Language of document : ECLI:EU:T:2018:890

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mill-Belġju favur il-kooperattivi finanzjarji tal-grupp ARCO – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma tal-persuni fiżiċi li għandhom il-kwalità ta’ soċji f’dawn il-kumpanniji – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tipprojbixxi l-ħlas tal-ammonti ggarantiti lis-soċji – Suġġett tat-tilwima – Irkupru – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑664/14,

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn J. Meyers, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/686/UE tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji (ĠU 2014, L 284, p. 53),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, V. Kreuschitz, I. S. Forrester, N. Półtorak u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-Kumpanniji ARCO

1        Arcofin SCRL, Arcopar SCRL u Arcoplus (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji ARCO”) huma kooperattivi finanzjarji awtorizzati b’responsabbiltà limitata (iktar ’il quddiem il-“kooperattivi finanzjarji”) irregolati mid-dritt Belġjan. Dawn it-tliet kumpanniji, li kollha jinsabu fil-proċess ta’ stralċ, ġew stabbiliti fis-snin 30, bil-għan li jikkoordinaw l-attivitajiet kooperattivi tal-Mouvement ouvrier chrétien u tal-Algemeeen Christelijk Werknemersverbond u li jappoġġaw finanzjarjament l-imsemmija attivitajiet, billi jinvestu ruħhom b’mod partikolari f’missjonijiet ta’ natura soċjali.

2        Il-kumpanniji ARCO għandhom iktar minn 800 000 soċju, li 99 % minnhom huma persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem il-“persuni li jikkooperaw”). Skont ir-Renju tal-Belġju, il-parteċipazzjoni medja tal-persuni li jikkooperaw hija ta’ EUR 2 000.

3        Fl-2001, Arcofin saret l-azzjonist prinċipali ta’ Dexia SA, li tagħha hija kellha 15 % tal-kapital. Fit-3 ta’ Ottubru 2008, hija pparteċipat fis-salvataġġ ta’ Dexia, u dan billi ssottoskriviet, għal ammont ta’ EUR 350 miljun, għal żieda fil-kapital ta’ ammont totali ta’ EUR 6 biljun. Mill-2008, il-kumpanniji ARCO ma ħarġux ishma ġodda. Bejn l-2008 u l-2011, huma tilfu 7 % tal-persuni li jikkooperaw tagħhom.

4        Fit-8 ta’ Diċembru 2011, il-laqgħat ġenerali tal-kumpanniji ARCO qablu dwar l-istralċ volontarju tagħhom.

 Il-miżura inkwistjoni

5        Fl-10 ta’ Ottubru 2008, il-Gvern Belġjan għarraf, permezz ta’ stqarrija għall-istampa tas-Segretarjat tal-Ministru għall-Finanzi, bl-intenzjoni tiegħu li jestendi, għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni kif ukoll għall-kooperattivi finanzjarji, l-iskema ta’ garanzija li dakinhar kienet eżistenti għad-depożituri fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li l-ammont ta’ din il-garanzija jġibu għal EUR 100 000. Għaldaqstant ġie previst li l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-organi l-ġodda f’fond ta’ garanzija għandha ssir fuq bażi volontarja. Din l-intenzjoni ġiet ippreżentata lill-Parlament Belġjan f’abbozz ta’ liġi ppreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2008, li ġie adottat b’urġenza l-għada (il-Liġi tal-15 ta’ Ottubru 2008 rigward miżuri intiżi sabiex tiġi promossa l-istabbiltà finanzjarja u li tistabbilixxi b’mod partikolari garanzija tal-Istat rigward il-krediti mogħtija u operazzjonijiet oħra mwettqa fil-kuntest tal-istabbiltà finanzjarja, Moniteur belge tas-17 ta’ Ottubru 2008, p. 55634).

6        Fi stqarrija konġunta għall-istampa tal-21 ta’ Jannar 2009, il-Prim Ministru Belġjan u l-Ministru għall-Finanzi Belġjan ikkonfermaw l-impenn li kien ittieħed mill-gvern preċedenti li joffri skema ta’ garanzija għas-soċji mhux istituzzjonali tal-kooperattivi finanzjarji. Din l-iskema kellha tinkludi, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

–        il-ħlas, mill-kumpanniji kkonċernati, ta’ primjum ta’ garanzija;

–        l-impenn tas-soċji istituzzjonali li jżommu l-parteċipazzjoni tagħhom matul il-perijodu kollu tal-garanzija;

–        limitazzjoni tal-“kumpens annwali” tas-soċji, individwi (persuni li jikkooperaw) u istituzzjonali;

–        kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali mħallsa mill-kumpanniji kkonċernati jekk id-dividendi rċevuti jaqbżu limitu minimu;

–        arranġamenti li għandhom jiġu żviluppati sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jkunu soċji għaż-żieda fil-valur fil-każ tal-irtirar mill-iskema ta’ garanzija.

7        Sussegwentement, il-Parlament Belġjan adotta l-Liġi tal-14 ta’ April 2009 li temenda l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 rigward is-sorveljanza tas-settur finanzjarju u s-servizzi finanzjarji (Moniteur belge tal-21 ta’ April 2009, p. 32106), sabiex jippermetti lill-Gvern jintroduċi skema ta’ garanzija li tibbenefikaw b’mod partikolari lill-persuni li jikkooperaw tal-kooperattivi awtorizzati suġġetti għal sorveljanza prudenzjali tal-Bank Nazzjonali tal-Belġju jew li jkunu investew minn tal-inqas nofs l-assi tagħhom f’istituzzjoni suġġetta għal tali sorveljanza, bħall-kooperattivi finanzjarji bħalma huma l-kumpanniji ARCO.

