Language of document : ECLI:EU:F:2014:15

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

12 ta’ Frar 2014

Kawża F‑83/12

Jean-Pierre Bodson et

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol — Remunerazzjoni — Riforma tas-sistema ta’ primjums tal-BEI”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu r-rikorrent jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fir-rendikont tas-salarju ta’ April 2012 dwar il-premijiet, peress li din tapplika d-deċiżjoni, tal-14 ta’ Diċembru 2010, tal-bord tad-diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) u d-deċiżjonijiet, tad-9 ta’ Novembru 2010 u tas-16 ta’ Novembru 2011, tal-kumitat amministrattiv ta’ dan li qiegħed jirriforma l-iskema tal-premijiet, u min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BEI sabiex tħallashom id-differenza bejn l-ammonti dovuti taħt id-deċiżjonijiet fuq imsemmija u l-iskema preċedenti, kif ukoll id-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. J.‑P. Bodson u s-seba’ rikorrenti l-oħra għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura –Talba għall-irtirar mill-proċess ta’ dokumenti mħejjija mill-avukat ta’ parti — Dokumenti mħejjija fil-kuntest ta’ negozjar kollettiv mal-istituzzjoni konvenuta — Assenza ta’ natura kunfidenzjali — Ċaħda

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikorsi — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli — Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal — Inammissibbiltà — Evalwazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Premju annwali mogħti fuq bażi diskrezzjonali skont ir-rendiment tal-benefiċjarju — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Anness II)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Interess ġuridiku — Rikors dirett kontra l-ewwel rendikont tas-salarju insegwitu għar-riforma tas-sistema ta’ remunerazzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 20)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Natura regolatorja tar-relazzjoni ta’ xogħol — Organizzazzjoni tas-servizzi u ffissar tar-remunerazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikoli 13 u 20; Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 31)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Remunerazzjoni — Riforma tal-iskema tal-premijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Obbligu taż-żamma tal-iskema preċedenti li hija iktar favorevoli — Assenza

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

1.      Il-korrispondenza bejn klijent u avukat li ma humiex marbuta b’relazzjoni ta’ impjieg, huma kunfidenzjali, sa fejn din tkun korrispondenza skambjata fil-kuntest u għall-finijiet tad-dritt tad-difiża tal-klijent.

Parir legali mħejji fil-kuntest ta’ negozjar kollettiv bejn ir-rappreżentanti tal-persunal u l-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni, li l-għan tiegħu ma għandu xejn x’jaqsam mal-infurzar ta’ miżura jew sabiex jingħata bidu għal proċedura kontenzjuża, ma jikkostitwixxix korrispondenza skambjata fil-kuntest u għall-finijiet tad-dritt tad-difiża tal-klijent ta’ avukat.

(ara l-punti 46 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Mejju 1982, AM & S vs Il‑Kummissjoni, 155/79, punt 21; 14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, punt 41

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ April 1990, Hilti vs Il‑Kummissjoni, T‑30/89, punt 13

2.      Fir-rigward tat-terminu li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors, meta l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprovdi għal tali terminu, il-membri tal-persunal ikkonċernati għandhom dritt li jistennew li ma jiġix impost fuqhom terminu stabbilit minn qabel ta’ dekadenza, iżda li jiġi applikat terminu raġonevoli, li għandu dejjem jiġi evalwat skont il-fatti kollha tal-kawża ineżami u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet inkwistjoni. Minn dan ġeneralment isegwi li l-kunċett ta’ terminu raġonevoli ma jistax jinftiehem bħala terminu ta’ dekadenza speċifiku u, b’mod partikolari, li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax b’analoġija inkwantu terminu ta’ dekadenza għall-membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment meta huma jintroduċu rikors għal annullament fil-konfront ta’ att li jirriżulta minn dan tal-aħħar li jikkawżalhom preġudizzju.

Għalhekk, fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikont tas-salarju tal-membri tal-persunal tal-Bank, peress li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra deċiżjoni dwar l-istatus finanzjarju ta’ membru tal-persunal ikun innotifikat mar-rendikont tas-salarju li tiżvela din id-deċiżjoni u fid-dawl tal-inċertezza li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ forma oħra ta’ informazzjoni minn qabel u l-fatt li d-deċiżjonijiet li jiffissaw l-ammont tal-premijiet skont ir-rendiment tal-membri tal-persunal tal-Bank jikkostitwixxu l-ewwel miżuri ta’ applikazzjoni tal-iskema l-ġdida tal-premijiet stabbilita wara diskussjonijiet twal mar-rappreżentanti tal-persunal, terminu ta’ 4 xhur u għaxart ijiem ma jistax jitqies irraġonevoli.

