Language of document : ECLI:EU:C:2020:980

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Applikabbiltà – Sitwazzjoni purament interna – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Artikolu 3(2) u (4) – Artikolu 4 – Applikabbiltà – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi – Kapitoli III (Libertà għall‑Istabbiliment ta’ Fornituri) u IV (Moviment Liberu ta’ Servizzi) – Applikabbiltà – Artikoli 9 u 10 – Direttiva (UE) 2015/1535 – Artikolu 1(1)(e) u (f) – Kunċett ta’ ‘regola dwar is-servizzi’ – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Artikolu 5(1) – Nuqqas ta’ notifika minn qabel – Infurzabbiltà – Attività ta’ tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati – Klassifikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta din l-attività għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”

Fil-Kawża C‑62/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Star Taxi App SRL

vs

Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul București prin Primar General,

Consiliul General al Municipiului Bucureμti,

fil-preżenza ta’:

IB,

Camera Naţională a Taximetriģtilor din România,

D’ArtexStar SRL,

Auto Cobălcescu SRL,

Cristaxi Service SRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Star Taxi App SRL, inizjalment minn C. Băcanu, sussegwentement minn G. C. A. Ioniţă, avocați,

–        għall-Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul Bucureşti prin Primar General, minn M. Teodorescu, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, L. Malferrari, L. Nicolae u Y. G. Marinova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), tal-Artikolu 3(2) u (4) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), tal-Artikoli 9, 10 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), u, fl-aħħar, tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Star Taxi App SRL u l-Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul București prin Primar General (l-Unità Amministrattiva Territorjali tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“Muniċipalità ta’ Bukarest”) u l-Consiliul General al Municipiului București (il-Kunsill Ġenerali tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ta’ tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/34

3        Id-Direttiva 2015/1535 ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2015, id-Direttiva 98/34 u r-riferimenti magħmula għal din tal-aħħar issa għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-Direttiva 2015/1535, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tagħha.

4        B’mod partikolari, il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 ġie ssostitwit, f’termini identiċi, mill-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

 Id-Direttiva 2000/31

5        L-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi s-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” bħala “s-servizzi fis-sens tal-[Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535]”.

6        L-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li:

“2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)      il-miżuri għandhom ikunu:

(i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

(ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet [li jippreġudika l-għanijiet] li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.”

7        Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bidu u l-prattika ta’ l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni ma jkunux jistg[ħ]u jsiru suġġetti għal awtorizzazzjoni bil-quddiem jew ta’ ħtiġijiet oħra li jkollhom effett ekwivalenti.

2.      Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal skemi ta’ awtorizzazzjoni li ma humiex speċifikament u esklussivament immirati lejn servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, jew li huma koperti mid-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-10 ta’ April 1997 dwar il-qafas komuni għal awtorizzazzjoni ġenerali u liċenzi individwali fil-qasam ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni [ĠU 1997, L 117, p. 15].”

 Id-Direttiva 2006/123

8        Il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/123 tipprovdi li:

“Servizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

9        L-Artikolu 2(2)(d) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din ma tapplikax għal servizzi fil-qasam tat-trasport, inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, li sar it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

10      L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. Dawn jinkludu:

(a)      Id-Direttiva 96/71/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015 L 16, p. 66)];

(b)      Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħha bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3)];

(ċ)      Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri rigward is-segwitu ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televixin [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224].

(d)      Id-Direttiva 2005/36/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22)].”

11      Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa [mhux ta’ impieg], normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-[Artikolu 57 TFUE]”.

12      Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Libertà għall-Istabbiliment ta’ Fornituri”, jinkludi l-Artikoli 9 sa 15 tagħha. L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)      l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)      il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.

2.      Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni tagħhom u jagħtu raġunijiet li juru l-kompatibbiltà tagħhom mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.      Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn.”

13      Skont l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123:

“1.      Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.      Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)      mhux-diskriminatorji;

(b)      iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)      ċari u mingħajr ambigwità;

(e)      oġġettivi;

(f)      magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)      trasparenti u aċċessibbli.”

14      Taħt il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, dwar il-moviment liberu tas-servizzi, jinsab l-Artikolu 16 tagħha, li jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

(b)      obbligu fuq il-fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritjiet kompetenti tagħhom li jinkludi d-dħul fir-reġistru jew reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali fit-territorju tagħhom, ħlief fejn previst f’din id-Direttiva jew strumenti oħrajn tal-liġi Komunitarja;

(ċ)      projbizzjoni fuq il-fornitur li jistabbilixxi ċertu forma jew tip ta’ infrastruttura fit-territorju tagħhom, inkluż uffiċċju jew kamra, meħtieġa mill-fornitur sabiex iforni s-servizzi kkonċernati;

(d)      l-applikazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali speċifiċi bejn il-fornitur u r-riċevitur li jxekklu jew jillimitaw il-provvediment tas-servizz minn dawk li jaħdmu għal rashom;

(e)      obbligu fuq il-fornitur li jkollu dokument ta’ l-identità maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu speċifiċi għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz;

(f)      rekwiżiti, minbarra dawk meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, li jaffettwaw l-użu ta’ tagħmir u materjal li jagħmlu parti integrali mis-servizz provdut;

(g)      restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 19.”

