perijodu jiġi estiż sa Jannar 2015 ma ntlaqgħetx mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2014.

33.      Fl-ittra tad-19 ta’ Novembru 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għall-opinjoni motivata billi ċaħad kull responsabbiltà finanzjarja.

34.      Minħabba li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma qegħedx is-somma ta’ EUR 18 490 721.95, flimkien mal-interessi, għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ din il-kawża.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

35.      Permezz tar-rikors tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 (li wara sar l-Artikolu 10) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (issa l-Artikolu 4(3) TUE) billi ma kkumpensax għat-telf ta’ ammonti ta’ riżorsi proprji li kellhom jiġu kkonstatati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-[Regolament (KEE, Euratom) Nru 1552/89] (5) […] kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ moviment EUR.1 bi ksur tal-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482 u tal-Artikolu 12(6) tal-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni għall-importazzjoni ta’ trab tal-ħalib u ross minn Curaçao fil-perijodu mill-1997 sal-2000, tal-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822 u tal-Artikolu 15(4) tal-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni rispettivament, għall-importazzjoni ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u smida [tar-ross] minn Aruba fil-perijodu mill-2002 sal-2003;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

36.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Jannar 2018, ir-Renju Unit ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

38.      Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fit-2 ta’ Ottubru 2018, li fiha ħa sehem ukoll ir-Renju Unit.

V.      Analiżi

39.      Qabel ma ngħaddi għall-mertu tal-kawża, għandha l-ewwel tiġi indirizzata talba għal inammissibbiltà magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

40.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata azzjoni għandhom ikunu indikati b’mod koerenti u li jinftiehem fir-rikors stess. Ir-rikors għandu jippermetti lill-Istat Membru u lill-Qorti tal-Ġustizzja jifhmu l-portata tal-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod preċiż. Għandu jippermetti lill-Istat Membru jippreżenta difiża effettiva u lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk kienx hemm ksur tal-obbligi inkwistjoni (6).

41.      F’din il-kawża r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Dan l-Istat Membru jenfasizza, b’mod partikolari, li r-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex koerenti. Dan minħabba li f’xi punti tar-rikors tagħha l-Kummissjoni donnha targumenta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa direttament responsabbli, skont id-dritt tal-Unjoni, għall-atti tal-awtoritajiet tal-PTEE, daqslikieku kienu l-awtoritajiet tiegħu stess, filwaqt li f’punti oħra l-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma adottax “miżuri xierqa” sabiex jiġi evitat il-ħruġ ta’ ċertifikati EUR.1 ħżiena mill-awtoritajiet doganali ta’ Aruba u ta’ Curaçao.

42.      Naqbel li l-Kummissjoni ma hijiex ċara dwar din il-kwistjoni. Madankollu, kif naraha jiena, dan in-nuqqas huwa sempliċiment dgħjufija fir-raġunament tal-Kummissjoni fuq il-mertu tal-kawża, marbut mad-diffikultà sabiex jiġi artikolat b’mod preċiż liema obbligu legali speċifiku r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi allegatament kiser meta ma kkumpensax il-baġit tal-Unjoni.

43.      Madankollu, m’iniex konvint li dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni legali huwa biżżejjed sabiex jagħmel ir-rikors inkomprensibbli u, għalhekk, inammissibbli. Jidhirli li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien kapaċi jifhem in-natura u l-portata tal-allegat nuqqas. Insib li huwa eżerċita b’mod effettiv id-drittijiet ta’ difiża tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet. Is-suġġett tal-kawża ġie identifikat f’dettall suffiċjenti, sabiex b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx qed tiddeċiedi ultra petita. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

A.      In-natura preċiża tat-talba

44.      Il-Kummissjoni qiegħda titlob sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 KE. Hija tallega li dan huwa minħabba li huwa ma kkumpensax għat-telf ta’ ammont ta’ riżorsi proprji, li kellhom jiġu kkonstatati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1552/89. Hija tissottometti li dan kien ikun il-każ li kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ moviment EUR.1 bi ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet miksura huma (a) l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991 u l-Artikolu 12(6) tal-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni għall-importazzjoni ta’ trab tal-ħalib u ross minn Curaçao fil-perijodu mill-1997 sal-2000, u (b) l-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001 u l-Artikolu 15(4) tal-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni għall-importazzjoni ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u smida tar-ross minn Aruba fil-perijodu mill-2002 sal-2003.

