Language of document : ECLI:EU:C:2017:278

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ April 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari –Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etnika – Direttiva 2000/43/KE – Artikolu 2(2)(a) u (b) – Stabbiliment ta’ kreditu li jitlob prova addizzjonali ta’ identità, fil-forma ta’ kopja ta’ passaport jew ta’ permess ta’ residenza, lill-persuni li jitolbu self għax-xiri ta’ karozza u li identifikaw ruħhom permezz tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom li tindika pajjiż tat-twelid li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles”

Fil-Kawża C-668/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Jyske Finans A/S

vs

Ligebehandlingsnævnet, li qiegħed jaġixxi għal Ismar Huskic,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev (Relatur), C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Jyske Finans A/S, minn C. Led‑Jensen, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u, inizjalment, M. Clausen, u sussegwentement, L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Jyske Finans A/S u l-Ligebehandlingsnævnet (bord għall-ugwaljanza fit-trattament, id-Danimarka), li qiegħed jaġixxi għal Ismar Huskic, dwar il-legalità tar-regola tal-proċedura interna ta’ din il-kumpannija, li tikkonsisti f’li tintalab prova addizzjonali ta’ identità, fil-forma ta’ kopja ta’ passaport jew ta’ permess ta’ residenza, lill-persuni li jitolbu self għax-xiri ta’ karozza u li identifikaw ruħhom permezz tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom li tindika pajjiż tat-twelid li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 8 tad-Direttiva 2000/43 tipprevedi li l-“Linji Gwida dwar ix-Xogħol fis-sena 2000 miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki, ta’l-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999, jenfasizzaw il-ħtieġa sabiex jitrawwmu l-kondizzjonijiet għas-suq tax-xogħol soċjalment inklussiv billi jifformulaw grupp koerenti ta’ politiki mmirati lejn il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra gruppi bħalma huma l-minoritajiet etniċi”.

4        Il-premessa 13 ta’ din id-direttiva tipprovdi li “id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq -oriġini tar-razza jew l-etniċità rigward l-oqsma koperti minn din id-Direttiva għandha tkun ipprojbita [fl-Unjoni]. Din il-projbizzjoni dwar id-diskriminazzjoni għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbazat fuq in-nazzjonalità u hi mingħajr preġudiżżju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għax-xogħol u għal mestier”.

5        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43, “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”.

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a)      diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

(b) diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

[…]ˮ

7        Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43, din tal-aħħar ma tkoprix id-differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità u hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet u għall-kundizzjonijiet relatati mad-dħul u mar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri, u għal kull trattament li jirriżulta mill-istatus legali taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz u tal-persuni mingħajr stat ikkonċernati.

 Id-dritt Daniż

8        Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-Direttiva 2000/43 ġiet trasposta fid-dritt Daniż permezz tal-lov om etnisk ligebehandling (liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament etniku), li l-Artikolu 3 tagħha jipprevedi:

“Ħadd ma jista’, direttament jew indirettament, jittratta lil persuna oħra b’mod differenti minħabba l-oriġini tar-razza jew etnika tal-persuna kkonċernata jew ta’ terz.

2.      Diskriminazzjoni diretta għandha titqies li tkun seħħet meta, għal raġunijiet ta’ oriġini tar-razza jew etnika, persuna tiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn kif hija, minn kif kienet jew minn kif tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili.

3.      Diskriminazzjoni indiretta għandha titqies li tkun seħħet meta dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentement newtrali tista’ twassal għal trattament inqas favorevoli għal persuni ta’ oriġini tar-razza jew etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi hija ġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan huma xierqa u neċessarji.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        I. Huskic, imwieled fil-Bosnja-Ħerzegovina fl-1975, ilu jirrisjedi fid-Danimarka sa mill-1993 u kiseb in-nazzjonalità Daniża fis-sena 2000. I. Huskic u s-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Daniża, imwielda fid-Danimarka, xtraw karozza użata mingħand konċessjonarju tal-karozzi. Ix-xiri ta’ din il-vettura kien iffinanzjat parzjalment b’self mogħti minn Jyske Finans, stabbiliment ta’ kreditu speċjalizzat fil-finanzjament ta’ karozzi.