 Id-Direttiva 2015/1535

15      L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)      ‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

(ii)      ‘b’mezzi elettroniċi’ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għalkollox permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

(iii)      ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali;

[…]

(e)      ‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)      regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

(ii)      regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali;

(f)      ‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

[…]”

16      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

17      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva:

“Referenzi għad-Direttiva [98/34] mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.”

 Id-dritt Rumen

 Il-Liġi Nru 38/2003

18      L-Artikolu 1a tal-Legea nr. 38/2003 privind transportul în regim de taxi și în regim de închiriere (il-Liġi Nru 38/2003 dwar it-Trasport b’Taksi u b’Vettura tal-Kiri), tal-20 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 45 tat-28 ta’ Jannar 2003), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fit-tilwima tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

“[…]

(j)      dispatching ta’ taksi, iktar ’il quddiem ‘dispatching’: attività konnessa mat-trasport b’taksi, li tikkonsisti f’li l-ordnijiet tal-klijenti jiġu rċevuti bit-telefon jew b’mezzi oħra u jiġu trażmessi lis-sewwieq tat-taksi permezz ta’ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni”.

19      L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      L-attività ta’ dispatching ta’ taksis tista’ tiġi eżerċitata biss fil-limiti tal-lokalità indikata mill-awtorizzazzjoni għal kull persuna ġuridika, iktar ’il quddiem imsejħa ‘ċentru ta’ riżervazzjoni’, li jkollha awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti konformement ma’ din il-liġi.

2.      L-awtorizzazzjoni ta’ dispatching ta’ taksis tista’ tinkiseb billi jiġu ppreżentati d-dokumenti segwenti:

(a)      kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mir-reġistru tal-kummerċ;

(b)      dikjarazzjoni fuq l-unur tal-operatur tat-trasport b’taksi jew b’vettura tal-kiri li tiddikjara li ċ-ċentru ta’ riżervazzjoni għandu l-mezzi tekniċi neċessarji, apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni, frekwenza tar-radju sigura, persunal awtorizzat u l-ispazju meħtieġ;

(c)      kopja taċ-ċertifikat bħala operatur tat-telefonija bir-radju tal-impjegati taċ-ċentru ta’ riżervazzjoni ta’ taksis maħruġ mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjonijiet;

(d)      kopja tal-liċenzja għall-użu tal-frekwenzi elettriċi tar-radju maħruġa mill-awtorità kompetenti.

[…]

5.      It-trasportaturi awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ taksi għandhom jużaw ċentru ta’ riżervazzjoni konformement ma’ din il-liġi, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ dispatching konkluż ma’ dan iċ-ċentru f’kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.

6.      Is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’lokalità, bl-eċċezzjoni tal-lokalitajiet fejn ikunu nħarġu inqas minn mitt liċenzja tat-taksi, jew fejn dan is-servizz ikun fakultattiv.

[…]

8.      Il-kuntratti ta’ dispatching ta’ taksis konklużi ma’ trasportaturi awtorizzati għandhom jinkludi klawżoli dwar l-obbligi tal-partijiet li josservaw il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kwalità u tal-legalità tas-servizz ipprovdut kif ukoll it-tariffi ta’ distanza miftiehma.

9.      It-taksis moqdija minn ċentru ta’ riżervazzjoni jistgħu jipprovdu s-servizz ta’ trasport billi japplikaw tariffa unika jew tariffi li jvarjaw skont il-kategorija tal-vetturi, konformement mal-kuntratt ta’ dispatching.

10.      Iċ-ċentru ta’ riżervazzjoni għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi awtorizzati moqdija minnu l-apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni sabiex jitqiegħed fit-taksis, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kera konkluż f’kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.”

 Id-Deċiżjoni Nru 178/2008

20      Fit-territorju tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, is-servizzi tat-taksi huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Hotărârea Consiliului General al Municipiului București nr. 178/2008 privind aprobarea Regulamentului cadru, a Caietului de sarcini și a contractului de atribuire în gestiune delegată pentru organizarea și executarea serviciului public de transport local în regim de taxi (id-Deċiżjoni Nru 178/2008 tal-Kunsill Ġenerali tal-Muniċipalità ta’ Bukarest dwar l-Approvazzjoni tar-Regolament Qafas, tal-Ispeċifikazzjonijiet u tal-Kuntratt għall-Għoti taħt Ġestjoni Delegata tal-Organizzazzjoni u tal-Provvista tas-Servizz Pubbliku tat-Taksi Lokali), tal-21 ta’ April 2008, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Muniċipalità ta’ Bukarest Nru 626/2017, tad-19 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 178/2008”).