45.      Fil-punti 33 sa 46 tal-konklużjonijiet paralleli tiegħi fil-Kawżi Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, jiena ddeskrivejt fil-qosor l-isfidi li toħloq tali struttura “mtarġa” jew ta’ “pupa Russa” tat-talba magħmula mill-Kummissjoni. Madankollu, wara li ddeskrivejt it-talba magħmula mill-Kummissjoni f’dawk il-konklużjonijiet, jiena għamilt is-suġġeriment li, fid-dawl tan-natura tagħha, it-talba hija fil-fatt sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ għoti ta’ kumpens għal telf/dannu kkawżat lir-riżorsi proprji tal-Unjoni minħabba l-allegata illegalità, attribwibbli lil Stat Membru. Id-differenza ewlenija tinsab fis-suġġett tal-kawża, li ma huwiex biss dwar il-konstatazzjoni astratta relatata ma’ nuqqas kontinwu ta’ Stat Membru li josserva d-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll, fil-fatt, mat-talba li tiġi ddikjarata l-illegalità u li jiġi kkwantifikat id-dannu fir-rigward ta’ ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni fil-passat.

46.      Fil-punti 48 sa 64 tal-istess konklużjonijiet, jiena għamilt is-suġġeriment li ma nara xejn fil-kliem, fl-iskop u fl-istruttura tat-Trattati li għandhom ma jħallux, bħala prinċipju, lill-Kummissjoni tiftaħ kawża bħal din quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Madankollu, jiena wkoll għamilt is-suġġeriment li jekk il-Kummissjoni qiegħda titlob għall-ħlas ta’ ammonti speċifiċi u eżatti għal telf allegatament ikkawżat minn Stat Membru bi ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tistabbilixxi kemm dik l-illegalità, kif ukoll it-telf inkwistjoni skont l-istandards u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal responsabbiltà ta’ Stat (punti 65 sa 73). Hija ma tistax “tittrasponi” is-sistema speċifika ta’ riżorsi proprji lil Stat Membru ieħor li għalih dak l-istandard b’mod ċar ma japplikax (punti 74 sa 84).

47.      Dawn l-elementi kollha huma ugwalment applikabbli fil-kuntest ta’ din il-kawża, ċertament għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni f’Curaçao. Hemmhekk ukoll l-allegat telf ta’ riżorsi proprji seħħ fi Stat Membru ieħor (B). Is-sitwazzjoni f’Aruba hija kemmxejn differenti. Peress li l-Kummissjoni ssottomettiet li dan il-każ kien ksur komuni allegatament imwettaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward taż-żewġ PTEE, ser niddiskuti ż-żewġ sitwazzjonijiet flimkien. Madankollu, bħala nota ta’ għeluq għal din it-taqsima, nixtieq nisħaq dwar ir-rilevanza tal-fatt li fir-rigward tal-importazzjonijiet minn Aruba, it-telf ta’ riżorsi proprji seħħ direttament fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi (C).

B.      Applikazzjoni għal din il-kawża

48.      Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Dan peress li ma kkumpensax għat-telf ta’ ammont ta’ riżorsi proprji, li kellu jiġi kkonstatat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni, skont ir-Regolament Nru 1552/89 u r-Regolament Nru 1150/2000, li kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ moviment EUR.1 bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjonijiet PTEE għall-importazzjonijiet ta’ trab tal-ħalib u ross minn Curaçao mill-1997 sal-2000, u ta’ xgħir u barli mitħun oħxon u smida tar-ross minn Aruba mill-2002 sal-2003.

