Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fl-20 ta’ Lulju 2018 – GP vs Bundesagentur für Arbeit, Familienkasse Baden-Württemberg West

(Kawża C-473/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GP

Konvenut: Bundesagentur für Arbeit, Familienkasse Baden-Württemberg West

Domandi preliminari

Liema dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru H3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 1 , f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandha tiġi applikata għall-konverżjoni lejn il-munita li fiha huma ddenominati l-benefiċċji tal-familja relatati mat-tfal fil-forma ta’ allowance għal wild dipendenti jew ta’ benefiċċju għal wild dipendenti?

Kif għandha tiġi interpretata b’mod konkret id-dispożizzjoni applikabbli għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ suppliment għad-differenza ta’ allowances għal wild dipendenti li jiddependi fuq ir-rata tal-kambju?

Jekk japplika l-punt 2 tad-Deċiżjoni Nru H3: fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni liema hija l-ġurnata “tat-twettiq tal-operazzjoni mill-istituzzjoni”?

Jekk japplika l-punt 3(b) tad-Deċiżjoni Nru H3 (jekk ikun il-każ, flimkien mal-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni): fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni liema huwa x-xahar “meta d-dispożizzjoni għandha tiġi applikata”?

Jekk japplika l-punt 5 tad-Deċiżjoni Nru H3: il-klawżola favur il-liġi nazzjonali hija kompatibbli mal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 2 ? Jekk iva: sabiex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun “previst b’mod differenti”, hija meħtieġa dispożizzjoni stabbilita formalment bil-liġi jew hija biżżejjed direttiva amministrattiva maħruġa mill-awtorità amministrattiva nazzjonali?

Il-konverżjoni tal-munita magħmula mill-fond Ġermaniż għall-allowances tal-familja fir-rigward ta’ allowances Svizzeri għal wild dipendenti għandha karatteristiċi partikolari?

Meta d-Deċiżjoni Nru H3 tiġi applikata fir-rigward tal-Isvizzera, huwa rilevanti li d-dritt nazzjonali Ġermaniż jipprevedi l-esklużjoni tal-benefiċċju fil-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 65(1) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul)?

Id-data tal-għoti jew tal-ħlas tal-benefiċċji tal-familja mill-istituzzjoni Svizzera hija importanti għall-konverżjoni tal-munita skont id-Deċiżjoni Nru H3?

Id-data tar-rifjut jew tal-għoti ta’ suppliment għad-differenza ta’ allowances għal wild dipendenti mill-istituzzjoni Ġermaniża hija importanti għall-konverżjoni tal-munita skont id-Deċiżjoni Nru H3?

____________

1     Deċiżjoni Nru H3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2010, C 106, p. 56).

2     Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).