8        Dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġew inklużi fil-punt 3 tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 li tistabbilixxi l-istatus organiku tal-Bank Nazzjonali tal-Belġju, kif emendata. Adottat fuq il-bażi tal-imsemmi artikolu, id-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011 li jemenda d-Digriet Irjali tal-14 ta’ Novembru 2008 li jimplimenta l-Liġi tal-15 ta’ Ottubru 2008 u li jemenda l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 (Moniteur belge tat-12 ta’ Ottubru 2011, p. 62641) ippermetta, lill-kooperattivi finanzjarji li xtaqu jagħmlu dan, li jitolbu li jissieħbu mal-iskema ta’ garanzija prevista mill-miżuri preċedenti. Il-kumpanniji li għażlu li jaderixxu ma’ din l-iskema kellhom iħallsu, lill-fond speċjali ta’ protezzjoni tad-depożiti, assigurazzjonijiet għall-ħajja u għall-kapital ta’ kumpanniji kooperattivi awtorizzati (iktar ’il quddiem il-“fond speċjali”), stabbilit permezz tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Novembru 2008 li jimplimenta l-Liġi tal-15 ta’ Ottubru 2008 u li jemenda l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 dwar is-sorveljanza tas-settur finanzjarju u s-servizzi finanzjarji (Moniteur belge tas-17 ta’ Novembru 2008, p. 4088), kontribuzzjoni annwali li tikkorrispondi għal 0.15 % tal-ammont totali ggarantit kif ukoll dritt ta’ dħul li jikkorrispondi għal 0.1 % ta’ dan l-ammont. Il-garanzija kellha tiġi eżerċitata biss f’każ ta’ falliment tal-kumpannija jew f’każ ta’ nuqqas ikkonstatat mill-awtorità ta’ sorveljanza finanzjarja Belġjana. Huwa biss il-kapital imħallas sottoskritt minn persuni fiżiċi qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ottubru 2011 li kien kopert mill-garanzija, sal-limitu ta’ EUR 100 000 għal kull persuna fiżika. Il-ħlas tal-garanzija kellu jitwettaq mill-fond speċjali u, f’każ ta’ eżawriment tal-mezzi finanzjarji tal-imsemmi fond, mill-Caisse des dépôts et consignations (il-Belġju).

9        Il-kumpanniji ARCO ssottomettew applikazzjoni għall-adeżjoni fl-iskema ta’ garanzija fit-13 ta’ Ottubru 2011. Din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill tal-Ministri Belġjan fil-15 ta’ Ottubru 2011 u din l-approvazzjoni ġiet ippubblikata fl-istess ġurnata. L-applikazzjoni għal adeżjoni tal-kumpanniji ARCO ġiet formalment aċċettata permezz tad-Digriet Irjali tas-7 ta’ Novembru 2011 li jagħti garanzija sabiex jiġi protett il-kapital ta’ kooperattivi awtorizzati (Moniteur belge tat-18 ta’ Novembru 2011, p. 68640), li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ottubru 2011 skont l-Artikolu 3 tiegħu (iktar ’il quddiem il-“garanzija” jew il-“miżura inkwistjoni”). L-ebda kooperattiva finanzjarja oħra ma applikat biex tissieħeb mal-iskema ta’ garanzija.

10      Konsegwentement, il-kumpanniji ARCO ħallsu lill-Fond Speċjali l-ammonti previsti. L-adeżjoni tagħhom għall-iskema ta’ garanzija kienet suġġetta għal għadd ta’ kundizzjonijiet, b’mod partikolari l-assenza ta’ kwalunkwe offerta pubblika ta’ ishma ġodda lil persuni fiżiċi, il-limitazzjoni tar-rata ta’ interess fuq il-fondi investiti u l-impenn tas-soċji istituzzjonali li ma jirtirawx il-kapital li kienu investew. Id-Digriet Irjali tas-7 ta’ Novembru 2011 kien jispeċifika wkoll li l-fond speċjali jkun obbligat jagħti kumpens lill-persuni li jikkooperaw biss wara li jiġi ddepożitat il-ħlas finali tal-likwidazzjoni eventwalment approvata mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanniji ARCO.

11      Kif ġie indikat fil-punt 4 iktar ’il fuq, il-kumpanniji ARCO qablu dwar stralċ volontarju fit-8 ta’ Diċembru 2011.

 Il-proċedura amministrattiva

12      Fis-7 ta’ Novembru 2011, ir-Renju tal-Belġju nnotifika l-garanzija lill-Kummissjoni Ewropea.

13      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni informat lir-Renju tal-Belġju li hija kienet tqis li l-garanzija setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern u talbitu sabiex iżomm lura milli jieħu kwalunkwe azzjoni addizzjonali biex jimplimentaha. L-awtoritajiet Belġjani rrispondew għall-imsemmija notifika permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2011.

14      B’deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-garanzija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Fid-19 ta’ Lulju 2012, id-deċiżjoni tal-ftuħ, intitolata “Għajnuna mill-Istat SA.33927 (2012/C) (ex 2011/NN) – Skema ta’ garanzija għall-protezzjoni tal-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji – Stedina għal osservazzjonijiet skont l-Artikolu 108(2) TFUE” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 213, p. 64). Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni, barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), ordnat lir-Renju tal-Belġju sabiex ikompli jżomm lura milli jimplimenta l-miżura inkwistjoni sa meta din tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

15      Ir-Renju tal-Belġju ppreżenta osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ fit-18 ta’ Ġunju 2012. Permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Diċembru 2012 u tal-20 ta’ Settembru 2013, huwa wieġeb għal mistoqsijiet li kienet għamlitlu l-Kummissjoni.

16      Fis-17 ta’ Awwissu 2012, il-kumpanniji ARCO wkoll ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Dawn l-osservazzjonijiet intbagħtu mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju, li, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012, indikalha li huma ma kinux jeħtieġu kummenti min-naħa tiegħu.

