KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fid-9 ta’ Jannar 2019 (1)
Kawża C‑620/16
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Ksur — Artikolu 258 TFUE – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Ammissibbiltà – Aġir tal-passat –Rifjut tar-Repubblika Federal tal-Ġermanja li tivvota, fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, skont id-deċiżjoni tal-Kunsill”
I. Introduzzjoni
1. Kemm l-Unjoni kif ukoll 26 mill-Istati Membru huma parti mill-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), li hija amministrata mill-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF), organizzazzjoni internazzjonali li tinsab f’Berna. Bi preparazzjoni għas-seduta ta’ din l-organizzazzjoni, il-Kunsill, fl-24 ta’ Ġunju 2014, adotta d-Deċiżjoni 2014/699/UE (2), li tistabbilixxi it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha rigward l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fis-seduta imsemmija.
2. Il-ġrajjiet li segwew wasslu għal żewġ rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: l-ewwel nett, rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra l-Kunsill ibbażat, prinċipalment, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni li tadotta d-deċiżjoni (dan ir-rikors ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill) (3); it-tieni nett, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li huma s-suġġett tal-kawża inkwistjoni.
3. Bir-rikors tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni 2014/699 u l-Artikolu 4(3) TUE billi ma vvotatx skont din id-deċiżjoni u esprimiet pubblikament id-diżapprovazzjoni tagħha fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tas-seduta.
4. Dan il-każ iqajjem kwistjonijiet fundamentali dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fejn l-allegat aġir abbużiv seħħ fil-passat u l-effetti legali tiegħu ġew allegatament eżawriti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat l-opportunità li tiċċara iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
5. Barra minn hekk, dwar is-sustanza, il-każ preżenti jesponi l-importanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet li fihom dan il-prinċipju jwassal għal effetti legali distinti minn dawk li jinsabu fid-dritt sekondarju. F’dan ir-rigward, dawn il-proċeduri juru l-fatt li, kif ġie irrimarkat f’kitbiet legali, fil-prattika ma huwiex dejjem faċli li wieħed “jiżola” l-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi (4) minn oħrajn, bħal pereżempju l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE. (5)
6. L-evalwazzjoni ta’ dan il-każ ser twassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ssib li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni huwa kemm ammissibbli kif ukoll fondat fis-sustanza.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali
1. Il-COTIF
7. Il-COTIF daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. Id-disgħa u erbgħin Stat, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta, li huma parti fil-COTIF, jikkostitwixxu l-OTIF. L-Unjoni Ewropea ngħaqdet mal-COTIF b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011.
8. Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tal-OTIF huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġijiet uniformi f’diversi oqsma tad-dritt dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija.
9. Il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, fil-prinċipju, huwa magħmul mill-partijiet kollha tal-COTIF. Skont l-Artikolu 17(1)(a) u (b) tal-COTIF, il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF għandu jiddeċiedi, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, fuq il-proposti intiżi li jemendaw il-COTIF u jeżamina, barra minn hekk, il-proposti li għandhom jiġu sottomessi għad-deċiżjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OTIF. Il-kompetenzi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ korpi tal-OTIF fil-qasam tal-emenda tal-COTIF huma stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.
10. Taħt it-Titolu VI tal-COTIF, intitolat “L-emenda tal-[COTIF]”, l-Artikolu 33, intitolat “Kompetenza”, jipprovdi kif ġej:
“[…]
(2) L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-proposti intiżi li jemendaw il-Konvenzjoni sa fejn il-paragrafi 4 sa 6 ma jipprovdux għall-kompetenza oħra.
[…]
(4) Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, il-Kumitat tar-Reviżjoni għandu jiddeċiedi dwar il-proposti intiżi li jemendaw
(a) l-Artikoli 9 u 27(2) sa (5);
[…]
d) ir-Regoli Uniformi CUV ħlief l-Artikoli 1, 4, 5 u 7 sa 12;
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11. Skont l-Artikolu 35 tal-COTIF (intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kumitati”)
“(1) L-emendi tal-Kovenzjoni, kif deċiżi mill-Kumitati, għandhom jiġu nnotifikati mis-Segretarju Ġenerali lill-Istati Membri.
(2) L-emendi tal-Konvenzjoni stess, kif deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tat-tnax –il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjoni f’erba’ xhur mid-data tan-notifika. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart mill-Istati Membri, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ. Jekk Stat Membru jagħmel oġġezzjoni kontra deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni fit-terminu ta’ erba’ xhur u jiċħad il-Konvenzjoni, iċ-ċaħda jkollha effett mid-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni.
