Language of document : ECLI:EU:F:2008:159

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-131/07

Barbora Baniel-Kubinova et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju u membri tal-persunal awżiljarju maħtura bħala uffiċjali bi prova – Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Dritt għall-allowance ta’ kuljum wara għoti ta’ parti mill-allowance ta’ installazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Baniel-Kubinova u 13-il uffiċjal ieħor tal-Parlament jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament li ma jingħatawx l-allowance ta’ kuljum prevista fl-Artikolu 10 tal‑Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ installazzjoni – Membri tal-persunal temporanju

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 5(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 24)

2.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ kuljum – Kundizzjonijiet għall-għoti – Uffiċjal bi prova li rċieva l-allowance ta’ installazzjoni bħala membru tal-persunal temporanju – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 71; Anness VII, Artikoli 5 u 10; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 24(1))

1.      Il-leġiżlatur Komunitarju jipprevedi, fl-Artikolu 24 tal-Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra, il-ħlas tal-allowance ta’ installazzjoni lill-membri tal-persunal temporanju filwaqt li jitlaq mill-premessa li, anki mingħajr is-sigurtà ta’ impjieg ta’ uffiċjali titolari, il-membri tal-persunal temporanju li t-tul tal‑impjieg previst tagħhom huwa ta’ almenu sena jistgħu jixtiequ li jintegraw ruħhom mal-post ta’ trasferiment tagħhom b’mod permanenti. Huwa proprju sabiex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-isforz permess fid-dawl ta’ din l-integrazzjoni li l‑allowance ta’ installazzjoni titħallas lill-membri tal-persunal temporanju, u biss parzjalment fil-każ li t-tul previst tal-impjieg ikun ta’ inqas minn tliet xhur.

(ara l-punt 20)

2.      Is-sempliċi paragun tal-Artikoli 5 u 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tipprekludi li persuna, li tkun irċeviet l-allowance ta’ installazzjoni bħala membru tal-persunal temporanju bis-saħħa tal-Artikolu 24(1) tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, tkun tista’ titlob sussegwentement, mal-ħatra tagħha bħala uffiċjal, il-benefiċċju tal‑allowance ta’ kuljum, u dan indipendentement minn bidla fir-regolamenti. Fil‑fatt, sa fejn l‑għoti ta’ allowance ta’ installazzjoni tkun suġġetta għall-bdil tar‑residenza lejn il-post ta’ trasferiment, hija wara ma tkunx tista’ validament issostni, bl-iskop li tikseb vantaġġ pekunjarju, bħall-allowance ta’ kuljum, li l‑installazzjoni tagħha fil-post tat-trasferiment huwa provviżorju, kontra residenza “reali” li tkun tinsab fil-pajjiż tal-oriġini tagħha.

Sa fejn l-interessat, sabiex jikseb l-allowance ta’ installazzjoni, ikun għamel dikjarazzjoni solenni sabiex juri l-post tar-residenza tiegħu fil-post tat-trasferiment billi jannetti ma’ din id-dikjarazzjoni d-dokumenti xierqa, l-amministrazzjoni hija fid-dmir, għal raġunijiet ibbażati mir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn istituzzjoni u l-uffiċjali tagħha kif ukoll abbażi ta’ raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba, li ma twettaqx eżami mill-ġdid tal-kwistjoni tar-residenza tal-interessat meta jitlob l-għoti tal-allowance ta’ kuljum.

(ara l-punti 27 u 30)