 Id-deċiżjoni kkontestata

17      Fit-3 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/686/UE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji (ĠU 2014, L 284, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fiha hija kkonkludiet li l-garanzija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanniji ARCO u li din l-għajnuna, illegalment implimentata mir-Renju tal-Belġju, kienet inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kumpanniji ARCO kienu l-benefiċjarji reali tal-għajnuna inkwistjoni u li din kienet magħmula minn sett ta’ miżuri li jikkonsistu fit-tħabbira tal-10 ta’ Ottubru 2008 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), fil-komunikazzjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) kif ukoll fl-adeżjoni tal-kumpanniji ARCO fl-iskema ta’ garanzija (premessi 80 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-garanzija kienet tat vantaġġ selettiv lill-kumpanniji ARCO, għaliex ippermettitilhom li jattiraw jew li jżommu fondi. Is-selettività ta’ dan il-vantaġġ hija, barra minn hekk, stabbilita, peress li l-kooperattivi finanzjarji biss kienu eliġibbli għaliha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li hija sproporzjonata l-garanzija fir-rigward, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tagħhom, tat-totalità tas-somom investiti, mogħtija lill-investituri li akkwistaw ishma tal-kumpanniji ARCO, u dan jeskludi kull ġustifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-kriterji ddefiniti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġi li jistgħu jkunu ġġustifikati mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali, anki jekk dawn il-kriterji jitqiesu applikabbli f’dan il-każ (premessi 100 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, wara li eżaminat il-kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE, għaldaqstant ikkonkludiet li l-garanzija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni qieset li l-unika bażi legali li tista’ tiġi applikata f’din il-kawża kienet l-Artikolu 107(3) TFUE. Madankollu, hija qieset li l-miżura inkwistjoni la kienet xierqa, la neċessarja u lanqas proporzjonata mal-objettiv, jiġifieri li tirrimedja għal taqlib serju fl-ekonomija Belġjana, u li, għaldaqstant, hija ma setgħetx titqies bħala kompatibbli mas-suq intern (premessi 111 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet metodu għall-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat mingħand il-kumpanniji ARCO u stiednet lir-Renju tal-Belġju sabiex jibagħtilha l-informazzjoni meħtieġa. Hija indikat ukoll li, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, hija qieset li kienet fondata li titlob lil dan l-Istat Membru jkompli jżomm lura minn kwalunwe ħlas lill-persuni li jikkooperaw (premessi 130 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju tal-Belġju jirkupra mingħand il-kumpanniji ARCO il-vantaġġ indebitu li, fil-fehma tagħha, kienu bbenefikaw minnu (Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju tal-Belġju jirtira l-atti leġiżlattivi u regolatorji li fuqhom kienet ibbażata l-garanzija (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata) u pprojbixxietu milli jimplimentaha għall-benefiċċju tal-persuni li jikkooperaw (Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-projbizzjoni hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

 Il-proċeduri nazzjonali u d-domanda preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata

 Il-kontestazzjoni tal-garanzija quddiem il-qorti nazzjonali

23      F’Diċembru 2011 u f’Jannar 2012, ġew ippreżentati tliet rikorsi minn persuni fiżiċi, mill-Organisme voor de financiering van pensioenen Ogeo Fund (l-Organu għall-finanzjament tal-pensjonijiet Ogeo Fund), u mill-Gemeente Schaarbeek (il-Komun ta’ Schaerbeek, il-Belġju) quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Dawn ir-rikorsi kienu intiżi għall-annullament tad-Digrieti Rjali tal-10 ta’ Ottubru (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) u tas-7 ta’ Novembru 2011 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, ir-rikorrent sostnew, essenzjalment, li dawn id-Digrieti Irjali kienu jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit permezz tal-Kostituzzjoni tal-Belġju, inkwantu huma kienu jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-persuni li jikkooperaw, li jisgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ garanzija stabbilita fost l-oħrajn permezz tal-imsemmija digrieti irjali, u l-azzjonisti, persuni fiżiċi, ta’ kumpanniji oħra qrib tas-settur finanzjarju, li huma esklużi mill-imsemmija skema.

24      Peress li qies li d-Digrieti Irjali tal-10 ta’ Ottubru u tas-7 ta’ Novembru 2011 kienu bbażati fuq l-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), li, għaldaqstant, huma kienu jaqgħu taħt limitazzjonijiet li l-leġiżlatur Belġjan innifsu kien stabbilixxa u li d-differenza fit-trattament invokata kienet tirriżulta minn norma leġiżlattiva, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għamel lill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) diversi domandi preliminari rigward il-kompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mal-Kostituzzjoni tal-Belġju.

25      Issa, sabiex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset neċessarju li tingħata deċiżjoni, l-ewwel nett, dwar id-domanda li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari fil-Kawża C‑76/15, li ħamsa minnhom kienu jikkonċernaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw f’dan il-każ għar-Renju tal-Belġju mill-Artikolu 108(3) TFUE.

 Is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C76/15)

26      L-għan tal-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-garanzija fir-rigward tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 85/611/KEE, 91/675/KEE, 92/49/KEE u 93/6/KEE u d-Direttivi 94/19/KE, 98/78/KE, 2000/12/KE, 2001/34/KE, 2002/83/KE u 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex tiġi stabbilita struttura organizzattiva ġdida għall-kumitati dwar is-servizzi finanzjarji (ĠU 2005, L 79, p. 9). It-tieni domanda preliminari kienet tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni kkontestata. L-erba’ domandi rimanenti kienu, min-naħa tagħhom, jirrigwardaw il-kompatibbiltà tal-garanzija mal-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-Artikolu 108(3) TFUE.

27      B’risposta għad-domandi magħmula mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975), li d-dispożittiv tagħha jaqra kif ġej:

“1)      L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva [94/19] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jeżiġux li l-Istati Membri jadottaw skema ta’ garanzija għall-ishma ta’ [kooperattivi finanzjarji], bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas ma jipprekludu li Stat Membru jadotta tali skema, sakemm din l-iskema ma tikkompromettix l-effikaċja prattika tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti li din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u sakemm l-imsemmija skema tkun konformi mat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

2)      L-eżami tad-domandi preliminari magħmula […] ma żvela l-ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni [kkontestata].