49.      Sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jingħata kumpens għal telf, kif sostniet il-Kummissjoni, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi aċċertat jekk jeżistix tali obbligu ta’ kumpens: x’obbligu legali eżatt ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi suppost kiser meta ma kkumpensax il-baġit tal-Unjoni? Wara dan, sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà tal-Istat għal telf hekk ikkawżat lill-Unjoni Ewropea, dak il-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, u għandu jkun hemm rabta kawżali bejn il-ksur suffiċjentement serju u l-ħsara allegata li tkun seħħet, li għaliha jkun intalab kumpens.

1.      Illegalità (li tammonta għal ksur suffiċjentement serju)

50.      Skont id-Deċiżjonijiet PTEE (Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991 u l-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001), prodotti li joriġinaw mill-PTEE għandhom jiġu importati fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkunu suġġetti għal dazji doganali u ħlasijiet li jkollhom effett ekwivalenti. Il-kwalità ta’ prodotti li joriġinaw għandha titniżżel f’ċertifikati EUR.1 kif deskritt fl-Anness II tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991 u fl-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001.

51.      Matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxa li l-awtoritajiet doganali kemm ta’ Curaçao kif ukoll ta’ Aruba ma kinux osservaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar iċ-ċertifikati EUR.1. Kienu ħarġu ċertifikati għal prodotti li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Għalhekk, ma huwiex ikkontestat li l-awtoritajiet ta’ Curacao u Aruba għamlu żbalji meta ħarġu ċertifikati EUR.1 li kienu kuntrarji għad-Deċiżjonijiet PTEE applikabbli.

52.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lanqas ma kkontesta s-somom mitluba mill-Kummissjoni (EUR 18 490 721.95 li jikkorrispondi għal EUR 18 192 641.95 għaċ-ċertifikati maħruġa f’Curaçao, u għal EUR 298 080 għaċ-ċertifikati maħruġa f’Aruba) bħala li jirrappreżentaw il-valur totali ta’ dazji doganali li kienu jinġabru li kieku l-prodotti importati ma ngħatawx status preferenzjali.

53.      Għalhekk, “il-ksur oriġinali”, f’din il-kawża, għad-differenza tal-Kawża C‑391/17, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (7), ma huwiex ikkontestat. Tabilħaqq jiena naf bil-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissuġġerixxi li “hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi allegat jeżistix jew le, anki jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkontestax in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi” (8). Madankollu tali dikjarazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata raġonevolment bħala li tapplika għall-iskop u għall-portata tal-obbligi legali li jkunu qed jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u dan għandu jiġi interpretat u eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod indipendenti. Tali dikjarazzjoni hija diffiċilment applikabbli għal fatti li ma humiex ikkontestati.

54.      Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża, għaldaqstant, hija li wieħed jifhem minn fejn joriġina l-obbligu legali għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ kumpens għall-baġit tal-Unjoni f’tali sitwazzjoni (a), u jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jistax jitqies li jammonta għal ksur suffiċjentement serju (b).

a)      L-obbligu prinċipali, li l-ksur tiegħu għandu jiġi stabbilit

55.      Il-Kummissjoni ma tgħidx li l-ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE għandu jiġi attribwit direttament lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Kif indikat fl-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (9), minkejja xi konfużjoni dwar din il-kwistjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat, meta ntalbet tiċċara dan fis-seduta, li ma kienx l-għan tar-rikors tagħha li jiġi ddeterminat lil min huwa imputabbli l-ksur tad-Deċiżjonijiet PTEE.