(3) L-emendi tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, kif deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri fl-ewwel jum tat-tnax –il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. L-emendi kif deċiżi mill-Kumitat tal-Esperti tar-Regolament li jirrigwarda t-trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija perikoluża jew mill-Kumitat tal-Esperti Tekniċi jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri.
(4) L-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjoni f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart mill-Istati Membri, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ. Fl-Istati Membri li ressqu oġġezzjoni kontra deċiżjoni fit-termini imposti, l-applikazzjoni tal-Appendiċi tiġi sospiża, kollu kemm hu, għat-traffiku ma’ u bejn l-Istati Membri mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet. Madankollu, fil-każ ta’ oġġezzjoni kontra l-validazzjoni ta’ regola teknika jew kontra l-adozzjoni ta’ rekwiżit tekniku uniformi, huma dawn biss li jiġu sospiżi għal dak li jikkonċerna t-traffiku ma’ u bejn l-Istati Membri mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet; dan japplika wkoll fil-każ ta’ oġġezzjoni parzjali.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12. Isegwi mill-Artikolu 38(2) tal-COTIF li l-Unjoni Ewropea, bħala organizzazzjoni reġjonali li ngħaqdet mal-COTIF, tista’ teżerċita d-drittijiet li huma disponibbli għall-Istati Membri tagħha taħt il-COTIF sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni juri li, sabiex teżerċita d-dritt tal-vot u d-dritt ta’ oġġezzjoni previsti fl-Artikolu 35(2) u (4), hija għandha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll membri tal-OTIF. Dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tal-vot, biss sa fejn dan huwa awtorizzat mill-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni.
2. Il-Ftehim ta’ Adeżjoni
13. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-[OTIF] dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-[COTIF] tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013 L 51, p. 8; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Berna, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011 skont l-Artikolu 9 tiegħu.
14. L-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:
“1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-[COTIF].
2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.
3. Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-[COTIF], l-Unjoni għandha jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll partijiet għall-[COTIF]. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.
4. L-Unjoni għandha, għal kull każ, tgħarraf lill-Partijiet l-oħra għall-[COTIF] bil-każijiet fejn, fir-rigward tad-diversi punti fuq l-aġendi tal-Assemblea Ġenerali u tal-korpi ta’ deliberazzjoni l-oħra, hija ser teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ korrispondenza. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF kmieni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ċċirkolata flimkien mad-dokumenti tal-laqgħa jew ma’ deċiżjoni li għandha tittieħed [jew sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni] permezz ta’ korrispondenza.”
B. Id-dritt tal-Unjoni
15. Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (6).
16. L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni tipprovdi li “[l]-arranġamenti interni għat-tħejjijiet għal-laqgħat tal-OTIF, u għar-rappreżentanza u l-votazzjoni f’dawn il-laqgħat huma stipulati fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.”
17. L-Anness III, intitolat “Arranġamenti Interni għall-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi proċediment taħt l-OTIF” jaqra kif ġej:
“B’kont meħud tar-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea anki fl-istadju tal-implimentazzjoni ta’ obbligi internazzjonali, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser japplikaw l-arranġamenti interni li ġejjin:
1. Kamp ta’ applikazzjoni
Dawn l-arranġamenti interni ser japplikaw għal kwalunkwe laqgħa ta’ kwalunkwe wieħed mill-korpi stabbiliti taħt l-OTIF. Kwalunkwe referenza għal “laqgħa” f’dawn l-arranġamenti tinftiehem li tinkludi mutatis mutandis referenza għal proċedimenti oħra wkoll, bħal proċedura bil-miktub.
2. Proċedura ta’ koordinazzjoni
2.1. Għat-tħejjija għal kwalunkwe laqgħa tal-OTIF, inkluż iżda mhux limitat għal-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kumitat Amministrattiv u Kumitati oħra, ser isiru laqgħat ta’ koordinazzjoni:
– fi Brussell, fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill (normalment il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport fuq l-Art), kmieni kemm jista’ jkun, u kemm-il darba jkun hemm bżonn qabel il-laqgħa tal-OTIF, u, barra minn hekk,
– fuq il-post, partikolarment fil-bidu u, jekk meħtieġ, matul u fl-aħħar ta’ laqgħa tal-OTIF.