3)      L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema ta’ garanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tal-aħħar tkun ġiet implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.”

 Segwitu fid-dritt nazzjonali

28      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat in-nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998. Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), b’mod partikolari, ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali.

29      Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) annulla d-Digrieti Irjali tal-10 ta’ Ottubru (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) u tas-7 ta’ Novembru 2011 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

 Kawża T711/14

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2014 (Kawża T‑711/14), il-kumpanniji ARCO ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rikors tagħhom, il-kumpanniji ARCO kkontestaw, b’mod partikolari, kemm l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tagħha kienu benefiċjarji, kif ukoll l-evalwazzjoni li tgħid li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern. Il-kumpanniji ARCO kkontestaw ukoll il-projbizzjoni lir-Renju tal-Belġju milli jħallas l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

31      B’digriet tad-9 ta’ Frar 2018, Arcofin et vs Il-Kummissjoni (T‑711/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:80), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment infondat fid-dritt. B’mod partikolari, ir-rikors tal-kumpanniji ARCO, inkwantu kien intiż li jikkontesta l-projbizzjoni magħmula lir-Renju tal-Belġju milli jħallas l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw wara l-għeluq tal-istralċ, ġie miċħud bħala manifestament inammissibbli, fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-imsemmija kumpanniji kontra d-dispożizzjoni kkontestata mir-Renju tal-Belġju f’dan ir-rikors.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 Il-fażi bil-miktub tal-proċedura

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2014, ir-Renju tal-Belġju ppreżenta dan ir-rikors.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2015, adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 69(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li kkonstata, minn naħa, li d-domanda preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) fil-Kawża C‑76/15 (ara l-punti 23 sa 26 iktar ’il fuq) kienet tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni kkontestata u kienet titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa parti sostanzjali tal-argumenti sottomessi mill-kumpanniji ARCO fil-Kawża T‑711/14 u peress li qies, min-naħa l-oħra, li s-soluzzjoni ta’ din il-kawża setgħet tiddependi fuq l-eżitu tar-rikors ippreżentat mill-imsemmija kumpanniji, wara li sema’ lill-partijiet skont l-Artikolu 70(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċedura f’din il-kawża sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Din is-sospensjoni ġiet fi tmiemha bl-għoti, fil-21 ta’ Diċembru 2016, tas-sentenza Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975) (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

35      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lilha.

36      Fl-istess jum, b’applikazzjoni tal-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) stiednet lill-partijiet jispeċifikaw il-konsegwenzi li, fil-fehma tagħhom, għandhom jinsiltu għal din il-kawża mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975).

37      Il-partijiet taw segwitu għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu li kien ġie stabbilit.

38      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-26 ta’ Ġunju 2017, adottata skont l-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) stiednet lill-partijiet jispeċifikaw, b’mod partikolari:

–        liema konsegwenzi fid-dritt nazzjonali huma kienu jħossu li għandhom jinsiltu mill-invalidazzjoni tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 mill-Cour consitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali);

–        x’inhuma l-effetti li annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali jista’ jwassal, fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda preċedenti.

39      Il-partijiet irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini li ġew mogħtija lilhom.

40      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Settembru 2017, adottata skont l-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla), b’mod partikolari:

–        stiednet lir-Renju tal-Belġju jieħu pożizzjoni fuq ċerti elementi tar-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq;

–        staqsiet għal darba oħra lir-Renju tal-Belġju dwar il-konsegwenzi legali u l-utilità li jista’ jkollu annullament eventwali, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, b’teħid inkkunsiderazzjoni tal-invalidazzjoni tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 mill-Cour consitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali).

41      Ir-Renju tal-Belġju wieġeb għal dawn id-domandi fit-termini li ġew mogħtija lilu u l-Kummissjoni setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar dawn ir-risposti.

42      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

 Il-fażi orali tal-proċedura

43      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

44      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2017.

45      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2018, ir-Renju tal-Belġju informa lill-Qorti Ġenerali bl-għoti, mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), tas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018 imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq.

46      Permezz ta’ nota ppreżentata fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ressqet talba għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

47      Permezz ta’ digriet tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Marzu 2018, il-fażi orali tal-proċedura nfetħet mill-ġdid. Konsegwentement, id-dokumenti msemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq ġew inklużi fil-proċess u l-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom li seta’ jkollhom dwar dawn id-dokumenti. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni fuq ċerti argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Belġju fl-ittra tat-13 ta’ Marzu 2018 (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

48      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u rrispondew għad-domandi fit-termini stabbiliti.

49      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ April 2018, adottata skont l-Artikolu 89(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni fuq ċerti argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Belġju fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni li hija kienet ressqet (ara l-punt 46 iktar ’il fuq).

50      Il-Kummissjoni tat segwitu lil din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

51      Xi osservazzjonijiet, ippreżentati b’mod spontanju mir-Renju tal-Belġju dwar ir-risposti tal-Kummissjoni, ġew inklużi fil-proċess.

52      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-15 ta’ Mejju 2018.

 It-talbiet tal-partijiet

53      Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

54      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li, peress li l-kawża tilfet l-iskop tagħha, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-iskop tal-kawża

55      Skont il-Kummissjoni, l-annullament, mill-Kunsill tal-Istat, fis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018 imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, tad-Digrieti Irjali tal-10 ta’ Ottubru (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) u tas-7 ta’ Novembru 2011 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), iċaħħad minn kull effett ġuridiku l-annullament eventwali tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-impossibbiltà għar-Renju tal-Belġju li jħallas l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw ma tibqax tirriżulta mill-projbizzjoni li tinsab fid-dispożizzjoni kkontestata, iżda mit-tneħħija retroattiva, fl-ordinament ġuridiku Belġjan, tal-atti li kienu jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ dan il-ħlas. Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li din il-kawża ma għadx għandha skop u titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni.