56.      Għar-raġunijiet li tajt fil-punti 91 sa 97 fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, nammetti li teżisti effettivament, f’kull każ, responsabbiltà ġenerali ta’ Stat Membru li jkollu relazzjoni speċjali mal-PTEE inkwistjoni li jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jevita u jsegwi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jirriżulta mill-imġiba (aġir jew nuqqas ta’ aġir) fil-kuntest tas-sistema ta’ assoċjazzjoni. Madankollu, kif ġie spjegat ukoll f’dawk il-konklużjonijiet, minn din id-dikjarazzjoni ġenerali, ikun għad baqa’ ħafna xi jsir b’mod ta’ argumentazzjoni aktarx twila qabel ma wieħed ikun jista’ (jekk huwa possibbli wara kollox) jasal għar-riżultat li dak l-Istat Membru jkun ukoll awtomatikament responsabbli finanzjarjament għal kull somma stabbilita mill-Kummissjoni li kellha tiġi kkonstatata u titqiegħed għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fi Stat Membru ieħor. Dan, imbagħad, ikun ifisser awtomatikament ukoll li, permezz tal-proċedura tal-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni tkun tista’ titlob ħlas għal kull ksur allegat tad-Deċiżjonijiet PTEE minn Stati Membri li jkollhom relazzjoni speċjali ma’ PTEE, irrispettivament min-natura ta’ dak il-ksur u/jew il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim previsti fis-sistemi ta’ assoċjazzjoni rispettivi? Id-dritt tal-Unjoni, sussegwentement, jimponi essenzjalment l-introduzzjoni sħiħa mill-ġdid ta’ amministrazzjoni diretta mill-Istat Membru li miegħu dak il-PTEE ikollu “relazzjoni speċjali”?

57.      Bħall-approċċ propost fil-Kawża C‑391/17, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tindirizza din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża b’xi mod iddettaljat ħafna. Anki jekk jiġi aċċettat, skont is-sistema ġenerali ta’ responsabbiltà tal-Istat għal telf ikkawżat lill-Unjoni, li l-illegalità imputata tkun tikkonsisti f’li ma kinux ittieħdu salvagwardji u kontrolli suffiċjenti sabiex jevitaw il-ħruġ ta’ ċertifikati illegali mill-awtoritajiet tal-PTEE (10), jiena sempliċement ma nistax nara, skont il-fatti u l-kuntest ta’ din il-kawża, kif tali ksur jista’ jiġi kklassifikat bħala li huwa suffiċjentement serju.

b)      Ksur suffiċjentement serju?

58.      Għad-differenza tal-istandard oġġettiv użat fl-evalwazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors tradizzjonali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-istandard li għandu jiġi ssodisfatt meta jiġi evalwat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li x’aktarx ikun wassal sabiex it-telf ta’ riżorsi proprji jiġi kkumpensat minn Stat Membru huwa ogħla. Mhux kull illegalità tagħti lok b’mod awtomatiku għal responsabbiltà. Għandu jkun hemm ksur suffiċjentement serju sabiex ikun hemm l-obbligu li jingħata kumpens għal dannu kkawżat minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

59.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami sabiex jiġi aċċertat jekk ikunx seħħ ksur suffiċjentement serju huwa “dipendenti fuq id-diskrezzjoni”. Meta l-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni, ksur suffiċjentement serju jfisser li jkun seħħ nuqqas ta’ osservanza manifest u serju minn Stat Membru tal-limiti ta’ dik id-diskrezzjoni (11).

60.      Barra minn hekk, fatturi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tan-natura “suffiċjentement serja” ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni jinkludu “iċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni mħollija minn dik ir-regola lill-awtoritajiet nazzjonali jew [tal-Unjoni], in-natura intenzjonali jew involontarja tal-ksur imwettaq u tal-ħsara kkawżata, jekk żball ta’ liġi eventwali kienx skużabbli jew mhux skużabbli, il-fatt li l-pożizzjoni meħuda minn istituzzjoni [tal-Unjoni] setgħet ikkontribwixxiet għall-ommissjoni, u l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali kuntrarji għad-dritt [tal-Unjoni] (12).