2.2. Il-laqgħat ta’ koordinazzjoni ser jaqblu dwar pożizzjonijiet f’isem l-Unjoni biss jew, fejn rilevanti, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompetenza esklussiva tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għall-koordinazzjoni f’dawn il-laqgħat jekk ikun hemm qbil dwar dan mill-Istati Membri.
2.3. Il-laqgħat ta’ kordinazzjoni ser jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet u votazzjoni ta’ kull punt fl-aġenda tal-laqgħa tal-OTIF, li fuqha tista’ ssir dikjarazzjoni jew jista’ jkun mistenni vot.
2.4. Għat-tħejjija tal-laqgħat ta’ koordinazzjoni msemmijin fil-punt 2.1, inkluż l-abbozz ta’ dikjarazzjonijiet u d-dokumenti dwar il-pożizzjonijiet, ser isiru, jekk meħtieġ, diskussjonijiet preliminari fil-Kumitat adatt maħluq mil-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni rilevanti, jiġifieri:
– il-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi għall-punti koperti mill-Appendiċi C mal-Konvenzjoni; jekk dawn l-elementi jaffettwaw lill-interoperabbiltà ferrovjarja, jew lill-approċċ ta’ sigurtà komuni żviluppat skont id-Direttiva 2004/49/KE, il-Kumitat dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja u s-sigurtà għandu jkun involut ukoll;
– il-Kumitat dwar l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji tal-Unjoni għall-punti koperti bl-Appendiċi A, B, D jew E mal-Konvenzjoni u għal sistemi oħra ta’ liġi uniformi elaborata mill-OTIF;
– il-Kumitat dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-ferroviji għall-punti koperti mill-Appendiċi F jew G mal-Konvenzjoni.
2.5. Qabel kwalunkwe laqgħa tal-OTIF il-Kummissjoni ser tindika liema punti tal-aġenda huma suġġetti għal koordinazzjoni tal-Unjoni u ser tħejji abbozz ta’ dikjarazzjonijiet u dokumenti dwar il-pożizzjonijiet biex jiġu diskussi fil-laqgħat ta’ koordinazzjoni.
2.6. Jekk fíl-laqgħat ta’ koordinazzjoni l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar pożizzjoni komuni, inkluż minħabba nuqqas ta’ qbil dwar it-tqassim ta’ kompetenzi, il-kwistjoni tiġi riferita lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u/jew lill-Kunsill.
3. Dikjarazzjonijiet u votazzjoni fil-laqgħat tal-OTIF
3.1. Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni esklussiva, il-Kummissjoni għandha titkellem u tivvota għall-Unjoni. Wara li ssir il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu wkoll jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-pożizzjoni tal-Unjoni.
3.2. Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza nazzjonali esklussiva, l-Istati Membri jitkellmu u jivvutaw.
3.3. Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll dik tal-Unjoni, il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni komuni. Wara li tkun saret il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-poizzjoni komuni. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni, kif adatt, għandhom jivvotaw f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-pożizzjoni komuni. Id-deċiżjoni dwar min ikun ser jivvota tittieħed fid-dawl tal-prevalenza tal-kompetenza (eż. jekk hijiex prinċipalment kompetenza nazzjonali jew tal-Unjoni).
3.4. Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunx irnexxilhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni kif msemmija fil-punt 2.6, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jitkellmu u jivvutaw dwar kwistjonijiet li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kompetenza rispettiva tagħhom.
3.5. F’każ ta’ kwistjonijiet li għalihom m’hemmx qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-qsim tal-kompetenzi, jew fejn ma kienx possibbli li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa għal pożizzjoni tal-Unjoni, għandu jsir sforz massimu sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni jew tinkiseb pożizzjoni tal-Unjoni. Sakemm iseħħ dan, u wara li tkun saret il-koordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri u/jew il-Kummissjoni, kif adatt, ikunu intitolati li jitkellmu bil-kondizzjoni li l-pożizzjoni li jesprimu ma tippreġudikax pożizzjoni futura tal-Unjoni, tkun koerenti mal-linji ta’ politika tal-Unjoni u pożizzjonijiet preċedenti tal-Unjoni, u konformi mal-liġi tal-Unjoni.