56      Ir-Renju tal-Belġju jikkontesta din it-talba.

57      Il-kundizzjonijiet li skonthom il-qorti tal-Unjoni għandha tiddikjara li rikors li jkollha quddiemha huwa mingħajr skop u, konsegwentement, tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ġew speċifikati fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 41 sa 45 u 47 sa 53). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-iskop tat-tilwima għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li, permezz tar-riżultat tiegħu, ir-rikors ikun jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenberger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għalkemm ir-Renju tal-Belġju huwa fondat li jsostni li l-Istati Membri mhumiex obbligati li juru li għandhom interess ġuridiku kontra d-dispożizzjonijiet li tagħhom jitolbu l-annullament, xorta jibqa’ l-fatt li, anki meta adita minn Stat Membru, il-qorti tal-Unjoni għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors meta l-annullament mitlub ma jistax jipproduċi effetti ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 25).

58      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li rikors kontra att li jiġi rtirat mill-awtur fil-mori tal-kawża jsir mingħajr skop (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 47 u 48). Min-naħa l-oħra, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li jżomm l-iskop tiegħu rikors dirett kontra att ivvizzjat b’illegalità li tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur f’ċirkustanzi indipendenti mill-każ ineżami (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 52).

59      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata ma ġiex irtirat u, għaldaqstant, ma għebx b’mod retroattiv. Minn dan isegwi li, li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata l-għajbien tas-suġġett tal-kawża u li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, peress li l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni jibqa’ bla effetti legali, l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata madankollu jibqa’ jeżisti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

60      Fit-tieni lok, kif issostni ġustament il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Renju tal-Belġju, l-annullament, mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), tad-Digrieti Irjali tal-10 ta’ Ottubru u tas-7 ta’ Novembru 2011 għamilha impossibbli li l-garanzija li kienet prevista minn dawn l-atti ġuridiċi tiġi implimentata, u dan indipendentement mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li l-annullament tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata ma jkunx jippermetti lir-Renju tal-Belġju jimplimenta l-garanzija kif ġiet prevista fid-Digrieti Irjali tal-10 ta’ Ottubru u tas-7 ta’ Novembru 2011, li kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tagħha.

61      It-tielet nett, madankollu, min-naħa tiegħu r-Renju tal-Belġju huwa fondat li jsostni li ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma hijiex mingħajr skop. Konsegwentement, l-annullament eventwali ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunx nieqes minn kull effett ġuridiku b’ċertezza.

62      Fil-fatt, mill-korrispondenza skambjata bejn il-partijiet wara s-seduta jirriżulta li r-Renju tal-Belġju jikkunsidra mal-Kummissjoni miżuri ta’ effett ekwivalenti għal dak tal-garanzija kkontestata, intiżi sabiex il-konsegwenzi tal-istralċ tal-imsemmija kumpanniji jkunu mmitigati għall-persuni li jikkooperaw. Issa, għalkemm il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li bħala prinċipju hija ma tipprekludix kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kumpens tal-persuni li jikkooperaw u, min-naħa l-oħra, li hemm raġunijiet oħra li jimmotivaw l-oppożizzjoni tagħha għall-miżuri li ġew ippreżentati lilha u li fuqhom inbdew negozjati informali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fir-risposta tagħha tas-7 ta’ Mejju 2018, hija invokat riskju ta’ “evitar tad-deċiżjoni kkontestata”. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni kkontestata għadha tipproduċi effetti ġuridiċi.

63      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżekuzzjoni bona fide mill-Istati Membri tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE u tippreżupponi li l-Istati Membri għandhom iwettqu l-isforzi meħtieġa biex jegħlbu d-diffikultajiet eventwali filwaqt li josservaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, fuq kollox id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuniet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, indipendentement mir-riskju ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Renju tal-Belġju jkun espost għalih fil-każ li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li huwa seta’ jistabbilixxi għall-benefiċċju ta’ dawk li kienu jikkooperaw mal-kumpanniji ARCO jikkostitwixxu evitar tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li dan l-Istat Membru għandu b’inizjattiva tiegħu jastjeni minn kull aġir li jista’ jikkostitwixxi tali evitar, fil-każ fejn id-dispożizzjoni kkontestata tibqa’ fis-seħħ. Minn dan isegwi li l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni, f’każ fejn dan ir-rikors ikun fondat, ma jkunx nieqes minn effetti ġuridiċi.

64      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-argumenti tagħha fuq il-mertu sabiex tiġġustifika l-legalità tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li s-sempliċi konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern hija biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat li l-Istat Membru jiġi ordnat li jwettaq it-tneħħija tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, fuq din il-kwistjoni l-Kummissjoni adottat pożizzjoni ġenerali u astratta, li l-ġustifikazzjonijiet għaliha huma indipendenti miċ-ċirkustanzi tal-każ. Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li tali rekwiżit huwa illegali, ikun hemm lok li t-tilwima preżenti tiġi deċiża, u dan sabiex jiġi evitat li, fil-futur, isseħħ illegalità analoga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 50 sa 52).

65      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li ma huwa bl-ebda mod stabbilit li l-annullament tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata ikun nieqes minn kull effett ġuridiku u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex fondata sabiex issostni li dan ir-rikors ma għadx għandu skop. Minn dan isegwi li t-talba tagħha intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-legalità tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata

66      Skont l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Belġju huwa obbligat li jkompli jżomm lura, sa mid-data tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, milli jwettaq kwalunkwe pagament skont l-iskema ta’ garanzija. Din il-projbizzjoni definittiva għandha tinqara fil-kuntest tal-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2011 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u tad-deċiżjoni ta’ ftuħ (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), li t-tnejn li huma kienu jinkludu projbizzjoni provviżorja ta’ portata simili, sakemm tingħata d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kien jippreżupponi l-irtirar, mir-Renju tal-Belġju, tal-atti leġiżlattivi u regolatorji li kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-garanzija.