61.      Hemm tliet elementi li huma ta’ rilevanza partikolari f’dan ir-rigward f’din il-kawża. L-ewwel element huwa l-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta jiġi sabiex jiddeċiedi dwar il-miżuri xierqa sabiex ikun konformi mal-“obbligu prinċipali” fid-dawl tal-prinċipju ta’ osservanza tal-arranġamenti kostituzzjonali u tal-identità kostituzzjonali tiegħu. It-tieni element huwa t-tqassim tal-kompetenzi u l-qafas istituzzjonali tad-Deċiżjonijiet PTEE, li tafda direttament lil awtoritajiet tal-PTEE b’responsabbiltajiet li jaġixxu b’applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet PTEE. It-tielet element, li aktarx huwa wieħed partikolarment importanti, huwa n-natura mhux ċara tas-sistema ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru li jkollu relazzjoni speċjali ma’ PTEE fil-qafas tad-Deċiżjonijiet PTEE dwar żbalji amministrattivi mwettqa mill-awtoritajiet tal-PTEE.

62.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni, mingħajr ma semmiet speċifikament il-miżuri li, fil-fehma tagħha, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien imissu ħa, għamlet riferiment għall-Artikoli 51 u 52 tal-Karta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (13). Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb li jekk dan l-Istat Membru jinżamm responsabbli għall-atti tal-awtoritajiet doganali ta’ Aruba u ta’ Curaçao dan ikun qed jikser l-Artikolu 4(2) TUE (14).

63.      Id-Deċiżjonijiet PTEE tabilħaqq jirrikonoxxu espressament il-ħtieġa tal-osservanza tal-qafas kostituzzjonali tar-relazzjoni bejn il-PTEE u l-Istati Membri li magħhom ikollhom relazzjoni speċjali. Il-mekkaniżmu ta’ sħubija speċifiku inkorporat fi ħdan is-sistema tad-Deċiżjonijiet PTEE għandu l-għan li jiġi osservat it-tqassim kostituzzjonali tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet bejn il-PTEE u l-Istati Membri, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 12 u mill-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni PTEE tal-1991, u riflessi wkoll fl-Artikoli 234 sa 236 ta’ dik id-deċiżjoni, kif ukoll mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001. Dawn id-dispożizzjonijiet juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li, minn naħa, ikun hemm bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-assoċjazzjoni mal-PTEE u, minn-naħa l-oħra, l-osservanza tal-arranġamenti kostituzzjonali partikolari u sikwit x’aktarx kumplessi tal-Istati Membri u tal-PTEE tagħhom (li hija l-qofol tar-Raba’ Parti tat-Trattat KE, iddedikata għal sistema ta’ assoċjazzjoni mal-PTEE).

64.      It-tieni nett, kif il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi semma fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, id-Deċiżjonijiet PTEE jipprovdu għal kompetenzi espliċiti għall-awtoritajiet tal-PTEE li huma differenti minn dawk tal-Istati Membri, b’mod partikolari, fil-mekkaniżmu ta’ sħubija u fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kooperazzjoni amministrattiva. Id-Deċiżjonijiet PTEE jirrikonoxxu kompetenzi speċifiċi tal-awtoritajiet tal-PTEE, fir-rigward kemm tal-mekkaniżmu ta’ sħubija ġenerali, kif ukoll tas-sistema speċifika ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-ħruġ ta’ ċertifikati EUR.1 (15). Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni PTEE tal-2001 jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-funzjoni primarja tal-awtoritajiet tal-PTEE fil-ġestjoni ta’ kuljum tad-Deċiżjoni fil-qasam tal-kummerċ, u r-rwol sussidjarju tal-Istati Membri (“jekk tinqala’ l-ħtieġa”), u dejjem “skont is-setgħat istituzzjonali, legali u finanzjarji ta’ kull wieħed mill-imsieħba”.

