Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Awwissu 2018 minn Xabier Uribe-Etxebarría Jiménez mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-29 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża T-577/15 – Xabier Uribe-Etxebarría Jiménez vs EUIPO - Núcleo de comunicaciones y control, S.L.

(Kawża C-534/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Xabier Uribe-Etxebarría Jiménez (rappreżentant: M. Esteve Sanz, abogada)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u Núcleo de comunicaciones y control, S.L.

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors tal-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali u sa fejn tiċħad parzjalment it-tielet motiv tal-imsemmi rikors.

tilqa’ t-talbiet li jirriżultaw mill-ewwel motiv tar-rikors tal-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali u, sussidjarjament, mit-tielet motiv tal-imsemmi rikors.

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti jirrimborsaw lill-appelant l-ispejjeż kollha li huwa sostna quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’sitt partijiet, huwa dirett kontra l-motivi tas-sentenza appellata li abbażi tagħhom, sa fejn tqies li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament jiċħad in-nota komplementari li tesponi l-aggravji ppreżentata fil-ħin mill-appellant quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, ġie miċħud l-ewwel motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-ksur, permezz tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-Artikoli 63(1), 64(1) u 76(1) tar-Regolament (KE) 207/2009 1 .

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tallega ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni peress li fis-sentenza appellata ma tingħatax deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni, mqajjma mill-appellant matul is-seduta, ta’ inammissibbiltà tal-argument li l-EUIPO żviluppa fir-risposta tiegħu għar-rikors.

It-tieni parti tal-ewwel aggravju tallega: (i) ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġi kkonstatat ex officio n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet li għalihom ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tal-appellant biex terġa’ tanalizza l-prova tal-użu ppreżentata quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. (ii) Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant, sa fejn fis-sentenza appellata ġiet aċċettata l-motivazzjoni ex novo żviluppata fir-risposta tal-EUIPO għar-rikors, minflok ma ġie kkonstatat ex officio n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. (iii) L-iżnaturament tal-fatti sa fejn fis-sentenza appellata tqies li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament jiċħad in-nota tal-appellant, minkejja l-fatt li l-Bord tal-Appell ma ċaħadx l-imsemmija nota.

It-tielet parti tal-ewwel aggravju tallega żnaturament tal-fatti u, b’mod konkret, tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fin-noti (inizjali u komplementari) li jesponu l-aggravji ppreżentati mill-appellant quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

Ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju tallega ksur tal-Artikoli 63(1), 64(1), 76(1) u 57(2) tar-Regolament (KE) 207/2009, sa fejn fis-sentenza appellata ngħatat interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn l-artikoli, bil-konvalidazzjoni tan-nuqqas ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO fir-rigward ta’ talba tal-appellant, li kienet is-suġġett ta’ diskussjoni quddiem il-Bord tal-Appell.

Il-ħames parti tal-ewwel aggravju tallega ksur tal-Artikolu 64 tar-Regolament (KE) 207/2009, sa fejn fis-sentenza appellata jitqies li meta l-kwistjoni tal-użu ġenwin ma tkunx tqajjmet espliċitament quddiem il-Bord tal-Appell, din il-kwistjoni ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi li għandu jiġi neċessarjament eżaminat mill-imsemmi Bord sabiex tinstab soluzzjoni għall-każ ippreżentat quddiemu.

Is-sitt parti tal-ewwel aggravju tallega ksur tal-Artikoli 64 u 60 tar-Regolament (KE) 207/2009 u tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 2 sa fejn ġiet applikata għal-każ inkwistjoni l-ġurisprudenza stabbilita abbażi ta’ dawn iż-żewġ artikoli, li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-appelli quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, meta fil-każ inkwistjoni l-Bord tal-Appell ma kienx iddikjara l-appell inammissibbli u, anki li kieku dan kien hekk, din id-dikjarazzjoni kienet tkun bi ksur tal-imsemmija artikoli, peress li n-noti tal-appellant kienu ammissibbli.

It-tieni aggravju jirrigwarda l-motivazzjoni tas-sentenza appellata li permezz tagħha ġie parzjalment miċħud it-tielet motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv li kien ibbażat fuq il-ksur, permezz tad-deċiżjoni tal-bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 207/2009, u huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti tat-tieni aggravju tallega ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, sa fejn ma ngħatatx motivazzjoni għas-sinjifikat li ġie deċiż li jingħata għall-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO dwar il-prodotti li għalihom kellu jitqies li ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti. Jiġi allegat ukoll żnaturament tal-imsemmija kunsiderazzjonijiet sa fejn is-sinjifikat mogħti mis-sentenza appellata ma jaqbilx mal-evalwazzjonijiet tal-imsemmija deċiżjonijiet, mal-allegazzjonijiet tal-partijiet u mal-provi prodotti matul il-proċedimenti.

It-tieni parti tat-tieni aggravju tallega ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 207/2009 sa fejn fis-sentenza appellata ġie meqjus li s-servizzi fil-klassi 42 tat-trade mark kontenzjuża jixbħu l-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark prijoritarja.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).