Language of document : ECLI:EU:C:2018:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 3 – Benefiċjarji – Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Punt 2(a) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ “ir-raġel jew martu” [konjuġi] – Żwieġ bejn persuni tal-istess sess – Artikolu 7 – Dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur – Drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża C‑673/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Relu Adrian Coman,

Robert Clabourn Hamilton,

Asociaţia Accept

vs

Inspectoratul General pentru Imigrări,

Ministerul Afacerilor Interne,

fil-preżenza ta’:

Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas, C. G. Fernlund u C. Vajda, President ta’ Awla, E. Juhász, A. Arabadjiev, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, E. Jarašiūnas u E. Regan, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. A. Coman u R. C. Hamilton, minn R. Iordache u R. Wintemute, consilieri, kif ukoll minn R.‑I. Ionescu, avukat,

–        għal Asociaţia Accept, minn R. Iordache u R. Wintemute, consilieri, kif ukoll minn R.‑I. Ionescu, avukat, assistiti minn J. F. MacLennan, solicitor,

–        għall-Gvern Rumen, inizjalment minn R‑H. Radu kif ukoll minn C. M. Florescu, E. Gane u R. Mangu, sussegwentement minn C‑R Canţăr kif ukoll minn C.M. Florescu, E. Gane u R. Gane bħala aġenti,

–        għall-Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării, minn C. F. Asztalos kif ukoll minn M. Roşu u C. Vlad, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn A. M. de Ree u K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn M. Kamejsza-Kozłowska u M. Szwarc, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u E. Montaguti kif ukoll minn I. V. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 3(1) u 3(2)(a) u 3(2)(b), kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Relu Adrian Coman u Robert Clabourn Hamilton kif ukoll l-Asociaţia Accept (iktar ’il quddiem “Coman et”) u l-Inspectoratul General pentru Imigrări (l-Ispettorat Ġenerali Responsabbli mill-Immigrazzjoni, ir-Rumanija, (iktar ’il quddiem l-“Ispettorat”) u l-Ministerul Afacerilor Interne (il-Ministeru tal-Affarijiet Interni, ir-Rumanija) rigward talba dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti lil R. C. Hamilton ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fir-Rumanija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38 tiddikjara:

“(31)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva minħabba sess, razza, kulur tal-ġilda, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, sħubija f’minoranza etnika, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew preferenzi sesswali.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 2(a) u (b) tiegħu jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)       ir-raġel jew martu [konjuġi];

b)       is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

[...]”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

b)       is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

6        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)       ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)       għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)       membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)       il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)       il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

ċ)       il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)       il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t’hawn fuq, ir-raġel jew il-mara, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t’hawn fuq. L-Artikolu 3(2) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.”

 Id-dritt Rumen

7        L-Artikolu 259(1) u (2) tal-Codul Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“1.      Iż-żwieġ huwa l-unjoni volontarja bejn raġel u mara, konkluż taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

2.       Ir-raġel u l-mara għandhom id-dritt li jiżżewġu biex jgħaqqdu familja.”

8        L-Artikolu 277(1), (2) u (4) tal-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa pprojbit.

2.      Iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess konklużi jew ikkuntrattati barra mill-pajjiżi minn ċittadini Rumeni jew minn barranin ma humiex irrikonoxxuti fir-Rumanija. [...]

4.      Id-dispożizzjonijiet legali dwar il-moviment liberu fit-territorju Rumen taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-[Unjoni] u taż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom ikunu applikabbli.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        R. A. Coman, ċittadin Rumen u Amerikan, u R. C. Hamilton, ċittadin Amerikan, iltaqgħu fi New York (l-Istati Uniti), matul ix-xahar ta’ Ġunju 2002 u kkoabitaw f’din il-belt mix-xahar ta’ Mejju 2005 sax-xahar ta’ Mejju 2009. Sussegwentement R. A. Coman stabbilixxa ruħu fi Brussell biex jaħdem fil-Parlament Ewropew bħala assistent parlamentari, filwaqt li R. C. Hamilton baqa’ fi New York. Huma żżewġu fi Brussell fil-5 ta’ Novembru 2010.