10      Għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal self, dan il-bejjiegħ bagħat lil Jyske Finans, permezz ta’ messaġġ elettroniku, l-ismijiet, l-indirizz u n-numri nazzjonali ta’ identità kif ukoll kopja tal-liċenzji tas-sewqan Daniżi tal-persuni li kienu qegħdin japplikaw għas-self. Dawn il-liċenzji tas-sewqan ma kinux jindikaw in-nazzjonalità tad-detenturi tagħhom. Jyske Finans, peress li kkonstatat li, skont l-indikazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan ta’ I. Huskic, dan tal-aħħar kien twieled fil-Bosnja-Ħerzegovina, talbet, skont ir-regoli tal-proċedura interna tagħha, bħala prova addizzjonali tal-identità ta’ I. Huskic, kopja tal-passaport jew tal-permess ta’ residenza tal-persuna kkonċernata. Is-sieħba ta’ I. Huskic, li, skont l-indikazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħha twieldet id-Danimarka, ma ntalbitx tipprovdi tali prova addizzjonali.

11      I. Huskic qies li t-talba ta’ Jyske Finans kienet diskriminatorja u ressaq il-każ quddiem il-Bord għall-ugwaljanza fit-trattament, li tah kumpens għal diskriminazzjoni indiretta. Ir-Retten i Viborg (qorti ta’ Viborg, id-Danimarka) ikkonfermat din id-deċiżjoni filwaqt li qieset li t-trattament tal-persuna kkonċernata kien jammonta għal diskriminazzjoni diretta.

12      Jyske Finans ippreċiżat li t-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet saret minħabba obbligi li hija għandha abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Punent, id-Danimarka), adita minn Jyske Finans, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika stabbilita fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva [2000/43] għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi prassi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuni mwielda barra mit-territorju ta’ wieħed mill-pajjiżi Nordiċi, ta’ Stat Membru, tal-Isvizzera jew tal-Liechtenstein huma suġġetti għal trattament inqas favorevoli minn persuni mwielda fit-territorju ta’ wieħed mill-pajjiżi Nordiċi, ta’ Stat Membru, tal-Isvizzera jew tal-Liechtenstein li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn il-prassi hija ġġustifikata oġġettivament mit-tfittxija ta’ għan leġittimu u l-mezzi ta’ implementazzjoni ta’ dak l-għan huma xierqa u neċessarji, tali prassi tista’ titqies li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2[(2)](b) tad-Direttiva 2000/43?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, tali prassi tista’ bħala prinċipju tkun iġġustifikata bħala mezz xieraq u neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi msaħħa ta’ diliġenza dovuta mal-klijent previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva [2005/60]?”

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

14      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prassi ta’ stabbiliment ta’ kreditu, li timponi fuq il-klijent li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tindika pajjiż tat-twelid li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA, rekwiżit ta’ identifikazzjoni addizzjonali permezz tal-provvista ta’ kopja tal-passaport tiegħu jew tal-permess ta’ residenza tiegħu.

15      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok li jiġi vverifikat jekk prassi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxix differenza fit-trattament bbażata fuq l-oriġini etnika, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont dan l-artikolu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa ddefinit mill-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, minħabba raġunijiet ta’ oriġini tar-razza jew etnika. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-istess direttiva jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentement newtrali tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ oriġini tar-razza jew etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi hija ġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan huma xierqa u neċessarji.

16      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prassi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-pajjiż tat-twelid għandux jitqies bħala direttament jew indissoċjabbilment marbut ma’ oriġini etnika speċifika.

17      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ oriġini etnika jirriżulta mill-idea li gruppi tas-soċjetà huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn nazzjonalità, fidi reliġjuża, lingwa, oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien komuni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C 83/14, EU:C:2015:480, punt 46).

18      Għalkemm il-pajjiż tat-twelid ta’ persuna ma huwiex inkluż f’din il-lista ta’ kriterji, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn din tal-aħħar tibda bil-kliem “b’mod partikolari”, l-elementi li ġew elenkati fiha ġew elenkati b’mod mhux eżawrjenti u għaldaqstant ma huwiex eskluż li dan il-kriterju jista’ jiġi inkluż fiha. Madankollu, anke jekk dan kellu jkun il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dan ikun biss wieħed mill-fatturi speċifiċi li jippermettu li tiġi konkluża l-appartenenza ta’ persuna għal grupp etniku, mingħajr bl-ebda mod ma jkun deċiżiv f’dan ir-rigward.

19      Fil-fatt, oriġini etnika ma tistax tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterju wieħed, iżda għandha, għall-kuntrarju, tkun ibbażata fuq numru sħiħ ta’ elementi, li xi wħud minnhom huma ta’ natura oġġettiva u oħrajn huma ta’ natura suġġettiva. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-pajjiż tat-twelid ma jistax, b’mod ġenerali u assolut, jissostitwixxi l-kriterji kollha mfakkra fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

20      Għaldaqstant, il-pajjiż tat-twelid ma jistax, waħdu, jiġġustifika preżunzjoni ġenerali ta’ appartenenza għal grupp etniku speċifiku ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta diretta jew indissoċjabbli bejn dawn iż-żewġ kunċetti.