67      Skont ir-Renju tal-Belġju, projbizzjoni ta’ pagament bħal dik deċiża mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata hija konċepibbli biss f’żewġ sitwazzjonijiet. Ikun jenħtieġ għalhekk, skont l-ewwel ipoteżi, li l-benefiċjarji tal-ħlasijiet magħmula taħt il-garanzija, jiġifieri l-persuni li jikkooperaw, ikunu ġew identifikati bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Jekk le, sabiex tiġi ġġustifikata, il-projbizzjoni tal-ħlas tal-ammonti garantiti jkollha tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-tneħħija tal-effetti tal-għajnuna mill-Istat meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq intern.

68      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li, billi pprojbixxiet bħala prinċipju l-ħlas tal-garanzija lill-persuni li jikkooperaw u mingħajr ma vverifikat jekk din il-projbizzjoni kinitx tikkostitwixxi miżura meħtieġa sabiex jixxejnu l-effetti tal-għajnuna li l-kumpanniji ARCO bbenefikaw minnha, il-Kummissjoni fixklet it-tneħħija tal-vantaġġ selettiv mogħti, li hija prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, mat-tneħħija tal-att ġuridiku li abbażi tiegħu ingħata l-vantaġġ inkwistjoni. Issa, it-tneħħija tal-att li abbażi tiegħu jingħata l-vantaġġ indebitu hija ġġustifikata biss fil-każijiet fejn din tkun meħtieġa sabiex jiġu eliminati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-għajnuna illegali jew inkompatibbli. L-obbligu preskritt mill-Kummissjoni huwa għalhekk sproporzjonat.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

70      Skont l-Artikolu 108(2) TFUE, jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz ta’ riżorsi ta’ Stat, mhijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107 TFUE, jew li dik l-għajnuna tkun qiegħda tiġi applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jneħħi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritt mill-Kummissjoni.

71      B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tneħħija tagħha permezz tal-irkupru sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċtata).

72      Fil-fatt, l-għan prinċipali tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti minn tali għajnuna. B’hekk, permezz tar-rimbors tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel il-ħlas tal-għajnuna (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk l-irkupru tal-vantaġġ li minnu l-kumpanniji ARCO siltu vantaġġ b’mod indebitu jimplikax it-tneħħija tal-garanzija, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe ħlas lill-persuni li kkooperaw, fil-każ li l-proċedura ta’ stralċ miftuħa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata twassal għat-telf, fir-rigward tagħhom, tal-valur sħiħ jew parti mill-valur tal-azzjonijiet tagħhom.

74      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru l-karatteristiċi tal-għajnuna mill-Istat illegali identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u sussegwentement il-miżuri tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-irkupru tagħha. Ikun jenħtieġ, fit-tieni lok, li jiġi evalwat il-mertu tal-argumenti li permezz tagħhom ir-Renju tal-Belġju jqis li l-projbizzjoni li jħallas l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw hija ta’ natura sproporzjonata, kif ukoll il-mertu tal-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex tiddefendi l-fondatezza ta’ din il-projbizzjoni.

 F’dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat identifikata fid-deċiżjoni kkontestata

75      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-miżura eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti f’garanzija dwar l-ammonti investiti minn individwi f’ishma fil-kapital tal-kumpanniji ARCO. Peress li dawn il-kumpanniji aderixxew mal-mekkaniżmu stabbilit mill-Gvern Belġjan (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), l-ammonti investiti fil-kapital tagħhom mis-soċji tagħhom li huma persuni fiżiċi ġew għaldaqstant iggarantiti sal-ammont ta’ EUR 100 000 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Skont il-mekkaniżmu stabbilit, fond ta’ garanzija kellu jidħol fis-seħħ wara l-għeluq tal-operazzjonijiet ta’ stralċ fil-każ li l-kapital rimanenti ma jkunx jippermetti li kull persuna li tikkoopera tirkupra l-fondi investiti sa limitu ta’ EUR 100 000.

76      Għandu jitfakkar ukoll li l-kumpanniji ARCO qablu li jsir stralċ volontarju fit-8 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri fil-bidu tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

77      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tinkludi element ta’ għajnuna mill-Istat favur il-kumpanniji ARCO. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-garanzija tal-ishma tagħhom ħeġġet lill-persuni li jikkooperaw sabiex ma jirtirawx l-investimenti tagħhom fil-kapital tal-imsemmija kumpanniji. Dawn tal-aħħar, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ibbenefikaw minn vantaġġ selettiv iffinanzjat minn fondi pubbliċi. Il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji kollha tal-għajnuna mill-Istat u li din l-għajnuna ma setgħetx tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ rimedju għal teqlib serju fl-ekonomija Belġjana, peress li din il-miżura la kienet xierqa, la neċessarja u lanqas proporzjona ma’ dak l-objettiv.

78      Barra minn hekk, peress li kkonstatat li din l-għajnuna kienet ġiet implimentata qabel ma ddeċidiet dwar il-kwalifika tagħha u l-kompatibbiltà eventwali tagħha mas-suq intern, il-Kummissjoni qieset li, minħabba dan il-fatt, hija kienet illegali. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975) (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

79      Ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata mill-kumpanniji ARCO ġie miċħud permezz tad-digriet tad-9 ta’ Frar 2018, Arcofin et vs Il-Kummissjoni (T‑711/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:80) (ara l-punti 30 u 31 iktar ’il fuq), u fl-assenza ta’ appell ippreżentat minn dan id-digriet, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata riprodotti fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq kisbu natura definittiva.

80      Għaldaqstant, peress li kkonstatat, minn naħa, li l-miżura inkwistjoni kienet tinkludi element ta’ għajnuna mill-Istat li l-benefiċjarji tagħha kienu l-kumpanniji ARCO u, min-naħa l-oħra, li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern u kienet ġiet implimentata qabel ma hija setgħet twettaq l-eżami tagħha minn qabel, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tordna lir-Renju tal-Belġju jwettaq l-irkupru tagħha.