(ara l-punti 64 sa 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Frar 2013, Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, punti 28 sa 44

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Lulju 2013, Arango Jaramillo et vs BEI, T‑234/11 P‑RENV‑RX, punt 31

3.      Fir-rigward ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tinsab f’rendikont tar-remunerazzjoni li tikkonċerna l-premju għar-rendiment, ma jistax jintlaqa l-argument li l-iskema tal-premijiet skont ir-rendiment hija skema diskrezzjonali u inċerta li taħtha l-membri tal-persunal ma jibbenefikaw minn l-ebda dritt kweżit, peress li n-natura diskrezzjonali ta’ setgħa, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura tali li ċċaħħad lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal minn garanzija fundamentali bħad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda tillimita biss l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-qorti, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 71 u 72)

4.      Fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, rendikont tas-salarju li jinkorpora, għall-ewwel darba, l-implementazzjoni ta’ att ġdid ta’ portata ġenerali li jiffissa drittijiet pekunjarji ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, tfisser neċessarjament, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tiegħu.

(ara l-punti 77 sa 79)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni, F‑29/09, punti 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Meta kuntratti ta’ xogħol ikunu konklużi ma’ organu tal-Unjoni, li huwa nkarigat b’responsabbiltà ta’ interess ġenerali u li huwa awtorizzat li jipprovdi, permezz ta’ regoli, għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal tiegħu, ir-rieda tal-partijiet f’kuntratt bħal dan issib neċessarjament il-limiti tagħha fl-obbligi ta’ kull tip li jirriżultaw minn din ir-responsabbiltà partikolari u li huma imposti kemm fuq il-korpi amministrattivi ta’ dan l-organu kif ukoll fuq il-membri tal-persunal tiegħu. Skont l-Artikolu 31 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa awtorizzat jipprovdi, permezz ta’ regolament, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal tiegħu. Għalhekk, ir-relazzjoni bejn il-Bank u l-persunal kuntrattwali tiegħu hija essenzjalment ta’ natura regolatorja.

F’dan is-sens, il-Bank jiddisponi, sabiex iwettaq il-missjoni ta’ interess ġenerali fdata lilu, minn setgħa diskrezzjonali sabiex jorganizza s-servizzi tiegħu u jiffissa unilateralment r-remunerazzjoni tal-persunal tiegħu, dan minkejja l-atti legali ta’ natura kuntrattwali li huma l-bażi ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol.

(ara l-punti 104, 105 u 107)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE, C‑409/02 P, punti 34 sa 36

6.      Fir-rigward tar-riforma tal-iskema tal-premijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-fatt li l-iskema preċedenti tal-premijiet kienet imfassla bħala diskrezzjonali u varjabbli, iżda li l-prattika kienet de facto tatha stabbiltà sinjifikattiva ma jimplikax li l-persuni kkonċernati kienu kisbu dritt li jopponu r-riforma tagħha.

Tabilħaqq, il-fatt li għal żmien twil, organu tal-Unjoni segwa politika speċifika ma jnissilx, għall-persuni kkonċernati, dritt għaż-żamma tal-vantaġġi li din il-politika setgħa kellha fil-konfront tagħhom. Konsegwentement, l-awtorità tista’ fi kwalunkwe waqt tibdel ir-regoli tal-persunal għall-futur, fejn hija tqis li dan ikun konsistenti mal-interessi tas-servizz, anki jekk dan ikun sfavorevoli fil-konfront tal-membri tal-persunal. Dan huwa a fortiori l-każ f’dak li jirrigwarda sempliċi prattika.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-possibbiltajiet baġitarji huma fost il-fatturi li l-amministrazzjoni tikkunsidra fil-politika tal-persunal. Konsegwentement, ir-rieda li jitweqqu xi ekonomiji għad-dannu tal-persunal ma huwiex fih innifsu raġuni irregolari u lanqas ma jikser id-dmir ta’ premura. Barra minn hekk, l-emenda għar-regoli tal-persunal hija suġġetta biss għall-kundizzjoni li dan ikun iġġustifikat fl-interess tas-servizz.

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-membri tal-persunal jista’ jkollhom aspettattiva leġittima fiż-żamma jew fl-istabbiltà tal-iskema tal-premijiet preċedenti, ir-riforma ta’ din l-iskema kienet suġġetta għal perijodu tranżitorju ta’ ħames snin u dan il-perijodu jidher li huwa suffiċjenti.

(ara l-punti 118 sa 120, 134 u 139)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il‑Kummissjoni, 178/80, punt 19; 17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, punt 40; 11 ta’ Marzu 1982, Grogan vs Il‑Kummissjoni, 127/80, punt 34

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, punti 10, 86 u 87

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Ottubru 2007, Bellantone vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑85/06, punt 64; 25 ta’ Novembru 2008, Bosman vs Il‑Kunsill, F‑145/07, punt 41

7.      Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxi l-politika tiegħu ta’ ġestjoni tal-persunal u fl-implementar ta’ din il-politika. Barra minn hekk, ir-risposta għat-tħassib baġitarju timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi ekonomiċi u ta’ varjazzjonijiet finanzjarji li fil-kuntest tagħhom il-Bank għandu wkoll setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha f’dan il-qasam għandu jkun limitat. Dan għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-evalwazzjonijiet tal-Bank huma vvizzjati bi żball manifest jew jekk dan mar manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 161 u 162)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C‑318/03, punt 75

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il‑Kunsill, T‑281/11 P, punt 127

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il‑Kummissjoni, F‑80/10, punt 35