21      Barra minn hekk, ma jistax jiġi preżunt li teżisti oriġini etnika waħda, u waħda biss, għal kull Stat sovran.

22      Issa, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-pajjiż tat-twelid ta’ I Huskic huwa l-uniku kriterju li wassal lill-Bord għall-ugwaljanza fit-trattament u sussegwentement lir-Retten i Viborg (qorti ta’ Viborg) jikkonstataw li l-prassi inkwistjoni kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika.

23      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li r-rekwiżit ta’ identifikazzjoni addizzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq il-preżunzjoni li dan jista’ jiġi kklassifikat bħala “trattament żfavorevoli”, huwa direttament ibbażat fuq l-oriġini etnika.

24      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta kemm mill-premessa 13 kif ukoll mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43, din ma tkoprix id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità.

25      Minn dan jirriżulta li prassi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-klijent li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tindika pajjiż tat-twelid li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA, rekwiżit ta’ identifikazzjoni addizzjonali, permezz tal-provvista ta’ kopja tal-passaport tiegħu jew tal-permess ta’ residenza tiegħu, ma timplikax l-eżistenza, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-oriġini etnika tagħha.

26      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali prassi tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika, hemm lok li jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, anke jekk ifformulata b’mod newtrali, din il-prassi twassalx għal żvantaġġ partikolari għall-persuni ta’ oriġini tar-razza jew etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra.

27      L-espressjoni “żvantaġġ partikolari”, użata f’din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala li tfisser li huma partikolarment il-persuni ta’ oriġini etnika partikolari li jinsabu fi żvantaġġ minħabba l-miżura inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 100).

28      F’dan ir-rigward, ġie sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, irrispettivament mill-oriġini etnika “sfavorizzata” ta’ I. Huskic, il-persuni ta’ “oriġini etnika Daniża” ikunu ffavorizzati b’riżultat tal-prassi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaliex dawn ma humiex suġġetti għall-obbligu inkwistjoni.

29      Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-obbligu japplika indistintament fir-rigward tal-persuni kollha mwielda barra mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tal-EFTA.

30      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li diskriminazzjoni indiretta tista’ sseħħ meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtrali, tkun fil-fatt ta’ żvantaġġ għal numru ferm ikbar ta’ persuni li għandhom il-karatteristika personali protetta milli għall-persuni li ma għandhomx din il-karatteristika (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta”, fis-sens tal-Artikolu29(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, japplika biss jekk il-miżura allegatament diskriminatorja jkollha bħala effett li tiżvantaġġa oriġini etnika partikolari.

32      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli ma tistax tiġi kkonstatata b’mod globali u astratt, iżda għandha tiġi kkonstatata b’mod speċifiku u konkret, fid-dawl tat-trattament favorevoli inkwistjoni.

33      Minn dan jirriżulta li l-argument li l-użu tal-kriterju newtrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatat mal-pajjiż tat-twelid, ġeneralment b’mod iktar probabbli jaffettwa lill-persuni ta’ “oriġini etnika partikolari” meta mqabbla ma’ “persuni oħra” ma jistx jiġi milqugħ.

34      L-istess japplika għall-argument li l-użu ta’ dan il-kriterju jkun jisfavorixxi lill-persuni li l-oriġini etnika tagħhom hija dik ta’ pajjiż li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA. Barra minn hekk għandu jsir riferiment għall-punti 18 sa 21 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li l-oriġini etnika ma tistax tiġi preżunta, b’mod ġenerali, abbażi biss tal-identifikazzjoni tal-pajjiż tat-twelid.

35      Minn dan jirriżulta li prassi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timplikax l-eżistenza, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-oriġini etnika.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li din il-prassi hija bbażata fuq kriterju li la huwa direttament u lanqas indirettament marbut mal-oriġini etnika tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant ma jistax jitqies li din il-prassi tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-oriġini etnika, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-prassi ta’ stabbiliment ta’ kreditu, li timponi fuq il-klijent li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tindika pajjiż tat-twelid li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA rekwiżit ta’ identifikazzjoni addizzjonali, permezz tal-provvista ta’ kopja tal-passaport tiegħu jew tal-permess ta’ residenza tiegħu.

 Fuq it-tielet domanda

38      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel u lit-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-prassi ta’ stabbiliment ta’ kreditu, li timponi fuq il-klijent li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tindika pajjiż tat-twelid li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles rekwiżit ta’ identifikazzjoni addizzjonali, permezz tal-provvista ta’ kopja tal-passaport tiegħu jew tal-permess ta’ residenza tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.