10      Matul ix-xahar ta’ Marzu 2012, R. A. Coman waqaf jaħdem fil-Parlament, filwaqt li baqa’ jgħix fi Brussell, fejn ibbenefika minn allowance tal-qgħad sax-xahar ta’ Jannar 2013.

11      Fix-xahar ta’ Diċembru 2012, R. A. Coman u R. C. Hamilton indirizzaw lill-Ispettorat sabiex jiġu kkomunikati lilhom il-proċedura u l-kundizzjonijiet li bihom R. C. Hamilton, li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’, bħala membru tal-familja ta’ R. A. Coman, jikseb id-dritt li jirrisjedi legalment fir-Rumanija għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur.

12      Fil-11 ta’ Jannar 2013, bi tweġiba għal din it-talba, l-Ispettorat informa lil R. A. Coman u R. C. Hamilton li dan tal-aħħar kien jibbenefika biss minn dritt ta’ residenza ta’ tliet xhur, peress li, fir-rigward ta’ persuni tal-istess sess, iż-żwieġ ma huwiex irrikonoxxut, konformement mal-Kodiċi Ċivili, u li, barra minn hekk, l-estensjoni tad-dritt ta’ residenza temporanju ta’ R. C. Hamilton fir-Rumanija ma tistax tingħata għall-iskop tar-riunifikazzjoni tal-familja.

13      Fit-28 ta’ Ottubru 2013, Coman et ippreżentaw quddiem il-Judecătoria Sectorului 5 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-settur 5 ta’ Bukarest, ir-Rumanija) rikors kontra l-Ispettorat intiż sabiex jikkonstataw diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, u sabiex jiksbu l-kundanna tal-Ispettorat sabiex itemm din id-diskriminazzjoni u li jħallashom kumpens bis-saħħa tad-dannu morali tagħhom.

14      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, huma invokaw eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 277(2) u (4) tal-Kodiċi Ċivili. Coman et iqisu, fil-fatt, li n-nuqqas ta’ rikonoxximent taż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess konklużi barra mill-pajjiż, għall-iskopijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni Rumena li jipproteġu d-dritt għall-ħajja intima, għall-ħajja tal-familja u għall-ħajja privata kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

15      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Diċembru 2015, il-Judecătoria Sectorului 5 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-settur 5 ta’ Bukarest) adixxiet lill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) sabiex din tiddeċiedi dwar l-imsemmija eċċezzjoni.

16      Il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) tirrileva li din il-kawża tirrigwarda biss ir-rikonoxximent ta’ żwieġ legalment konkluż barra mill-pajjiż bejn ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu tal-istess sess, ċittadin ta’ pajjiż terz, fid-dawl tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tad-dritt għall-moviment liberu, meqjusin mil-lat tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali. F’dan il-kuntest, din il-qorti wriet dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil diversi kunċetti msemmija fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘r-raġel jew martu [konjuġi]’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi l-konjuġi tal-istess sess li ġej minn Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li miegħu huwa legalment miżżewweġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7[2] tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-konjuġi tal-istess sess, li ġej minn Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li miegħu huwa legalment miżżewweġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti, jista’ jiġi kklassifikat bħala “kwalunkwe membri oħrajn tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 jew bħala “is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, bl-obbligu li jirriżulta għall-Istat Membru ospitanti li jiffavorixxi d-dħul u r-residenza tal-persuna kkonċernata, anki jekk l-Istat ospitanti ma jirrikonoxxix iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u ma jipprevedi l-ebda mezz alternattiv ta’ rikonoxximent legali, bħas-sħubijiet irreġistrati?

4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2004/38 hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ dan id-dritt (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35; tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 31, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 31).

19      Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 2004/38 tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini tal-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom f’dan l-Istat Membru.