65.      Huwa diffiċli li minn dan jiġi dedott kif, fil-kuntest speċifiku ta’ tqassim ta’ kompetenzi, l-iżbalji tal-awtoritajiet doganali ta’ PTEE awtomatikament u minnufih jagħtu lok għal ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, fejn ma jkunx hemm ċirkustanzi oħra li jwasslu għall-istess eżitu, li ma jidhirx li hemm f’dan il-każ. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma ġabet ebda argument ieħor, bħal pereżempju l-fatt li ġew injorati twissijiet, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-OLAF, il-fatt li ġew injorati jew li ma kienx hemm segwitu għal atti illeċiti li dak l-Istat Membru kien jaf bihom jew li raġonevolment kellu jkun jaf bihom, u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni jew ta’ kollaborazzjoni fi ħdan il-mekkaniżmi tal-proċedura ta’ sħubija, jew is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

66.      It-tielet nett, u fil-fehma tiegħi tassew importanti, jibqa’ l-fatt li ma hemmx (u qatt ma kien hemm) obbligi espliċiti fid-Deċiżjoni PTEE li jistabbilixxu sistema speċifika ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri għal atti tal-PTEE, kemm fil-kuntest speċifiku ta’ kooperazzjoni doganali jew inkella b’mod ġenerali. Tabilħaqq, iż-żewġ partijiet f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-travaux préparatoires tad-Deċiżjoni PTEE tal-2013, fejn tali dispożizzjoni kienet proposta mill-Kummissjoni (16), iżda rrifjutata b’mod ċar fil-proċess leġiżlattiv quddiem il-Kunsill. Id-dikjarazzjonijiet mehmuża dwar il-proposta tal-Kummissjoni mal-minuti tal-Kunsill — kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minn grupp ta’ Stati Membri (17) — jixhdu għall-fatt li l-kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri għall-atti tal-PTEE tagħhom dwar l-iżbalji amministrattivi ta’ dawn tal-aħħar setgħet diffiċilment titqies bħala kwistjoni mhux kontenzjuża li tirriżulta b’mod ċar mill-verżjonijiet differenti tad-Deċiżjoni PTEE.

67.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, anki jekk kellu jiġi aċċettat li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali seta’ jiġġebbed tant li jkun jammonta għall-obbligu ta’ kumpens lill-Unjoni direttament mill-Istat Membru għal telf ikkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn PTEE li jkollu relazzjoni speċjali mal-Istat Membru inkwistjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jiġi mċanfar talli jkun wettaq ksur suffiċjentement serju tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali f’dan il-każ.

2.      Osservazzjoni dwar l-element “ratione temporis”

68.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna wkoll fid-difiża tiegħu li kieku huwa kellu jinżamm responsabbli għal żbalji mwettqa mill-awtoritajiet doganali f’Aruba u f’Curaçao, dan kien ikun jimplika ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba. Dan minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx aġixxiet f’perijodu ta’ żmien raġonevoli (18). Il-Kummissjoni eżaminat is-sitwazzjoni xi ħdax-il sena (fir-rigward ta’ Curaçao) u seba’ snin (fir-rigward ta’ Aruba) wara li OLAF kien sab irregolaritajiet.

69.      B’risposta għal dan l-argument, il-Kummissjoni qalet li t-telf ta’ “riżorsi proprji” ma kienx sar definittiv qabel l-2009, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni REC u tas-sentenza ta’ qorti nazzjonali. Għalhekk, ir-responsabbiltà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhiex tkun preskritta. Fis-seduta, il-Kummissjoni insistiet li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex suġġetti għal perijodi ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qalet ukoll fis-seduta li l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 73a tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (19), li jipprovdi preskrizzjoni ta’ ħames snin għal dak li l-Unjoni Ewropea tkun intitolata għalih fir-rigward ta’ terzi u viċeversa, ma għandhiex tintlaqa’. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx perijodi ta’ preskrizzjoni għall-ġbir ta’ riżorsi proprji (20).