3.6. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF li jħejju l-kumitati tekniċi tal-OTIF, jiġifieri l-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (RID) u l-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (TEC). Matul il-parteċipazzjoni f’dawn il-gruppi ta’ ħidma r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw kontributi tekniċi u jipparteċipaw bis-sħiħ fid-diskussjonijiet tekniċi abbażi tal-konoxxenza teknika tagħhom. Dawn id-diskussjonijiet mhux ser jorbtu lill-Unjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni ser jagħmlu sforzi serji biex jilħqu pożizzjoni komuni u biex jiddefenduha matul id-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF.
[…]”
III. L-isfond tat-tilwima
A. Il-fatti li wasslu għall-kawża
18. Fl-24 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/699.
19. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li “[l]-pożizzjoni li għandha [tiġi adottata] f’isem l-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit mill-[COTIF] għandha tkun skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni”. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni, “[i]r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet żgħar fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.”
20. It-Taqsima 3 tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni tistabbilixxi, f’dak li jikkonċerna d-diversi punti tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni, kif ukoll il-pożizzjoni kkoordinata rrakkomandata.
21. Il-punt 4, b’mod parzjali, kif ukoll il-punti 5, 7 u 12 tal-imsemmija aġenda jirrigwardaw l-emendi kontenzjużi.
22. Waqt il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, il-Kummissjoni ppreżentat il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, kif iddefinita fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja żammet pożizzjoni awtonoma fir-rigward tal-emendi proposti li jirrigwardaw l-Artikolu 12 tal-COTIF kif ukoll l-appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI) u talbet li teżerċita hija stess id-dritt tal-vot fuq dawn is-suġġetti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-pożizzjoni ppreżentata mill-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Artikolu 12 tal-COTIF u għall-Appendiċi D (CUV). Peress li dawn il-proposti kellhom l-maġġoranza meħtieġa, l-emendi inkwistjoni ġew adottati mill-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.
B. Il-proċedura prekontenzjuża
23. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega l-aġir tagħha fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.
24. Fit-tweġiba tagħha tat-12 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qieset li l-aġir tagħha kien kompletament leġittimu u legali minħabba li l-emendi inkwistjoni ma kinux jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, peress li din tal-aħħar ma eżerċitatx il-kompetenza interna tagħha fl-oqsma inkwistjoni.
25. Fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li bih talbet l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn din tirrigwarda l-emendi kontenzjużi. Il-motivi tagħha kienu bbażati fuq l-allegat ksur (i) tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi (l-Artikolu 5(2) TUE) minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea, (ii) tal-obbligu ta’ motivazzjoni (l-Artikolu 296 TFUE), u (iii) il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE) flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. (7)
26. Fid-29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni fetħet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(1) TFUE billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha hija sostniet li dan l-Istat Membru, bl-aġir tiegħu fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Deċiżjoni 2014/699 u l-Artikolu 4(3) TUE. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li jista’ jiġi dedott, fuq il-bażi tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkunsidrat b’mod espliċitu, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, li l-aġir tagħha kien leġittimu, li dan l-Istat Membru x’aktarx li jadotta aġir simili fil-futur taħt ċirkustanzi simili.
27. Fit-tweġiba tagħha tas-7 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet it-talbiet tal-Kummissjoni.
28. Fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata li fiha tenniet il-pożizzjoni tagħha fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data li fiha tirċievi l-opinjoni, u b’mod partikolari ttemm l-allegati prattiki ta’ ksur deskritti fiha.
29. Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2016, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-opinjoni motivata, billi tenniet il-pożizzjoni tagħha espressa fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.
C. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma adottatx miżuri sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-allegat aġir ta’ ksur jew, fi kwalunkwe każ, tillimita dawn il-konsegwenzi u telimina kull dubju fir-rigward tal-aġir futur tagħha. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rrikonoxxietx l-illegalità tal-aġir tagħha fil-konfront tal-OTIF jew il-Kummissjoni u, għall-kuntrarju, issostni l-legalità tal-aġir tagħha.
31. Peress li l-Kummissjoni ma qisitx it-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-1 ta’ Frar 2016 suffiċjenti, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
32. Fil-5 ta’ Diċembru 2017, wara li ngħalqet il-fażi tal-proċedura bil-miktub fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, (8) li fiha hija ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi ċaħdet it-tliet motivi kollha invokati minn dan l-Istat Membru.
33. Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Fl-10 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, irriżervat id-deċiżjoni tagħha sakemm tiġi biex tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu tal-kawża.
34. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni insostenn tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dan ir-rikors.
35. Il-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018.
IV. Evalwazzjoni
A. L-ammissibbiltà tar-rikors
1. L-argumenti tal-partijiet
(a) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
36. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors huwa inammissibbli. Hija tissottometti li l-effetti tal-aġir inkwistjoni f’din il-kawża ġew eżawriti sal-aħħar tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, jiġifieri qabel it-tmiem tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tistax tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun waqqaf il-ksur qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u, barra minn hekk, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun inammissibbli meta l-aġir ikkritikat tal-Istat Membru ma jkunx għadu jipproduċi effetti legali qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu (9).
37. Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot tiegħu ma kellu l-ebda effett fuq ir-riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, kif ikkonfermat ukoll mill-Kummissjoni, u lanqas ma kkawża dannu lir-reputazzjoni, il-kredibbiltà u r-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fost il-membri tal-komunità internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li l-proċeduri li ħadet l-Unjoni ttieħdu b’tali mod li jipprekludi lir-Repubblika Federali tal-Ġenerali milli tikseb protezzjoni ġudizzjarja kontra d-Deċiżjoni 2014/699, li wasslet għall-kontroversja f’din is-seduta.
38. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-allegat dannu lid-dehra tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi rrimedjat iktar. Hija tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija la ħadet il-miżuri sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-aġir tagħha inkwistjoni f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u lanqas sabiex tneħħi d-dubji dwar il-miżuri futuri tagħha. Fil-fatt, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1734 (10), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2015”) li tidher fil-minuti tal-Kunsill, li fiha, filwaqt li rrimarkat li din id-deċiżjoni kienet illegali, hija speċifikat li, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14), hija ma kinitx ser teżerċita d-dritt tal-vot tagħha dwar dawn il-kwistjonijiet b’mod li jvarja mill-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dan l-Istat Membru kien diġà waqqaf il-prattika kkritikata mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, sa minn qabel beda jiddekorri t-terminu indikat fiha.
39. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn il-Kummissjoni stenniet li hija tesprimi d-dispjaċir tagħha u tabbanduna l-analiżi ġuridika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-bażi ta’ tali obbligu u tistaqsi sa fejn din id-dikjarazzjoni tista’ x’aktarx telimina a posteriori l-allegat dannu lir-reputazzjoni u l-kredibbiltà tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, la fl-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkun meqjusa li kisret id-dritt tal-Unjoni minħabba n-nuqqas li tissottometti tali dikjarazzjoni. Barra minn hekk, sabiex rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ammissibbli, ma jkunx biżżejjed, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jippersistu d-diverġenzi legali fl-opinjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni kemm-il darba, dan l-Istat Membru jikkonforma xorta waħda mal-analiżi tal-Kummissjoni. Dan japplika iktar u iktar meta l-kwistjoni legali li tinvolvi dawn id-diverġenzi tkun diġà suġġetta għall-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif hu dan il-każ.
40. Ma nistax ma niftakarx fl-espressjoni “pociąg odjechał” (11) - li tiġbor l-argument Ġermaniż fi frażi waħda.
(b) Il-Kummissjoni
41. Filwaqt li l-Kummissjoni taċċetta li rikors skont l-Artikolu 258 TFUE dwar nuqqas li l-effetti kollha tiegħu jkunu ġew eżawriti qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, huwa inammissibbli, hija tenfasizza li dan il-prinċipju ma huwiex mingħajr eċċezzjoni.
42. Skont il-Kummissjoni, jista’ jiġi dedott mis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (12) li, għalkemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jibqax ikollu effett fl-aħħar tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-rikors jibqa’ ammissibbli meta, għalkemm tkun aġixxiet fi żmien xieraq, il-Kummissjoni ma kellhiex iż-żmien meħtieġ sabiex tikkonkludi l-proċedura prekontenzjuża qabel il-ksur twaqqaf. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm l-interess pubbliku għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara s-sitwazzjoni legali sabiex tevita d-dubji minn naħa tal-Istat Membru kkonċernat jew minn naħa tal-Istati Membri l-oħra. Dan l-interess ikun iktar u iktar ovvju meta jkun hemm kwistjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat dwar il-legalità tal-aġir ta’ dan tal-aħħar.
43. Il-Kummissjoni tirrimarka li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hija ma setgħetx tikkonkludi l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fi żmien xieraq.
44. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex meħtieġ li wieħed juri li hemm riskju ta’ repetizzjoni tal-allegat aġir.
45. Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TFUE, il-Kummissjoni taċċetta li d-dannu li ġie kkawżat ma setax iktar jiġi rrimedjat fl-intier tiegħu, anki jekk dan id-dannu seta’ jiġi limitat permezz ta’ kjarifiki f’laqgħa sussegwenti tal-OTIF. Fi kwalunkwe każ, peress li kien impossibbli għall-Kummissjoni li tipprekludi l-okkorrenza ta’ tali dannu irreparabbli permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.
46. Fir-rigward tal-argument li l-aġir tal-Unjoni Ewropea wassal għal sitwazzjoni ta’ preġudizzju għall-kredibbiltà u r-reputazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-effetti tal-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu inkontestabbli, l-effetti tal-aġir tal-Kummissjoni u tal-Kunsill setgħu, l-iktar l-iktar, jiġu diskussi fil-kuntest tal-mertu tal-kawża. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat. Dan ir-raġunament japplika wkoll għall-argument imressaq minn dan l-Istat Membru bbażat fuq il-fatt li huwa ma kellux protezzjoni ġudizzjarja.
47. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ssostni li hija għamlet dak kollu possibbli sabiex tneħħi d-dubji dwar l-aġir futur tagħha u anki sabiex telimina, sa fejn huwa possibbli, il-konsegwenzi tan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tagħha fis-sens tad-dannu li setgħet ikkawżat lid-dehra tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma kienx jirrikonoxxi fil-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF li kien għamel żball.
2. Analiżi
48. Il-kwistjoni mqajma fil-kawża preżenti hija dwar jekk ir-rikors tal-Kummissjoni huwiex inammissibbli għaliex l-effetti legali kollha tal-allegat ksur ġew allegatament eżawriti qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni.
(a) Il-formulazzjoni tat-Trattat
49. Il-punt tat-tluq huwa l-formulazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE.
50. Skont din id-dispożizzjoni, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru naqas li jwettaq obbligu taħt it-Trattati (jiġifieri, obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni), hija għandha tagħmel opinjoni motivata dwar il-kwistjoni wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
51. Fil-fatt wieħed jista’ jitħajjar li jiddeduċi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE li din id-dispożizzjoni, loġikament, tippreżupponi li hemm ksur pendenti li l-Istat Membru jista’ jwaqqaf matul il-proċeduri. Wieħed jista’ jargumenta li sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jikkonforma mal-opinjoni motivata, il-ksur irid ikun għadu pendenti, għaliex jekk ikun mod ieħor huwa impossibbli għall-Istat Membru li jikkonforma mal-opinjoni motivata.
52. Madankollu, tali affermazzjoni kategorika, għalkemm tista’ tkun ta’ tentazzjoni, għandha tiġi rreżistita.
(b) Il-ġurisprudenza relatata
53. Bħala materja preliminari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tappoġġax din l-affermazzjoni.
54. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-Kummissjoni ma tistax tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ikkonforma l-aġir tiegħu mad-dritt tal-Unjoni qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għal dan il-għan fl-opinjoni motivata (13).
55. Madankollu, id-drabi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi għal raġunijiet ta’ ammissibbiltà kienu pjuttost rari.
56. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, (14) kawża dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-effetti ta’ avviż ta’ kuntratt ikunu ġew eżawriti qabel ma ngħatat l-opinjoni motivata, il-ksur ikkontestat ma jkunx baqa’ jeżisti mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli (15).
57. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li “l-Kummissjoni la aġixxiet fi żmien xieraq sabiex tevita, permezz ta’ proċeduri għad-dispożizzjoni tagħha, l-effetti tal-ksur ikkontestat u lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li ma jippermettux il-konklużjoni tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita fl-Artikolu [258 TFUE] qabel il-ksur ikun waqaf milli jeżisti” (16). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, “sostanzjalment segwiet” (17) il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz, li skonthom hemm eċċezzjonijiet għar-regola (18) fil-każijiet ta’ “ksur staġonali […] fejn, minħabba l-għan u n-natura ġuridika tiegħu, il-ksur tat-Trattat huwa ristrett għal perjodu limitat (bħal per eżempju fil-każ tar-restrizzjonijiet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni introdotti fuq bażi staġonali għall-protezzjoni tal-operaturi nazzjonali) u fejn, minħabba dan, it-tnedija tal-proċedura preċedenti tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu issir, fis-sens ta’ żmien biss, iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli għalkollox” (19).