21      L-Artikolu 3 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008 jipprovdi:

“It-termini u l-kunċetti użati u ddefiniti fil-Liġi Nru 38/2003 hawnhekk għandhom l-istess tifsira u, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament qafas, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

[…]

(ia)      dispatching permezz ta’ kull mezz ieħor: attività eżerċitata minn ċentru ta’ riżervazzjoni awtorizzat mill-awtorità kompetenti sabiex jirċievi l-ordnijiet minn klijenti permezz ta’ applikazzjoni tal-informatika jew ordnijiet imwettqa fuq is-sit internet ta’ ċentru ta’ riżervazzjoni awtorizzat u sabiex jgħaddi l-ordnijiet lis-sewwieqa tat-taksi permezz ta’ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni.

(ib)      applikazzjoni tal-informatika: software, installat u li jopera fuq apparat mobbli jew fiss, li jappartjeni esklużivament liċ-ċentru ta’ riżervazzjoni awtorizzat u li jkollha l-istess isem.

[…]”

22      L-Artikolu 21 ta’ dan l-Anness 1 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fit-territorju tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati u jistgħu jiġu pprovduti biss miċ-ċentri ta’ riżervazzjoni awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-klijent il-possibbiltà li jitlob dawn is-servizzi bit-telefon jew b’mezzi oħra, inkluż permezz ta’ applikazzjonijiet konnessi mal-internet u li għandu jkollhom b’mod mandatorju l-isem taċ-ċentru tar-riżervazzjoni li jidher fl-awtorizzazzjoni ta’ dispatching maħruġa mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-Muniċipalità ta’ Bukarest.

[…]

3a.      Is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati li jeżerċitaw l-attività ta’ taksi fit-territorju tal-Muniċipalità ta’ Bukarest u jistgħu jiġu pprovduti biss miċ-ċentri ta’ riżervazzjoni awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-klijent il-possibbiltà li jitlob dawn is-servizzi bit-telefon jew b’mezzi oħra (applikazzjonijiet tal-informatika, ordnijiet imwettqa fuq is-sit internet ta’ ċentru ta’ riżervazzjoni), u li dawn l-ordnijiet jiġu trażmessi lis-sewwieqa tat-taksis permezz ta’ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni.”

23      L-Artikolu 41(2a) tal-imsemmi anness jipprovdi:

“Fl-eżerċizzju tal-attività tat-taksi, is-sewwieqa tat-taksi għandhom b’mod partikolari l-obbligu li ma jużawx telefons jew apparati mobbli oħra matul il-provvista tas-servizz ta’ trasport.”

24      Il-punt 6a tal-Artikolu 59 tal-istess anness jipprovdi:

“In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 21(3a) li japplikaw għall-attivitajiet kollha assimilati indipendentement mill-mod u mill-ambjent li fih jitwettqu u li għandhom ir-riżultat li jqiegħdu f’kuntatt sewwieq mhux awtorizzat jew trasportatur b’taksi awtorizzat għat-trasport ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni fit-territorju tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, huwa suġġett għal multa ta’ bejn 4 500 u 5 000 [lei Rumen (RON) (bejn madwar EUR 925 u EUR 1 025)].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Star Taxi App hija kumpannija rregolata mid-dritt Rumen stabbilita f’Bukarest li topera applikazzjoni għal smartphones eponima li ddaħħal f’kuntatt dirett l-utenti ta’ servizzi tat-taksi u s-sewwieqa tat-taksi.

26      Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-funzjonament ta’ din l-applikazzjoni, li tista’ titniżżel mingħajr ħlas, kif ġej.

27      Meta persuna tkun tixtieq twettaq vjaġġ urban, hija twettaq riċerka permezz tal-imsemmija applikazzjoni li tipproponi għalhekk lista ta’ sewwieqa tat-taksi disponibbli, li tindika ħames jew sitt tipi ta’ vetturi li joffru tariffi differenti. Il-klijent jista’ jagħżel wieħed mis-sewwieqa fil-lista abbażi tal-kummenti u tal-marki mogħtija preċedentement minn klijenti oħra, filwaqt li jkollu l-possibbiltà li jirrifjuta l-ordni. Star Taxi App ma tibgħatx l-ordnijiet lis-sewwieqa tat-taksi u ma tiddeterminax il-prezz tal-vjaġġ, li jitħallas direttament lis-sewwieq mat-tmiem tiegħu.

28      Star Taxi App tipprovdi dan is-servizz billi tikkonkludi direttament kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi mas-sewwieqa ta’ taksi professjonalment awtorizzati li jwettqu trasport bit-taksi, mingħajr ma tagħżilhom. L-għan ta’ dawn il-kuntratti jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn is-sewwieqa ta’ applikazzjoni tal-informatika, imsejħa “STAR TAXI – sewwieq”, smartphone li fuqu hija installata din l-applikazzjoni u kard SIM li tinkludi volum ta’ data limitat, inkambju għall-ħlas ta’ abbonament mensili. Barra minn hekk, Star Taxi App ma teżerċita l-ebda kontroll, la fuq il-kwalità tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom u lanqas fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar.

29      Fit-19 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill Ġenerali tal-Muniċipalità ta’ Bukarest adotta, abbażi tal-Liġi Nru 38/2003, id-Deċiżjoni Nru 626/2017.