70.      Jista’ jkun kemmxejn ta’ sorpriża li tissemma l-kwistjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni li jistgħu japplikaw għal azzjoni fi tmiem l-evalwazzjoni sostantiva ta’ dik l-azzjoni. Madankollu, peress li qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors, kif ukoll dak fil-kawża parallela kontra r-Renju Unit, fuq il-mertu, tabilħaqq ma hemmx ħtieġa li tiġi diskussa separatament il-kwistjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni f’dan l-istadju. Madankollu, nixtieq insemmi din il-kwistjoni sabiex nuri element differenti: il-konsegwenzi tal-approċċ ta’ “tlieta f’waħda” magħżul mill-Kummissjoni għal dawn iż-żewġ kawżi (21), li fil-fatt jagħmluha diffiċli jingħad liema termini ta’ preskrizzjoni, jekk hemm, għandhom jiġu applikabbli għal tali azzjoni.

71.      Tabilħaqq, fir-raġunament tagħha l-Kummissjoni ħadet elementi li jappartjenu għan-natura speċifika tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Artikolu 258 TFUE (assenza ta’ preskrizzjoni għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu) (22) kif ukoll elementi li joriġinaw mill-applikazzjoni tas-sistema speċifika ta’ riżorsi proprji (assenza ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet relatati ma’ rkupru) (23), u ssostni li dawn huma applikabbli għal azzjoni li fl-aħħar mill-aħħar hija bbażata fuq id-determinazzjoni ta’ obbligu ta’ kumpens għal telf, irrispettivament mill-fatt li azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-Istat ikunu ġeneralment suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni (24).

C.      Nota ta’ għeluq dwar il-każ ta’ Aruba

72.      Fl-aħħar nett, tul din il-kawża, il-Kummissjoni sostniet li hemm ksur wieħed komuni tad-dritt tal-Unjoni li joħroġ mill-ħruġ inkorrett ta’ ċertifikati EUR.1 f’Aruba u f’Curaçao.

73.      Madankollu, dwar is-sitwazzjoni f’Aruba, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċertifikati EUR.1 kienu ġew ippreżentati u aċċettati permezz ta’ proċeduri doganali mmexxija mill-Pajjiżi l-Baxxi. L-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi pprovaw jiġbru dazji doganali billi ordnaw lill-importatur iħallas. Iżda l-importatur irnexxielu jikkontesta din l-ordni quddiem il-qrati nazzjonali, li ddeċidew favur tiegħu abbażi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

74.      Madankollu, wieħed għandu jiftakar li, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali ma tipprekludix l-obbligu tal-Istat Membru li jikkonstata u jagħmel disponibbli fondi li jkunu parti mir-riżorsi proprji tal-Unjoni, li ma jkunux inġabru mingħand importaturi privati. Tabilħaqq, l-Istati Membri għandhom jikkonstataw ir-riżorsi proprji tal-Unjoni malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f’qagħda li jikkalkolaw l-ammont ta’ dazji li jkun jirriżulta minn dejn doganali u li jindikaw min ikun id-debitur, indipendentement minn jekk il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali ġewx issodisfatti. Hija biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89 (forza maġġuri jew raġunijiet mhux attribwibbli lill-Istat Membru li ma jkunx irkupra l-ammonti) li tippermetti lil Stat Membru jeħles lilu nnifsu minn dan l-obbligu (25).

75.      Madankollu, kif ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sewwa sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kummissjoni ma allegatx ksur dirett tar-“regolament dwar ir-riżorsi proprji” li huwa attribwibbli lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi talli naqsu milli jirkupraw dazji doganali fuq l-importazzjoni għat-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni sabiex jiġi aċċertat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, kif emendat, ġewx issodisfatti f’dan il-każ. Minflok, il-Kummissjoni għażlet li tqajjem argument differenti.

76.      Għalhekk, peress li ma ntalbitx tali dikjarazzjoni mill-Kummissjoni, u, f’kull każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiddeċiedi dwar dan minħabba nuqqas ta’ provi, nipproponi li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi wkoll iddikjarat infondat fir-rigward tas-sitwazzjoni f’Aruba.

VI.    Spejjeż

77.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

78.      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jkunu intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

VII. Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)      tiċħad ir-rikors;

(2)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

(3)      tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.


