Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Eisenstadt (l-Awstrija) fil-11 ta’ Marzu 2020 – IR vs Volkswagen AG

(Kawża C-134/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Eisenstadt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IR

Konvenuta: Volkswagen AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ vettura fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 715/2007 huwa pprojbit meta l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, jiġifieri komponent li jista’ jaffettwa l-emissjonijiet, ikun iddiżinjat b’mod li r-rata tar-riċiklaġġ tal-gass tal-egżost, jiġifieri l-proporzjon tal-gass tal-egżost li jiġi rriċiklat, tkun irregolata b’mod li dan il-valv jiżgura mod ta’ funzjonament li jippermetti livell baxx ta’ tniġġis biss bejn 15 u 33 grad Celcius u biss f’altitudni ta’ inqas minn 1 000 metru, filwaqt li f’temperatura li ma taqax f’din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1 000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, din ir-rata tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ NOx jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007?

Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti jekk it-tagħmir ta’ vettura msemmi fl-ewwel domanda huwiex meħtieġ sabiex jipproteġi lill-magna minn ħsara?

Għall-finijiet tar-risposta għat-tieni domanda, huwa barra minn hekk rilevanti jekk il-komponent tal-magna li għandu jiġi protett mill-ħsara jkun il-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost?

Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti jekk it-tagħmir ta’ vettura msemmi fl-ewwel domanda jkunx diġà ġie installat fil-vettura fil-mument tal-manifattura tagħha jew jekk ir-regolazzjoni fuq il-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost deskritta fl-ewwel domanda għandhiex titwettaq fuq il-vettura bħala tiswija fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom 2 ?

____________

1 ĠU 2007, L 171, p. 1.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.