30      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li din id-deċiżjoni tal-aħħar, billi introduċiet il-punti (ia) u (ib) fl-Artikolu 3 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008, estendiet id-definizzjoni tal-attività ta’ “dispatching” suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel prevista mil-Liġi Nru 38/2003 għall-attività tal-istess natura mwettqa permezz ta’ applikazzjoni tal-informatika. Billi emendat l-Artikolu 21 ta’ dan l-anness, l-imsemmija deċiżjoni għamlet obbligatorji wkoll is-servizzi ta’ dispatching għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati. B’hekk, dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti biss miċ-ċentri ta’ riżervazzjoni tat-taksis awtorizzati mill-awtorità kompetenti, f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-klijent il-possibbiltà li jitlob dawn is-servizzi bit-telefon jew b’mezzi oħra, inkluż permezz ta’ applikazzjonijiet li jaqbdu mal-internet u li għandu jkollhom b’mod mandatorju l-isem taċ-ċentru tar-riżervazzjoni li jidher fl-awtorizzazzjoni ta’ dispatching maħruġa mill-awtorità kompetenti. Fl-aħħar nett, l-istess deċiżjoni żiedet, fil-punt (6a) tal-Artikolu 59 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008, li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli issa huwa suġġett għal multa ta’ bejn RON 4 500 u RON 5 000 (madwar EUR 925 u EUR 1 025).

31      Minħabba li kisret din il-leġiżlazzjoni, Star Taxi App ngħatat multa ta’ RON 4 500 (madwar EUR 925).

32      Peress li qieset li l-attività tagħha tikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informatika, li ma jistax ikun suġġett għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew kwalunkwe rekwiżit ieħor b’effett ekwivalenti skont Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31, Star Taxi App ippreżentat ilment amministrattiv preliminari li permezz tiegħu talbet ir-revoka tad-Deċiżjoni Nru 626/2017. Din it-talba ġiet miċħuda għaliex l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kkontestata kienet saret meħtieġa minħabba n-numru kunsiderevoli ta’ ordnijiet li għaddew minn entitajiet legali mhux awtorizzati u għaliex din il-leġiżlazzjoni ma kinitx tikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mezzi elettroniċi peress li tirregola servizz intermedjarju marbut mal-attività tat-trasport ta’ persuni b’taksi.

33      Star Taxi App għalhekk ippreżentat quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 626/2017.

34      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-servizz inkwistjoni quddiemha huwa differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981), li fiha hija rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li servizz ta’ intermedjazzjoni, li kellu bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, li jqiegħed f’kuntatt, bi ħlas, sewwieqa mhux professjonisti li jużaw il-vettura proprja tagħhom ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban, kellu jiġi kklassifikat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inġenerali u, b’mod iktar partikolari, tad-Direttiva 2006/123 u tad-Direttiva 2000/31. B’differenza mill-fornitur tas-servizz inkwistjoni fl-imsemmija kawża, Star Taxi App ma tagħżilx sewwieqa mhux professjonisti li jużaw il-vetturi tagħhom stess, iżda tikkonkludi kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ma’ sewwieqa professjonalment awtorizzati sabiex jipprovdu trasport bit-taksi, ma tistabbilixxix il-prezz tal-vjaġġ u lanqas ma tiġbor il-prezz mingħand il-klijent, li jħallas direttament lis-sewwieq tat-taksi, u lanqas ma teżerċita kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u s-sewwieqa tagħhom kif ukoll fuq l-aġir tagħhom.

35      Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar jekk is-servizz ipprovdut minn Star Taxi App għandux jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” u, fil-każ affermattiv, jekk leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-provvista ta’ tali servizz għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel hijiex konformi mad-Direttiva 2000/31 u għandhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tagħha, konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535.

36      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [Il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31], li abbażi tagħhom is-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa ‘servizz ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi’, għandhom jiġu interpretati fis-sens li attività bħal dik eżerċitata minn Star Taxi App SRL (jiġifieri s-servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, tal-klijenti tat-taksi max-xufiera tat-taksi) għandha titqies bħala servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-ekonomija kollaborattiva (peress li Star Taxi App SRL ma tissodisfax il-kriterji sabiex titqies bħala trasportatur li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-punt 39 tas-sentenza [tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi C‑434/15, EU:C:2017:981] b’riferiment għal Uber)?

2)      Fil-każ li [s-servizz ipprovdut minn] Star Taxi App SRL [j]itqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31, tal-Artikoli 9, 10 u 16 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE [u, fil-każ] ta’ risposta fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik [tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 21(1) u (3a), tal-Artikolu 41(2a), u tal-punt 6a tal-Artikolu 59 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008]?

3)      Fil-każ li d-Direttiva 2000/31 hija applikabbli għas-servizz mogħti minn Star Taxi App SRL, ir-restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq il-libertà li jiġi pprovdut servizz elettroniku, billi jissuġġettaw is-servizz għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzja, jikkostitwixxu miżuri validi li [jistgħu jidderogaw, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu]?

4)      [L]-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 jipprekludi l-adozzjoni, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, ta’ leġiżlazzjoni bħal dik li tinsab [fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 21(1) u (3a), fl-Artikolu 41(2a) u fil-punt 6a tal-Artikolu 59 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008]?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37      Peress li ddeċidiet li tiddeċiedi l-kawża mingħajr ma żżomm seduta, minħabba r-riskji sanitarji marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diversi mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub li għalihom wieġbu Star Taxi App u l-Kummissjoni.