20      F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, minn interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din id-direttiva tirregola biss il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri li ma jkunux dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu u li din id-direttiva ma tippermettix li sservi ta’ bażi għal dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadini ta’ Stat terz, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 37; tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 53, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 33).

21      F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punti 9 sa 11 ta’ din is-sentenza, R. A. Coman, ċittadin Rumen u Amerikan, u R. Hamilton, ċittadin Amerikan, indirizzaw lill-Ispettorat sabiex jiġu kkomunikati lilhom il-proċedura u l-kundizzjonijiet li fihom R. C. Hamilton seta’, bħala membru tal-familja ta’ R. A. Coman, jikseb dritt ta’ residenza dderivat fir-Rumanija, Stat Membru fejn R. A. Coman għandu n-nazzjonalità. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2004/38 fejn il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb interpretazzjoni, ma tistax tibbaża dritt ta’ residenza dderivat favur R. C. Hamilton.

22      Madankollu, kif ripetutament iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawżi li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 48, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, f’ċerti każijiet, li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma setgħux jibbenefikaw, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità, jistgħu madankollu jkollhom tali dritt fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 46).

24      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta, fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida ruħha f’dan l-aħħar Stat Membru, l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jieħu mill-Artikolu 21(1) TFUE jeħtieġ li l-ħajja tal-familja li dan iċ-ċittadin ikun għex fl-Istat Membru ospitanti tkun tista’ titkompla meta jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, permezz tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, lill-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ Stat terz. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li ma għandux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ħajja tal-familja flimkien mal-qraba tiegħu kif żviluppata jew ikkonsolidata fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, din id-direttiva għandha tiġi applikata b’analoġija mas-sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 50 u 61; tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 54 u 55, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 61).

26      F’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li biha R. A. Coman, matul ir-residenza effettiva tiegħu fil-Belġju skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, żviluppa jew ikkonsolida f’din l-okkażjoni ħajja tal-familja ma’ R. C. Hamilton.

27      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni għamel użu mill-moviment liberu tiegħu, billi mar u rrisjeda b’mod effettiv, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u żviluppa u kkonsolida f’din l-okkażjoni ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz tal-istess sess, li miegħu huwa marbut permezz ta’ żwieġ konkluż legalment fl-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità jirrifjutaw milli jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-imsemmi ċittadin, għar-raġuni li d-dritt tal-imsemmi Stat Membru ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

29      Għandu jitfakkar li, bħala ċittadin Rumen, R. A. Coman igawdi, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 29).

31      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ Stat Membru li, bħal fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jista’ jinvoka d-drittijiet relatati ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż, skont il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C‑11/06 u C‑12/06, EU:C:2007:626, punt 22; tat-18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger, C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 23, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 51).

32      Id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni jinkludu d-dritt li jkollhom ħajja tal-familja normali kemm fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll fl-Istat Membru fejn jipposjedu n-nazzjonalità, meta jirritornaw f’dan l-Istat Membru, filwaqt li jibbenefikaw mill-preżenza, flimkien magħhom, tal-membri tal-familja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C‑370/90, EU:C:1992:296, punti 21 u 23, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-“membri tal-familja” imsemmija fil-punt preċedenti, jinkludu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-istess sess bħal dak taċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mad-dritt ta’ dan, għandu jitfakkar qabelxejn li d-Direttiva 2004/38, applikabbli, kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, b’analoġija f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issemmi speċifikament il-“ir-raġel jew martu;” [konjuġi] kif ukoll “membru tal-familja” fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha.

34      Il-kunċett ta’ “ir-raġel jew martu;” [konjuġi], imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jiddeskrivi persuna marbuta ma’ persuna oħra b’rabtiet ta’ żwieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punti 98 u 99).

35      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dan il-kunċett jinkludi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mal-liġi tiegħu, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li l-kunċett ta’ “ir-raġel jew martu;” [konjuġi], fis-sens tad-Direttiva 2004/38, huwa newtru mill-perspettiva tal-ġeneru u għalhekk jista’ jinkludi l-konjuġi tal-istess sess taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat.

