Language of document : ECLI:EU:C:2014:2209

Kawża C‑291/13

Sotiris Papasavvas

vs

O Fileleftheros Dimosia Etaireia Ltd et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Lefkosias)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/31/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kawża dwar malafama”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Kummerċ elettroniku — Direttiva 2000/31 — Provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikolu 2(a))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Kummerċ elettroniku — Direttiva 2000/31 — Dispożizzjonijiet dwar is-suq intern — Obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn dawk li jipprovdu servizz stabbiliti fit-territorju tagħhom — Issuġġettar tas-servizzi għas-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili għal malafama — Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikoli 2(h) u 3(1))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Kummerċ elettroniku — Direttiva 2000/31 — Responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu servizz intermedjarji — Derogi favur tranżazzjonijiet ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ akkomodazzjoni — Pubblikazzjoni minn kumpannija editriċi għall-istampa ta’ ġurnal fis-sit tal-Internet tagħha — Kumpannija li għandha konjizzjoni tal-informazzjoni ppubblikata u li teżerċita kontroll fuqha — Inapplikabbiltà tad-derogi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikoli 12 sa 14)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Kummerċ elettroniku — Direttiva 2000/31 — Responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu servizz intermedjarji — Derogi favur tranżazzjonijiet ta’ trasport, ta’ ħażna u ta’ akkomodazzjoni — Invokazzjoni — Limiti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikoli 2(b) u 12 sa 14)

1.        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, għandu jiġi interpretat f’sens li l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġbor fi ħdanu servizzi li jipprovdu informazzjoni online li għalihom dak li jipprovdi servizz huwa rremunerat mhux mir-riċevitur, iżda mid-dħul iġġenerat mir-reklamar imxandar fuq is-sit tal-internet.

(ara l-punt 30 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-Direttiva 2000/31 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, ma tipprekludix li Stat Membru jadotta sistema ta’ responsabbiltà ċivili għal malafama, applikabbli għal dawk li jipprovdu servizz minn soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fit-territorju tiegħu, peress li l-Artikolu 3(1) tagħha jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru li jaqgħu fil-qasam ikkordinat, fejn dan il-qasam ikopri b’mod partikolari, kif jipprevedi l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili ta’ dak li jipprovdi servizz.

(ara l-punti 32, 33 u d-dispożittiv 2)

3.        Il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, ma jirrigwardawx il-każ ta’ kumpannija pubblikatriċi tal-istampa li għandha sit tal-internet li fuqu hija ppubblikata l-verżjoni elettronika ta’ gazzetta, fejn din il-kumpannija hija, barra minn hekk, irremunerata mid-dħul iġġenerat mir-riklamar kummerċjali mxandar fuq dan is-sit, peress li hija għandha konjizzjoni tal-informazzjoni ppubblikata u teżerċita kontroll fuqha, kemm jekk l-aċċess għall-imsemmi sit huwa bla ħlas jew bil-ħlas. Fil-fatt, din il-kumpannija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala dak li jipprovdi servizz intermedjarju, fis-sens tal-imsemmija Artikoli 12 sa 14.

(ara l-punti 45, 46 u d-dispożittiv 3)

4.        L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2000/31, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ dak li jipprovdi servizz bħala kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni, il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tal-imsemmija direttiva jistgħu jiġu applikati fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi li tirrigwarda r-responsabbiltà ċivili għal malafama, meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’dawn l-artikoli jkunu ssodisfatti.

F’dan ir-rigward, l-imsemmija Artikoli 12 sa 14 ma jippermettux lil dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja għar-responsabbiltà ċivili kontrih u, konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji minn qorti nazzjonali. Il-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà previsti f’dawn l-artikoli jistgħu jiġu invokati minn dak li jipprovdi servizz skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħhom jew, fl-alternattiv, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni skont dan. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ kawża bejn individwu u kumpannija għall-istampa fil-kuntest ta’ azzjoni għal malafama, id-Direttiva 2000/31 ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma tistax għaldaqstant tiġi invokata bħala tali kontrih.

(ara l-punti 49, 50, 57 u d-dispożittivi 4 u 5)