 Fuq id-domandi

 Fuq l-ewwel domanda

38      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fl-ewwel domanda, għall-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. Madankollu, din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, bid-Direttiva 2015/1535, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tagħha jipprevedi li r-riferimenti magħmula għad-Direttiva 98/34 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-Direttiva 2015/1535. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment, fil-kuntest ta’ din id-domanda, għall-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

39      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha fid-domanda tagħha sabiex tindika li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-forma ta’ servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, tal-klijenti mas-sewwieqa tat-taksi, li madankollu ma jissodisfax il-kriterji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 tas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981).

40      Madankollu, kif indikat fil-punti 26 sa 28 u 34 ta’ din is-sentenza, hija tipprovdi fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha iktar dettalji dwar il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-attività kkonċernata. Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda servizz ta’ intermedjazzjoni li jqiegħed f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, persuni li jixtiequ jivvjaġġaw b’taksi u sewwieqa tat-taksi awtorizzati. Huwa ppreċiżat ukoll li dawn tal-aħħar għandhom iħallsu abbonament mensili għall-użu ta’ din l-applikazzjoni, iżda l-fornitur tas-servizzi ma jibagħtilhomx direttament l-ordnijiet u lanqas ma jiffissa l-prezz tal-vjaġġ, li l-ħlas tiegħu ma jsirx mill-intermedjarju tiegħu. Għaldaqstant, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.

41      Barra minn hekk, hemm lok li jinftiehem li l-ewwel domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, servizz ta’ intermedjazzjoni li jikkonsisti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, f’li jitqiegħdu f’kuntatt, bi ħlas, persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban u sewwieqa tat-taksi awtorizzati, li għalih il-fornitur tal-imsemmi servizz ikkonkluda għal dan l-għan kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ma’ dawn is-sewwieqa inkambju għall-ħlas ta’ abbonament mensili, iżda ma jibagħtilhomx l-ordnijiet, ma jiffissax il-prezz tal-vjaġġ u lanqas ma jiġbor il-ħlas mingħand dawn il-persuni, li jħallsu l-prezz direttament lis-sewwieq tat-taksi, u lanqas ma jeżerċita kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u s-sewwieqa tagħhom u l-aġir ta’ dawn tal-aħħar.

42      Skont l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” għandu jinftiehem bħala “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

43      Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, fatt li ma huwa kkontestat minn ebda waħda mill-partijiet jew persuni oħra kkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura, li l-attività ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz”, fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

44      Min-naħa l-oħra, jirriżulta ċar, qabelxejn, li tali servizz ta’ intermedjazzjoni jissodisfa l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, jiġifieri li huwa pprovdut bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 46).

45      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li tali servizz jiġi pprovdut mingħajr ħlas lill-persuna li tixtieq tagħmel jew twettaq vjaġġ urban, peress li dan jagħti lok għall-konklużjoni bejn il-fornitur tiegħu u kull sewwieq tat-taksi awtorizzat ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi flimkien mal-ħlas minn dan tal-aħħar ta’ abbonament mensili. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-remunerazzjoni għal servizz ipprovdut minn persuna li tipprovdi servizzi fil-kuntest ta’ attività ekonomika ma titħallasx neċessarjament mill-persuni li jibbenefikaw minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 41, u tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 36).

46      Sussegwentement, sa fejn it-tqegħid f’kuntatt ta’ persuna li tixtieq twettaq vjaġġ urban ma’ sewwieq tat-taksi awtorizzat isir permezz ta’ pjattaforma elettronika mingħajr preżenza simultanja, minn naħa, tal-fornitur tas-servizz ta’ intermedjazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ din il-persuna jew ta’ dan is-sewwieq, l-imsemmi servizz għandu jitqies li huwa pprovdut mill-bogħod u b’mezz elettroniku (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 47), fis-sens tat-tieni u t-tielet kundizzjoni stipulati fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

47      Fl-aħħar nett, servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa pprovdut fuq talba individwali tad-destinatarji tiegħu, fis-sens tar-raba’ kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, peress li dan jimplika, simultanjament, talba, magħmula permezz tal-applikazzjoni tal-informatika Star Taxi, min-naħa tal-persuna li tixtieq twettaq vjaġġ urban u konnessjoni ma’ din l-applikazzjoni min-naħa tas-sewwieq tat-taksi awtorizzat li juri d-disponibbiltà tiegħu.

48      Għaldaqstant, tali servizz jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 u, għalhekk, jikkostitwixxi, bħala prinċipju, “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 2000/31.