36      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, peress li, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ sieħeb li miegħu ċittadin tal-Unjoni rreġistra sħubija abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi għall-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istat Membru li fih dan iċ-ċittadin beħsiebu jmur jew jirrisjedi, l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, applikabbli b’analoġija għal dan il-każ, ma jinvolvix, min-naħa l-oħra tali riferenza fir-rigward tal-kunċett ta’ “ir-raġel jew martu;” [konjuġi], fis-sens tal-imsemmija direttiva. Minn dan jirriżulta li Stat Membru ma huwiex ser jinvoka d-dritt nazzjonali sabiex jopponi r-rikonoxxenza fit-territorju tiegħu, għall-finijiet biss tal-għoti ta-dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ żwieġ konkluż minn dan ma’ ċittadin tal-Unjoni tal-istess sess fi Stat Membru ieħor konformement mal-liġi ta’ dan tal-aħħar.

37      Ċertament, l-istatus tal-persuni, li jinkludi r-regoli dwar iż-żwieġ, huwa qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat Membri, u d-dritt tal-Unjoni ma jaffetwax dik il-kompetenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 25; tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 16). Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu jew le ż-żwieġ għal persuni tal-istess sess (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris, C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 59).

38      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 25; tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 16, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 32).

39      Issa, jekk tiġi rrikonoxxuta lill-Istati Membri l-possibbiltà sabiex jagħtu jew jirrifjutaw id-dħul u r-residenza fit-territorju tagħhom liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, fejn iż-żwieġ ma’ ċittadin tal-Unjoni tal-istess sess ġie konkluż fi Stat Membru konformement mal-liġi ta’ dan, kemm jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jipprevedu jew le ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, dan ikollu bħala effett li l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, li diġà għamlu użu minn din il-libertà, tvarja minn Stat Membru għal ieħor, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 67). Tali sitwazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, li biha, fid-dawl tal-kuntest tagħha u l-għanijiet li hija ssegwi, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, applikabbli b’analoġija f’dan il-każ, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv, u ma għandhomx, f’kull każ, jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).

40      Minn dan isegwi li r-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu għas-sempliċi finijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, iż-żwieġ ta’ dan tal-aħħar ma’ ċittadin tal-Unjoni tal-istess sess, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, konkluż, matul ir-residenza effettiva tagħhom fi Stat Membru ieħor, konformement mal-liġi ta’ dan l-aħħar Stat, jista’ jostakola d-dritt ta’ dan iċ-ċittadin, stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE, ta’ libertà ta’ moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, tali rifjut ikollu bħala konsegwenza li l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jista’ jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jirritorna fl-Istat Membru fejn huwa ċittadin, akkumpanjat mill-konjuġi tiegħu.

41      Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni li, bħal fil-kawża prinċipali, hija indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali u tkun proporzjonata mal-għan li leġittimament irid jintlaħaq mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 29; tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 34, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 48). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun adattata għat-twettiq tal-għan inkwistjoni, ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fir-rigward tar-raġunijiet ta’ interess ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li diversi gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja rrilevaw, f’dan ir-rigward, in-natura fundamentali tal-istituzzjoni taż-żwieġ u l-volontà ta’ diversi Stati Membri li jippreżervaw kunċett ta’ din l-istituzzjoni bħala unjoni bejn raġel u mara, li hija protetta f’ċerti Stati Membri permezz ta’ regoli ta’ livell kostituzzjonali. Għalhekk, il-Gvern Latvjan indika, matul is-seduta, li jekk wieħed jassumi li r-rifjut, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġu rrikonoxxuti ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess konklużi fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi restrizzjoni għall-Artikolu 21 TFUE, tali restrizzjoni hija ġġustifikata għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku u l-identità nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 4(2) TUE.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti fl-istrutturi fundamentali u politiċi tagħhom (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement illi l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għal libertà fundamentali għandu jinftiehem b’mod strett, b’tali mod li l-portata tiegħu ma għandhiex tkun stabbilita unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Minn dan jirriżulta li l-ordni pubbliku jista’ jiġi invokat biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 67, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2017, E, C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, għal Stat Membru, li jirrikonoxxi żwieġ bejn persuni tal-istess sess konkluż fi Stat Membru ieħor konformement mal-liġi ta’ dan, għas-sempliċi finijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jaffettwax l-istituzzjoni taż-żwieġ f’dan l-ewwel Stat Membru, li huwa ddefinit mid-dritt nazzjonali u jaqa’, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Hija ma timplikax l-obbligu, għall-imsemmi Stat Membru, li jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-istituzzjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Hija limitata għall-obbligu tar-rikonoxximent ta’ tali żwiġijiet, konklużi fi Stat Membru ieħor konformement mal-liġi tiegħu, u dan għas-sempliċi finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li dawn il-persuni jgawdu mid-dritt tal-Unjoni.