81      Għalhekk tajjeb li jitfakkru l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li hija biss il-projbizzjoni tal-ħlas tal-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw, jiġifieri l-persuni fiżiċi li għandhom il-kwalità ta’ soċji tal-kumpanniji ARCO, li hija kkontestata (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

 F’dak li jikkonċerna l-miżuri stabbiliti għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni

82      Għandu jitfakkar, kif ġie espost fil-punt 22 iktar ’il fuq, li, sabiex tiżgura li l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern identifikata fid-deċiżjoni kkontestata tiġi rkuprata, il-Kummissjoni stabbilixxiet żewġ miżuri.

83      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju tal-Belġju, permezz ta’ formula ta’ kalkolu li tagħha hija stabbilixxiet il-prinċipji, jevalwa l-ammont tal-vantaġġ li minnu kienu bbenefikaw il-kumpanniji ARCO u li jniżżel dejn ta’ dan l-ammont fl-obbligazzjonijiet tal-istralċ ta’ dawk il-kumpaniji. Dan il-metodu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni ma huwiex ikkontestata mir-Renju tal-Belġju, li jqis li din il-miżura hija suffiċjenti biex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tal-kompetizzjoni.

84      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ordnat lir-Renju tal-Belġju jżomm lura milli jħallas l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw. F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx intitolata tagħmel din l-ordni lir-Renju tal-Belġju.

85      Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 71 u 72 iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għal din il-kwistjoni tiddependi fuq jekk din l-ordni kinitx proporzjonata mal-għan tal-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-ordni kinitx adegwata u meħtieġa biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva preċedenti, jiġifieri n-newtralizzazzjoni, fir-rigward tal-benefiċjarji identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tal-vantaġġ kompetittiv kif meqjus f’din id-deċiżjoni.

 F’dak li jikkonċerna n-natura proporzjonata tal-projbizzjoni li jitħallsu l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw

86      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata, bħala benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ġew identifikati biss il-kumpanniji ARCO. Il-vantaġġ kompetittiv li dawn il-kumpanniji bbenefikaw minnu ġie meqjus bħala għajnuna għaż-żamma tal-kapital eżistenti tagħhom. Dan il-vantaġġ, skont id-deċiżjoni kkontestata, ħa l-forma ta’ inċentiv, minħabba l-eżistenza nfisha tal-garanzija, li għandha bħala effett li tiddiswadi lill-persuni li jikkooperaw milli jirtiraw l-ishma investiti fil-kapital ta’ dawn il-kumpanniji. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-persuni stess li jikkooperaw ma ġewx meqjusa bħala benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Belġju huwa fondat isostni li l-inklużjoni, fl-obbligazzjonijiet tal-istralċ tal-kumpanniji ARCO, ta’ dejn ta’ ammont li jikkorrispondi għall-valorizzazzjoni biss tal-vantaġġ identifikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni, kienet suffiċjenti sabiex tinnewtralizza l-imsemmi vantaġġ u, konsegwentement, li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet ġiet distorta permezz tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑499/99, EU:C:2002:408, punti 37 u 38).

88      It-tieni nett, kif għadu kif tfakkar, għandu jiġi rrilevat li l-uniku element ta’ għajnuna mill-Istat identifikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa l-vantaġġ kompetittiv li l-garanzija tat lill-kumpanniji ARCO. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma qisitx li l-persuni li jikkooperaw kienu, huma stess, il-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat u ma kklassifikatx bħala tali l-garanzija inkwantu din kienet tagħti vantaġġ lill-persuni li jikkooperaw. Minn dan isegwi li l-projbizzjoni imposta fuq ir-Renju tal-Belġju milli jwettaq il-ħlasijiet li kienu previsti mill-garanzija ma tistax titqies, bħala tali, bħala li ssegwi direttament l-għan li l-għajnuna mill-Istat tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji tagħha.

89      Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, mill-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ, il-garanzija għandha ebda effett ta’ inċentiv fuq is-soċji tal-kumpanniji ARCO, tant li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, dawn ma baqgħux jibbenefikaw mill-vantaġġ identifikat fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-eżistenza tal-garanzija. Fil-fatt, hekk kif il-partijiet ikkonfermaw matul is-seduta, il-ftuħ tal-istralċ jostakola lill-persuni li jikkooperaw milli jirtiraw l-ishma tagħhom. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, fid-definizzjoni tal-formula maħsuba sabiex tivvalorizza l-benefiċċju mogħti lill-kumpanniji ARCO, il-Kummissjoni stess ikkalkolat dan il-vantaġġ biss sal-ftuħ tal-proċeduri ta’ stralċ, li, barra minn hekk, iwassal għall-ħruġ tal-imsemmija kumpanniji mis-suq. Minn dan isegwi li t-tneħħija tal-garanzija li l-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju jwettaq kienet intiża li tibqa’ mingħajr effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kumpanniji identifikati bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u ma setgħetx tikkontribwixxi għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti.

90      Għalhekk minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-projbizzjoni milli l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw jitħallsu mhijiex miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kompetittiva distorta permezz tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat identifikata f’dan il-każ fid-deċiżjoni kkontestata.

91      L-ebda waħda mill-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma hija ta’ natura li tikkontesta din l-evalwazzjoni.

 F’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni

92      Fl-ewwel lok, fil-premessi 137 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat il-projbizzjoni milli jitħallsu l-ammonti ggarantiti mill-ħtieġa, li fil-fehma tagħha tirriżulta mill-Artikolu 108(2) TFUE, li titneħħa kwalunkwe miżura li jkun fiha element ta’ għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, fl-atti tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat kunsiderazzjonijiet ta’ natura sistemika, li jimplikaw li Stat Membru li, bħal f’dan il-każ, ma jkunx innotifika l-miżura inkwistjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha ma għandux jiġi ttrattat b’mod inqas sever minn Stat Membru li jkun ikkonforma mal-obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ kwalunkwe miżura li tista’ tinvolvi element ta’ għajnuna mill-Istat.