49      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm servizz ta’ intermedjazzjoni li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha jikkostitwixxi, bħala prinċipju, servizz distint mis-servizz sussegwenti li miegħu ikun relatat, f’dan il-każ servizz tat-trasport, u, għaldaqstant, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, dan ma għandux japplika jekk jidher li dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu jkun servizz li jaqa’ taħt klassifikazzjoni legali oħra (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni joħloq offerta ta’ servizzi ta’ trasport urban, li jagħmel aċċessibbli b’mod partikolari permezz ta’ għodod tal-informatika u li huwa jorganizza l-funzjonament ġenerali tagħhom favur persuni li jixtiequ jirrikorru għal din l-offerta, is-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa servizz ta’ trasport u, għaldaqstant, bħala li jissodisfa l-klassifikazzjoni mhux ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, iżda ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, li għalih id-Direttiva 2000/31, id-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 56 TFUE ma humiex applikabbli (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punti 38 sa 44).

51      Issa, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, servizz ta’ intermedjazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, kuntrarjament għal dak li ssostni l-muniċipalità ta’ Bukarest.

52      L-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bil-kontra tas-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981), li ħolqot u għamlet aċċessibbli l-provvista ta’ servizzi ta’ vvjaġġar urban imwettqa minn sewwieqa mhux professjonisti li preċedentement kienu assenti mis-suq, is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali sempliċement jippermetti, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tqegħid f’kuntatt ta’ persuni li jkunu jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati li l-attività tagħhom kienet teżisti qabel u li għalihom l-imsemmi servizz ta’ intermedjazzjoni jikkostitwixxi biss modalità fost oħrajn ta’ ħolqien ta’ klijentela, li għaliha, barra minn hekk, huma ma humiex marbuta li jirrikorru.

53      It-tieni nett, tali servizz ta’ intermedjazzjoni ma jistax jitqies li jorganizza l-funzjonament ġenerali tas-servizz sussegwenti ta’ vjaġġ urban, peress li l-fornitur la jagħżel is-sewwieqa tat-taksis, la jiffissa jew jirċievi l-prezz tal-vjaġġ, u lanqas ma jeżerċita kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom u l-aġir ta’ dawn tal-aħħar.

54      Minn dan isegwi li servizz ta’ intermedjazzjoni bħal dak ipprovdut minn Star Taxi App ma jistax jitqies li jifforma parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa provvista ta’ trasport u jaqa’, konsegwentement, taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31.

55      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, servizz ta’ intermedjazzjoni li jikkonsisti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, fit-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, li għalih il-fornitur tal-imsemmi servizz ikkonkluda għal dan l-għan kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ma’ dawn is-sewwieqa inkambju għall-ħlas ta’ abbonament mensili, iżda ma jibagħtilhomx l-ordnijiet, ma jiffissax il-prezz tal-vjaġġ u ma jiżgurax il-ġbir tal-prezz mingħand dawn il-persuni, li jħallsu direttament lis-sewwieq tat-taksi, u lanqas ma jeżerċita kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom u fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar.

 Fuq ir-raba’ domanda

56      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535 jipprekludix l-adozzjoni mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ dik li tinsab fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 21(1) u (3a), fl-Artikolu 41(2)(a) u fil-punt 6a tal-Artikolu 59 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008.

57      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535 jipprevedi li, bħala prinċipju, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) ta’ din id-direttiva u li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu ta’ notifika minn qabel ta’ tali abbozz iwassal għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tar-“regolament tekniku” kkonċernat fil-konfront tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 49 u 50), kemm fi proċedura kriminali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 84), kif ukoll f’tilwima bejn individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction, C‑613/14, EU:C:2016:821, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għalhekk, dan l-obbligu ta’ notifika minn qabel japplika biss meta l-abbozz ikkunsidrat ikollu bħala suġġett regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tal-imsemmija direttiva.

59      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, leġiżlazzjoni ta’ awtorità lokali, li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huma diġà suġġetti l-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni tat-taksis u, fil-każ affermattiv, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ notifika minn qabel tal-abbozz ta’ dan ir-regolament lill-Kummissjoni jwassalx għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-leġiżlazzjoni li ġiet adottata.

60      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 jirriżulta li “regolament tekniku” tfisser “speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”.

61      Minn dan jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali li taffettwa servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku”, hija għandha mhux biss taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “regola dwar is-servizzi”, kif iddefinita fl-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535, iżda wkoll tkun obbligatorja de jure jew de facto, b’mod partikolari, għall-provvista tas-servizz ikkonċernat jew l-użu tiegħu fi Stat Membru jew f’parti sostanzjali minnu.

62      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-direttiva, “regola dwar is-servizzi” hija ddefinita bħala “ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ [servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni], b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-[servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni]”.

63      It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, “regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat”. Huwa jżid ukoll li “regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali”.

64      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Rumena inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm fir-rigward tal-Liġi Nru 38/2003 kif ukoll tad-Deċiżjoni Nru 178/2008, bl-ebda mod ma ssemmi s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3, l-Artikolu 21(1) u (3a), kif ukoll l-Artikolu 41(2a) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008 jirreferu mingħajr distinzjoni għat-tipi kollha tas-servizz ta’ dispatching, kemm jekk jiġu pprovduti bit-telefon jew bi kwalunkwe mezz ieħor, bħal applikazzjoni tal-informatika.