46      Għalhekk, tali obbligu ta’ rikonoxximent għas-sempliċi finijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma jaffettwax l-identità nazzjonali lanqas ma jhedded l-ordni pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat.

47      Għandu jiżdied li miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu ta’ persuni tista’ tiġi ġġustifikata biss meta din il-miżura hija konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 66).

48      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ir-raġel jew martu” [konjuġi] li jinsab fil-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta huwa fundamentali.

49      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 ta’ din għandhom l-istess tifsira u portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

50      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li r-relazzjoni bejn koppja omosesswali tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħajja privata” kif ukoll dak ta’ “ħajja tal-familja” bl-istess mod bħal dik ta’ koppja etrosesswali li jinsabu fl-istess sitwazzjoni (Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2013, Vallianatos et vs Il-Greċja, CE:ECHR:2013:1107JUD002938109, § 73, kif ukoll tal-Qorti EDB tal-14 ta’ Diċembru 2017, Orlandi et vs L-Italja, CE:ECHR:2017:1214JUD002643112, § 143).

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda, li f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni għamel użu mill-moviment liberu tiegħu, billi mar u rrisjeda b’mod effettiv, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u żviluppa u kkonsolida f’din l-okkażjoni ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz tal-istess sess, li miegħu huwa marbut permezz ta’ żwieġ konkluż legalment fl-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità jirrifjutaw milli jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-imsemmi ċittadin, għar-raġuni li d-dritt tal-imsemmi Stat Membru ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

 Fuq it-tieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jekk l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mad-dritt tiegħu għandu dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu ċ-ċittadinanza.

53      Kif tfakkar fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, meta, fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor minbarra dak tan-nazzjonalità tiegħu, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida ruħha f’dan l-aħħar Stat Membru, l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jieħu mill-Artikolu 21(1) TFUE jeħtieġ li l-ħajja tal-familja li dan iċ-ċittadin ikun għex f’dan l-Istat Membru tkun tista’ titkompla meta jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, permezz tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, lill-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ Stat terz.

54      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li dawn ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak li jkollu n-nazzjonalità tiegħu.

55      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan tal-aħħar jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ) tal-istess artikolu.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mad-dritt tiegħu għandu dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità. Dan id-dritt ta’ residenza dderivat ma għandux ikun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

57      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      F’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, billi jmur u jirrisjedi b’mod effettiv, konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u żviluppa u kkonsolida f’din l-okkażjoni ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz tal-istess sess, li miegħu huwa marbut permezz ta’ żwieġ konkluż legalment fl-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità jirrifjutaw milli jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-imsemmi ċittadin, għar-raġuni li d-dritt tal-imsemmi Stat Membru ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

2)      L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-istess sess bħaċ-ċittadin tal-Unjoni, fejn iż-żwieġ ma’ dan tal-aħħar ġie konkluż fi Stat Membru konformement mad-dritt tiegħu, għandu dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità. Dan id-dritt ta’ residenza dderivat ma għandux ikun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.