Language of document : ECLI:EU:F:2009:48

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Mejju 2009

Kawżi magħquda F-138/06 u F-37/08

Herbert Meister

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapporti ta’ evalwazzjoni 2001/2002, 2003/2004 u 2004/2005 – Redazzjoni tardiva – Kompetenza – Djalogu – Promozzjoni – Punti ta’ promozzjoni – Fastidju psikoloġiku – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bihom H. Meister jitlob, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu stabbiliti għall-perijodi bejn l-1 ta’ April 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002, bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Settembru 2004, u bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 u t-30 ta’ Settembru 2005, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ punti għall-proċeduri ta’ promozzjoni 2006 u 2007, it-tielet nett, l-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet it-talba tiegħu għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemendahom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), ir-raba’ nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) li tiċħad it-talba tiegħu għall-istabbiliment ta’ programm individwali ta’ żvilupp personali maħsub għall-membri tal-persunal li jkunu eżerċitaw attività professjonali qabel ma bdew jaħdmu mal-UASI, il-ħames nett, il-kundanna tal-UASI biex iħallsu d-danni.

Deċiżjoni: Ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent, stabbilit għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002, huwa annullat. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent, stabbilit għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 u t-30 ta’ Settembru 2005, huwa annullat. Id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-punti ta’ promozzjoni lir-rikorrent għall-proċedura ta’ promozzjoni 2006 hija annullata. L-UASI huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 5 000. Il-kumplament tar-rikors F‑138/06 kif ukoll ir-rikors F‑37/08 huma miċħuda. Fil-Kawża F‑138/06, l-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrent. Fil-Kawża F‑37/08, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha, jiġifieri l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-UASI.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Uffiċjali – Deċiżjoni individwali – Notifika ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda – Tfassil f’lingwa li tippermetti lill-persuna kkonċernata tkun taf biha b’mod effettiv

3.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Aġir intiż li jiskredita lill-interessat jew li jwassal għad-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3) u (4); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2(3))

4.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Derogi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43, u Artikolu 90(2))

5.      Uffiċjali – Rikorsi – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Identiċità tas-suġġett u u tal-bażi ġuridika – Motivi u argumenti li ma jinsabux fl-ilment, imma li huma relatati strettament miegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Intervent tal-validatur fil-proċedura ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

8.      Uffiċjali – Rikorsi – Proċedura amministrattiva li għandha titwettaq qabel – Nuqqas ta’ osservanza mill-amminstrazzjoni tat-termini għar-risposta

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

1.      Skont l-obbligu ta’ assistenza previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, fil-każ ta’ inċident li ma jkunx kompatibbli mal-ordni u mas-serenità tad-dipartiment, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi inkwistjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti u tasal, b’mod informat, għall-konsegwenzi xierqa.

Il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra, bi ksur tad-dmir tal-premura, ma tkunx irrispondiet bil-ħeffa meħtieġa għat-talba għal assistenza, jekk jista’ jinvolvi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata għad-dannu eventwalment ikkawżat lill-persuna kkonċernata, ma jistax, minnu nnifsu, jaffettwa l-legalità ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba. Fil-fatt, jekk tali deċiżjoni kellha tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li tkun tardiva, id-deċiżjoni l-ġdida li jkollha tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata bl-ebda mod ma tista’ tkun inqas tardiva minnha.

(ara l-punti 73 u 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il-Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31; 6 ta’ Novembru 1997, Liao vs Il-Kunsill, T‑15/96, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑897, punt 34; 5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 42; 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 136

2.      Sabiex deċiżjoni tkun debitament notifikata, jeħtieġ mhux biss li tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, iżda wkoll li huwa jkun f’pożizzjoni li effettivament isir jaf bil-kontenut tagħha. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, miktuba f’lingwa li la hija l-lingwa materna tal-uffiċjal u lanqas dik li fiha tkun saret it-talba għal assistenza, tkun regolari sakemm il-persuna kkonċernata tkun tista’, effettivament, issir taf bil-kontenut tagħha.

(ara l-punti 84 u 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Ġunju 1994, X vs Il-Kummissjoni, T‑94/92, ĠabraSP p. I‑A‑149 u II‑481, punt 24; 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 44; 7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighino vs Il-Kummissjoni, T‑118/99, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑97, punti 16 u 17

3.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li teżiġi, sabiex tiġi stabbilita, li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li jsiru “tul perijodu, [b’mod] ripettitiv[…] jew sistematik[u]”, u dan jippreżupponi li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ f’ċertu żmien u li jeżisti aġir ripetitut jew kontinwu, u li huwa “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda permezz tal-konġunzjoni “u”, teżiġi li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna.