65      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Liġi Nru 38/2003 timponi fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ dispatching li jeżerċitaw l-attività tagħhom permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, bl-istess mod bħal fuq l-operaturi l-oħra kollha li jipprovdu servizz ta’ dispatching, il-pussess ta’ tagħmir – f’dan il-każ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni – mingħajr ebda utilità minħabba l-modalitajiet tekniċi ta’ provvista ta’ dan is-servizz.

66      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ riferiment speċifiku għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew inċidentali. Għalhekk, tali regola ma tistax tiġi kklassifikata bħala “regola dwar is-servizzi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535 u, konsegwentement, bħala “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) ta’ din id-direttiva.

67      Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni ta’ abbozzi tar-“regolamenti tekniċi”, previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535, ma japplikax għal tali leġiżlazzjoni u li, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ notifika ta’ abbozz ta’ din in-natura ma jistax, skont din id-dispożizzjoni, ikollu konsegwenzi fir-rigward tal-infurzabbiltà tal-leġiżlazzjoni proposta f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, leġiżlazzjoni ta’ awtorità lokali, li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huma diġà suġġetti l-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni tat-taksis.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

69      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) u (4) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31, l-Artikoli 9, 10 u 16 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala l-għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huma diġà suġġetti l-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni tat-taksis u li hija kkundizzjonata, b’mod partikolari, għat-trażmissjoni ta’ vjaġġi lis-sewwieqa permezz ta’ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni.

70      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali hija bejn Star Taxi App, kumpannija rregolata mid-dritt Rumen stabbilita fit-territorju tar-Rumanija, u żewġ awtoritajiet pubbliċi Rumeni, jiġifieri l-Muniċipalità ta’ Bukarest u l-Kunsill Ġenerali tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, u, li, għaldaqstant, din it-tilwima hija kkaratterizzata minn elementi li huma lkoll interni għall-Istat Rumen.

71      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha tagħha jkunu interni għal Stat Membru wieħed (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta wkoll li din id-dispożizzjoni tapplika biss għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, peress li l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu miżuri li jidderogaw minn din id-dispożizzjoni.

73      L-istess japplika għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, li jinsab fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva dwar il-moviment liberu tas-servizzi, li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw biss għas-servizzi pprovduti fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-fornitur tagħhom huwa stabbilit, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, jiġifieri l-Artikoli 9 sa 15 tagħha, li japplikaw min-naħa tagħhom ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti tagħha jkunu lkoll interni għal Stat Membru wieħed biss (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 ma humiex applikabbli għal tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

75      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra previsti mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31, li minnu ma jirriżultax, la mill-kliem u lanqas mill-kuntest, li dan japplika biss għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punti 99 u 100), kif ukoll l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123, li fil-punt 73 ta’ din is-sentenza tfakkar li dawn japplikaw ukoll għas-sitwazzjonijiet purament interni, għandu jiġi rrilevat li dawn jistabbilixxu, skont modalitajiet distinti, prinċipju ta’ projbizzjoni tas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat liema waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tkun applikabbli għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76      Kif jirriżulta mill-punti 43 u 48 ta’ din is-sentenza, is-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ mhux biss taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, u, għaldaqstant, tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, iżda wkoll taħt dik ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

77      Konsegwentement, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirregola tali servizz tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll f’dak tad-Direttiva 2006/123, peress li mill-punti 49 sa 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan is-servizz ma jaqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”, espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2(2)(d) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tagħha.

78      Madankollu, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, din id-direttiva ma tkunx applikabbli jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 41).

79      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha l-fornituri l-oħra tas-servizzi ta’ riżervazzjoni tat-taksis huma diġà suġġetti u li hija kkundizzjonata, b’mod partikolari, bit-trażmissjoni tal-vjaġġi lis-sewwieqa permezz ta’ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31 u, fil-każ affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tmurx kontra l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123.

80      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31, minn qari flimkien tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-aċċess għall-attività ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-eżerċizzju tagħha għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew għal kull rekwiżit ieħor li għandu effett ekwivalenti, il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss, madankollu, ir-regoli tal-Istati Membri li jirrigwardaw speċifikament u esklużivament is-“servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”.

81      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm, ċertament id-Deċiżjoni Nru 626/2017 tirrigwarda prinċipalment jekk mhux esklużivament is-servizzi ta’ intermedjazzjoni li għandhom l-għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, li jqiegħdu f’kuntatt, bi ħlas, persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, hija tillimita ruħha, billi testendi għal dan it-tip ta’ servizz il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “dispatching” kif iddefinit fl-Artikolu 3 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008, għall-estensjoni għal dan is-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ta’ obbligu eżistenti qabel ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli għall-attivitajiet taċ-ċentri ta’ riżervazzjoni tat-taksis, liema attivitajiet ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”.

82      Minħabba f’hekk, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali leġiżlazzjoni, li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li għandha l-effett li ġġiegħel lil Star Taxi App tikseb awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju tal-attività tagħha quddiem l-awtorità kompetenti, ma hijiex ekwivalenti għall-ħolqien ta’ sistema ġdida ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tirrigwarda speċifikament u esklużivament servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

83      Minn dan jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ kull sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew kull rekwiżit ieħor li għandu effett ekwivalenti, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31, ma tapplikax għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

84      Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm kunflitt bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123 li, minħabba f’hekk, huma applikabbli għal tali leġiżlazzjoni.