58. Jiena nissottometti li dan l-aspett kien kruċjali għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja: peress li l-Kummissjoni la aġixxiet meta hija setgħet u lanqas ma pprovdiet ġustifikazzjoni xierqa għal tali nuqqas ta’ azzjoni, hija ma tistax tkun tista’ tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru iktar tard jekk l-allegat ksur ma jkunx għadu jeżisti.
59. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tapplika fil-ġurisprudenza tagħha test b’żewġ partijiet (kumulattivi): l-ewwel nett, sabiex rikors ikun inammissibbli, il-ksur irid ikun waqaf milli jeżisti qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u t-tieni nett, il-Kummissjoni riedet tkun f’pożizzjoni li taġixxi sabiex tevita l-effetti tal-allegat ksur. Jekk xi wieħed minn dawn l-istadji ma jirriżultax, ir-rikors ma jistax ikun inammissibbli.
60. Meta jiġi applikat dan it-test għall-kawża preżenti, jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli, għaliex kien impossibbli għall-Kummissjoni li tipprekludi lill-Ġermanja milli twettaq l-allegat ksur (20).
61. Barra minn hekk, kif jirrimarka b’mod ċar l-Avukat Ġenerali Mengozzi, filwaqt li fil-prinċipju l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata li tressaq proċeduri ta’ ksur li ntemm, “dan m’għandux jipprekludilha l-possibbiltà li tibda proċedimenti kontra nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi li jkunu seħħew matul perijodi qosra, li fil-konfront tagħhom, anki jekk tkun aġixxiet tempestivament hija ma jkollhiex materjalment iż-żmien li tispiċċa l-proċedura prekontenzjuża qabel ma dawn jieqfu” (21). L-Avukat Ġenerali Geelhoed jagħmel ukoll punt validu, fl-opinjoni tiegħi, meta huwa jikkawtela kontra l-interpretazzjoni riġida ħafna tal-ammissibbiltà billi jargumenta li “fl-aħħar nett, ifisser li l-proċeduri taħt l-[Artikolu 258 TFUE] għal ksur tad-dritt tal-[Unjoni] li l-effetti tiegħu jkun waqqfu milli jeżistu u li huma irreversibbli jsiru impossibbli fil-futur. Dan jista’ jwassal għall-ksur sistematiku” (22).
62. L-approċċ li nipproponi huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-bidu tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, diġà fl-1973 il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tantiċipa l-argumenti konvinċenti tal-Istati Membri dwar l-ammissibbiltà meta ddeċidiet li “l-konvenut fi kwalunkwe każ ma jistax jinvoka l-fait accompli li hu stess hu l-awtur tiegħu sabiex jaħrab mill-proċeduri ġudizzjari” (23). Ma narax il-ħtieġa li nelabora dwar l-importanza ta’ din id-dikjarazzjoni għall-kawża ineżami.
(c) Il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa turi r-rekwiżit separat ta’ “interess speċifiku”
63. Fl-aħħar nett wieħed għandu jżid li fil-kuntest tal-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li turi interess speċifiku sabiex tressaq ir-rikors (24). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tridx turi li hemm interess speċifiku sabiex tressaq rikors meta teżerċita s-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE. Minħabba l-irwol tagħha bħala gwardjana tat-Trattat, il-Kummissjoni waħedha hija kompetenti li tiddeċiedi jekk huwiex xieraq li tressaq proċeduri kontra Stat Membru għan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tiegħu u li tistabbilixxi l-aġir jew in-nuqqas attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat li jikkostitwixxi l-bażi li fuqu għandhom jitressqu l-proċeduri (25).
(d) Ebda interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 258 TFUE
64. Rigward l-argument iktar ġenerali u fundamentali mressaq mill-Gvern Ġermaniż li bħala dispożizzjoni proċedurali, l-Artikolu 258 TFUE għandu jiġi applikat b’mod strett sabiex jiggarantixxi il-massimu taċ-ċertezza legali, biżżejjed jingħad li tali prinċipju ma huwiex ikkonstatat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26).