Il-fatt li l-aġġettiv “intenzjonali” jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, ifisser, minn naħa, li l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra msemmija mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu ta’ natura volontarja, u dan jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jsir b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex, bil-kontra, mitlub li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jitwettqu bl-intenzjoni li titbaxxa l-personalità, dinjità, jew integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma l-persuna kien kellha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiddiskredita lill-vittma jew tbaxxi b’mod intenzjonali l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħha. Biżżejjed li l-aġir tagħha, meta jitwettaq b’mod volontarju, ikun wassal oġġettivament għal tali konsegwenzi. Interpretazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ikollha l-effett li tneħħi kull effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba d-diffikultà li tiġi pprovata l-intenzjoni tal-awtur li jagħmel ħsara f’imġiba ta’ fastidju psikoloġiku.

Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdu li “‘Turment sesswali’ tfisser imġiba relatata mas-sess li ma tridhiex il-persuna li hija diretta għaliha, u li għandha l-iskop jew l-effett li toffendi dik il-persuna jew toħloq ambjent ta’ intimidazzjoni, ostili, offensiva jew disturbat”. Jekk l-espressjoni “li għandha l-iskop jew l-effett” tinsab fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li hija nieqsa mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, tali nuqqas ma jistax jiġi interpretat li jfisser li, fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku, huwa biss l-aġir li għandu “l-iskop” li jiddiskredita jew ibaxxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuna li jista’ jitqies li jikkostitwixxi tali fastidju psikoloġiku.

Fl-aħħar nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tkun ibbażata fuq il-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju, ma tikkorrispondix mad-definizzjoni li tagħti d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol. L-użu tal-frażi “bl-iskop [jew bl-effett]” fid-Direttiva 2000/78, juri li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, li jiggarantixxi għall-vittmi tal-fastidju psikoloġiku “protezzjoni ġudizzjarja adegwata”.

(ara l-punti 102, 104 sa 108 u 111 sa 113)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni, F‑52/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 135 u 144, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑80/09 P

4.      Rapport ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u li kontra tiegħu uffiċjal jista’ jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jew inkella lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk normalment huwa mixtieq li jintużaw proċeduri interni stabbiliti permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, tali dispożizzjonijiet ma jistgħux jagħmlu deroga mid-dritt tar-Regolamenti msemmi hawn fuq li jippermetti lill-uffiċjali jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew jindirizzaw ilment kontra rapport ta’ evalwazzjoni mingħajr ma jeżawrixxu minn qabel dawn il-proċeduri interni.

L-istituzzjonijiet ma għandhomx il-kompetenza li jagħmlu deroga minn regola espliċita tar-Regolamenti tal-Persunal permezz ta’ dispożizzjoni ta’ eżekuzzjoni.

(ara l-punti 138 sa 140)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Diċembru 1994, Schneider vs Il-Kummissjoni, T‑54/92, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑887, punt 22; 4 ta’ Mejju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T‑398/03, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑507, punt 32

5.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u r-rikors teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti Komunitarja jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun kienet fil-pożizzjoni li tkun taf b’mod biżżejjed preċiż l-ilmenti li l-persuna kkonċernata tagħmel kontra d-deċiżjoni kkontestata. Jekk it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti Komunitarja jistgħu jinkludu biss “kapijiet ta’ kontestazzjoni” li jistrieħu fuq l-istess kawża bħal dawk invokati fl-ilment, dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu, quddiem il-qorti Komunitarja, jiġu żviluppati permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li mhux bilfors jinsabu fl-ilment, imma li huma marbuta fil-qrib miegħu.

(ara l-punt 145)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il-Kummissjoni, T‑496/93, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑405, punt 26

6.      Sistema li tipprovdi li r-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi redatt minn evalwatur u ffirmat ukoll minn validatur, u li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-evalwatur, ikun il-validatur li għandu s-setgħa tad-deċiżjoni definittiva, b’mod li l-validatur ikun għalhekk evalwatur fis-sens sħiħ tal-kelma, għandu jitqies li huwa garanzija tali li tinnewtralizza riskju eventwali ta’ parzjalità fil-persuna tal-evalwatur.

(ara l-punt 156)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni, F‑28/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 43

7.      Rapport ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi annullat, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għas-sempliċi raġuni li jkun ġie redatt tard. Jekk id-dewmien fir-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jagħti lok għal dritt ta’ kumpens favur l-uffiċjal ikkonċernat, huwa ma jistax jaffettwa l-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni, u lanqas, għaldaqstant, jiġġustifika l-annullament tiegħu.

(ara l-punt 171)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑205/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 139

8.      In-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jirrendi lill-istituzzjoni kkonċernata responsabbli għad-dannu eventwalment ikkawżat lill-persuni kkonċernati.

(ara l-punt 212)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il-Kummissjoni, T‑267/03, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑1, punt 84