93      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-argument sostnut mill-Kummissjoni jidher li ġej minn konfużjoni bejn il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li ma huwiex ta’ natura formali iżda huwa ddefinit permezz tal-għaqda tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE, u d-dispożizzjoni legali li tifforma l-bażi legali u l-vettura tiegħu. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107 TFUE jiddefinixxi l-għajnuniet mill-Istat skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Issa, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali Kokott fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), li, kuntrarjament għal dak li huwa previst, fir-rigward tal-akkordji taħt id-dritt tal-Unjoni, fl-Artikolu 101(2) TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament liema huma l-konsegwenzi ġuridiċi, li jaffettwaw il-validità tal-atti, li jirriżultaw minn ksur tal-obbligu ta’ notifika u mill-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-għajnuniet imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li t-tneħħija tal-miżura li permezz tagħha tingħata għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, l-iktar strument xieraq biex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv mogħti. Madankollu, fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, il-vantaġġ kompetittiv identifikat bħala għajnuna mill-Istat ikun jibbenefika lil parti terza (il-kumpanniji ARCO) meta mqabbla mal-benefiċjarji diretti tal-miżura inkwistjoni (il-persuni li jikkooperaw), it-tneħħija tal-miżura nnifisha tkun tista’ tiġi ġġustifikata biss meta tidher bħala li hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet tipprevali fl-assenza tal-għajnuna mill-Istat li dan it-terz ibbenefika minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 44 u 45). Issa, f’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-projbizzjoni milli jitħallsu l-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw mhijiex miżura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kompetittiva distorta permezz tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat identifikata f’dan il-każ fid-deċiżjoni kkontestata.

95      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-persuni li jikkooperaw ma jistgħux jitqiesu bħala terzi persuni fil-konfront tal-kumpanniji ARCO. Dan l-argument, madankollu, ma huwiex konvinċenti.

96      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma qieset il-persuni li jikkooperaw bħala li jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni. B’hekk, mill-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-“benefiċjarji reali” huma l-kumpanniji ARCO u li l-għajnuna mill-Istat identifikata fil-punt 4.3 tal-imsemmija deċiżjoni tikkonsisti biss fil-vantaġġ kompetittiv li minnu bbenefikaw dawn il-kumpanniji.

97      It-tieni nett, huwa paċifiku li l-kumpanniji ARCO huma kumpanniji b’responsabbiltà limitata u li, għaldaqstant, la l-patrimonju tagħhom u lanqas l-għan tagħhom ma jista’ jiġi mfixkel mal-interessi tas-soċji tagħhom. Barra minn hekk, fid-digriet tad-9 ta’ Frar 2018, Arcofin et vs Il-Kummissjoni (T‑711/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:80), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni f’dak li kien jirrigwarda l-ħames motiv, billi qieset li l-interess ġuridiku tal-kumpanniji ARCO u dak tal-perusni li jikkooperaw kienu differenti. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata li ssostni li s-sempliċi kwalità tagħhom bħala soċju tal-kumpanniji benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika li l-vantaġġ li minnu bbenefikaw l-imsemmija kumpanniji, li l-irkupru tiegħu kien żgurat, skont l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-inklużjoni ta’ dejn tal-Istat fl-obbligazzjonijiet tal-istralċ, ikollu jiġi, barra minn hekk, irkuprat mingħand il-persuni li jikkooperaw.

98      It-tielet nett, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tislet argument mis-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni (T‑384/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:650), liema sentenza ma tikkostitwixxix preċedent komparabbli ma’ din il-kawża. Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tordna t-tneħħija tal-garanzija kkontestata mingħajr, kif għamlet fil-kawża ineżami, ma wettqet il-valorizzazzjoni tal-vantaġġ u mingħajr ma ordnat l-irkupru tiegħu (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni, T‑384/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:650, punti 133 u 135). It-tieni nett, il-garanzija inkwistjoni f’dik il-kawża kellha l-għan li tipproteġi lill-benefiċjarju tagħha mir-riskju li jkollu jħallas lura l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment lil kumpannija li l-benefiċjarju ta’ din il-garanzija kien qiegħed jippjana li jakkwista. L-għan dirett ta’ din il-garanzija kien għalhekk li topponi l-irkupru ta’ għajnuniet mill-Istat billi tipprevedi r-rimbors lill-akkwirent ta’ kwalunkwe għajnuna eventwalment irkuprata. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 89 iktar ’il fuq, il-projbizzjoni ta’ ħlas tal-ammonti ggarantiti lill-persuni li jikkooperaw tibqa’ mingħajr effett fuq l-irkupru tal-vantaġġ identifikat fid-deċiżjoni kkontestata, li twettaq permezz tal-inkużjoni ta’ dejn tal-Istat Belġjan fl-obbligazzjonijiet tal-istralċ tal-kumpanniji ARCO.

99      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li, billi ordnat lir-Renju tal-Belġju jżomm lura minn kull pagament lill-persuni li jikkooperaw skont il-garanzija, filwaqt li hija kienet barra minn hekk ordnat l-irkupru tal-vantaġġ identifikat fid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-inklużjoni ta’ dejn fl-obbligazzjonijiet tal-istralċ tal-kumpanniji ARCO, meqjusa bħala benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni f’dan il-każ imponiet fuq ir-Renju tal-Belġju obbligu sproporzjonat u eċċediet is-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 108(2) TFUE.

100    Minn dan isegwi li r-Renju tal-Belġju għandu raġun isostni li l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata huwa illegali u għandu, għalhekk, jiġi annullat.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/686/UE tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji, huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2018.

Firma


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.