85      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-artikoli għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni.

86      F’dan ir-rigward, mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-konformità ta’ sistema nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni mar-rekwiżiti previsti minnha tippreżupponi, b’mod partikolari, li tali sistema, li min-natura tagħha tirrestrinġi l-libertà li jiġi pprovdut is-servizz ikkonċernat, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri li ma tkunx diskriminatorja, li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata, iżda wkoll li l-kriterji ta’ għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din is-sistema jkunu konformi mal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li ma jkunux diskriminatorji, ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonati għal dan l-għan ta’ interess ġenerali, ċari u mhux ambigwi, oġġettivi, ippubblikati minn qabel kif ukoll trasparenti u aċċessibbli (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 57).

87      Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi tali sistema ta’ awtorizzazzjoni maż-żewġ artikoli msemmija fil-punt preċedenti, li jistabbilixxu obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonati li jagħtuhom effett dirett, teħtieġ li tiġi evalwata separatament u suċċessivament, l-ewwel nett, in-natura ġġustifikata tal-prinċipju stess tal-istabbiliment ta’ din is-sistema, imbagħad il-kriterji għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minnha (sentenza tal-22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 58).

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi biss ftit elementi lill-Qorti tal-Ġustizzja li jippermettulha tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

89      Għaldaqstant, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax effettivament iż-żewġ sensiliet ta’ rekwiżiti mfakkra fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments, C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 78).

90      Madankollu, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura ġġustifikata tal-kriterji li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 99 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ provvista ta’ servizz huwa suġġett għal li jiġu ssodisfatti rekwiżiti tekniċi mhux adattati għas-servizz ikkonċernat u, għaldaqstant, li jiġġeneraw imposti u spejjeż mhux iġġustifikati għall-fornituri tiegħu ma jistax ikun konformi mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123.

91      Dan jista’ partikolarment ikun il-każ, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, fil-każ ta’ obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandu bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, li jittrażmettu l-vjaġġi lil dawn is-sewwieqa permezz ta’ apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni.

92      Fil-fatt, tali obbligu li jimponi fuq kemm il-fornitur tas-servizz ta’ intermedjazzjoni kif ukoll is-sewwieqa tat-taksis l-obbligu li wieħed ikollu tali apparat ta’ trażmissjoni u li jimponi wkoll fuq il-fornitur tas-servizz ta’ intermedjazzjoni li jkollu persunal speċifiku responsabbli mit-trażmissjoni tal-vjaġġi lis-sewwieqa huwa mhux biss inutli, iżda wkoll mingħajr ebda relazzjoni mal-karatteristiċi ta’ servizz li huwa kompletament marbut mal-kapaċitajiet tekniċi tal-ismartphones li jippermettu, mingħajr intermedjazzjoni umana diretta, li jiġu llokalizzati kemm is-sewwieqa tat-taksis kif ukoll il-klijenti potenzjali tagħhom u li dawn jitqiegħdu awtomatikament f’kuntatt.

93      Fid-dawl tal-premess, it-tieni u t-tielet domanda għandhom jitwieġbu bil-mod kif ġej:

–        L-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal tilwima li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma biss interni għal Stat Membru wieħed biss.

–        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huma diġà suġġetti l-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni ta’ taksis.

–        L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom, meta l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti f’dawn l-artikoli, sa fejn dawn jimponu b’mod partikolari rekwiżiti tekniċi li ma humiex adattati għas-servizz ikkonċernat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

 Fuq l-ispejjeż

94      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, servizz ta’ intermedjazzjoni li jikkonsisti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, fit-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, li għalih il-fornitur tal-imsemmi servizz ikkonkluda għal dan l-għan kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ma’ dawn is-sewwieqa inkambju għall-ħlas ta’ abbonament mensili, iżda ma jibagħtilhomx l-ordnijiet, ma jiffissax il-prezz tal-vjaġġ, ma jiżgurax il-ġbir tal-prezz mingħand dawn il-persuni, li jħallsu l-prezz direttament lis-sewwieq tat-taksi, u lanqas ma jeżerċita kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u s-sewwieqa tagħhom kif ukoll fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar.

2)      L-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tikkostitwixxix “regolament tekniku” leġiżlazzjoni ta’ awtorità lokali li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huma diġà suġġetti l-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni ta’ taksis.

3)      L-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal tilwima li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma ta’ natura interna għal Stat Membru wieħed biss.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, u li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għal awtorizzazzjoni minn qabel li għaliha huma diġà suġġetti l-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni ta’ taksis.

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-provvista ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni, li għandha bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma’ sewwieqa tat-taksi awtorizzati, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom, meta l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti f’dawn l-artikoli, sa fejn dawn jimponu b’mod partikolari rekwiżiti tekniċi li ma humiex adattati għas-servizz ikkonċernat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.