1      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal-25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1991, L 263, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE tal-1991”) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (‘Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea’) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319, rettifika fil-ĠU 2014, L 365, p. 165) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE tal-2001”).


3      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).


4      Regolament tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).


5      Regolament tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 1989, L 155, p. 1), kif emendat mir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1355/96 tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU 1996, L 175, p. 3).


6      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑252/13, EU:C:2014:2312, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara l-punti 101 sa 106 ta’ dawk il-konklużjonijiet.


8      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑243/89, EU:C:1993:257, punt 30); tat-3 ta’ Marzu 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑414/03, EU:C:2005:134, punt 9); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑438/07, EU:C:2009:613, punt 53); u tas-16 ta’ Jannar 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑67/12, EU:C:2014:5, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Iktar ’il fuq, punti 39 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Għal dan, it-tweġiba tista’ ovvjament tkun li tali obbligu huwa sempliċement impossibbli, minħabba li ebda sistema ma hija infallibbli. Barra minn hekk, l-istandard “li jiżgura li sistema introdotta ma tagħmilx żbalji, u jekk tagħmilhom, dak l-Istat Membru jkun responsabbli għalihom” fil-fatt jammonta għal li wieħed jissuġġerixxi responsabbiltà diretta u amministrazzjoni diretta fir-rigward tal-PTEE, liema argument il-Kummissjoni ddikjarat li ma xtaqitx tqajjem (iktar ’il fuq, punti 41 sa 42 u 55 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


11      Ara, pereżempju, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman Ewropew vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 37). B’mod simili, għal dak li jirrigwarda l-Istati Membri, ksur suffiċjentement serju jimplika “ksur manifest u serju mill-Istat Membru tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807, paragrafu 105).


12      Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56), u tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications (C‑392/93, EU:C:1996:131, punti 42 sa 45).


13      Iċċitati iktar ’il fuq fil-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      L-Artikolu 4(2) TEU jistabbilixxi d-dmir tal-Unjoni li tirrispetta “l-identità nazzjonali [tal-Istati Membri], inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali”.


15      Ara, għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni PTB tal-1991, l-Artikolu 12(6) tal-Anness II; ara wkoll l-Artikolu 108(1). Għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni PTEE tal-2001, ara l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 32 tal-Anness III.


16      Proposta’ għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”), COM(2012) 362 final.


17      Dokument tal-Kunsill 16832/13 ADD 1 tad-19 ta’ Diċembru 2013. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, ir-regola ġdida dwar responsabbiltà finanzjarja tkun biss kodifikazzjoni ta’ obbligu li diġà jeżisti skont it-Trattati. Id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit ċaħdu b’mod qawwi din il-fehma.


18      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qed jirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punti 38, 47 u 48).


19      Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)


20      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑276/97, EU:C:2000:424, punt 63).


21      Li huwa madankollu eżempju ieħor tal-approċċ ġenerali ta’ “taħlit u tqabbil” għal regoli applikabbli minn diversi sistemi, mifruxa f’dawn iż-żewġ kawżi u diskussi fid-dettall fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi fil-Kawża C‑391/17 Il‑Kummissjoni vs I‑-Renju Unit, b’mod partikolari l-punti 38 sa 42 u 65 sa 84.


22      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑311/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:257, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, dwar din id-diskussjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:42, punt 96). Madankollu, id-dewmien eċċessiv tal-perijodu prekontenzjuż ma jistax jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru. Ara, dwar dan, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 16), u tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, EU:C:2000:426, punt 28).


23      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑312/04, EU:C:2006:643, punt 32).


24      Pereżempju, għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Unjoni, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għar-responsabbiltà, fejn il-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba li l-parti leża tista’ tagħmel lill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni. Għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Istati Membri, it-termini imposti mid-dritt nazzjonali għal ilmenti dwar djun dovuti mill-Istat huma ammessi jekk josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punti 31 sa 35).


25      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 66). Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑335/12, EU:C:2014:2084, punt 79).