65. Pjuttost il-kuntrarju. Barra mill-ġurisprudenza liberali tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji preliminari (27), il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ma qagħditx lura milli tinterpreta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat proċedurali praeter legem (biex ngħiduha b’mod ġentili) sabiex tosserva l-prinċipju tal-istat tad-dritt li fuqu huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (28) jew il-prinċipju ta’ bilanċ interistituzzjonali (29). Rigward il-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, li ġiet invokata b’mod speċifiku mill-Gvern Ġermaniż insostenn tal-argument tiegħu, hawnhekk, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li ma tinterpretax l-Artikolu 263(4) TFUE b’mod wiesa’ ħafna. Iżda, b’mod differenti mill-każ ineżami, dik il-kawża kienet tirrigwarda t-tifsira ta’ interess individwali skont l-Artikolu 263 TFUE u għalhekk dwar ir-reviżjoni tal-legalità tal-miżuri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawn il-kriterji iktar flessibbli u emendat il-ġurisprudenza tagħha, dan kien ikollu effett fuq is-sistema kollha tar-rimedji legali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u r-relazzjoni u l-interazzjoni bejn ir-rikorsi għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE u l-proċedura tar-rinviju preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, u huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-possibbiltà li jiġu emendati t-Trattati skont l-Artikolu 48 TUE (30).
66. Fil-qosor, il-kawża preżenti hija għalhekk ammissibbli.
B. Is-sustanza tar-rikors
1. Il-ksur tad-Deċiżjoni 2014/699
(a) L-argumenti tal-partijiet
1) Il-Kummissjoni
67. Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-Deċiżjoni 2014/699 billi vvotat, fil-25 seduta tal-Kumitat tar‑Reviżjoni tal-OTIF, kontra l-pożizzjoni ppreżentata mill-Unjoni f’din id-deċiżjoni fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda ta’ dan il-Kumitat tar-Reviżjoni, u billi pubblikament ikkontestat l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot mill-Unjoni Ewropea.
68. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Deċiżjoni 2014/699 hija, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, vinkolanti fl-intier tagħha, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Istati Membri. Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra din id-deċiżjoni fil-Kunsill u ressqet rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaffettwax in-natura vinkolanti tad-deċiżjoni u l-obbligi li jirriżultaw minnha għall-Istati Membri.
69. Fil-fatt, jidher mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw waħedhom miżuri korrettivi jew difensivi intiżi sabiex jipprekludu l-istituzzjoni li tkun adottat l-att ikkontestat milli tinjora d-dritt tal-Unjoni. Isegwi li, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx annullat id-Deċiżjoni 2014/699 jew issospendiet l-eżekuzzjoni tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ikollha tikkonforma magħha. Altrimenti, l-applikazzjoni konsistenti u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, element fundamentali tas-sistema tal-Unjoni, tiġi mminata.
70. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li la kien impossibbli u lanqas mhux neċessarju għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li titlob miżuri provviżorji. Din l-istituzzjoni tenfasizza li t-Trattat stabbilixxa sistema komprensiva ta’ rimedji li, kif jidher mill-Artikoli 278 u 279 TFUE, tagħmilha possibbli li tindirizza sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Id-diffikultajiet f’dan ir-rigward, bħal dawk invokati minn dan l-Istat Membru, ma jippermettux lill-Istati Membri li jaġixxu b’mod unilaterali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
71. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ingħatat l-opportunità li tikseb il-miżuri provviżorji fi żmien xieraq. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni tfakkar li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF ma ħolqux liġi li hija applikabbli mid-data tal-adozzjoni tagħha, iżda kellhom jittieħdu passi addizzjonali qabel dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ. Madankollu, bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni mill-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF u d-dħul fis-seħħ tal-emendi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tikseb il-miżuri provviżorji. Minn naħa, fir-rigward tal-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF, isegwi mill-Artikolu 33(2) u (4)(a) tal-COTIF li din l-emenda kienet għadha trid tiġi adottata b’mod definittiv mill-Assemblea Ġenerali tal-OTIF, li seħħet fit-30 ta’ Settembru 2015. Minn naħa l-oħra, rigward l-emenda tal-Artikoli 2 u 9 tal-Appendiċi D (CUV), din l-emenda ma kinitx se tidħol fis-seħħ immedjatament, skont l-Artikolu 35(3) u (4) tal-COTIF. Għalhekk, kien possibbli għall-Unjoni Ewropea, meta wieħed jassumi li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699 ġiet ordnata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tressaq oġġezzjoni mal-OTIF fi żmien erba’ xhur mid-data tal-adozzjoni tal-emenda inkwistjoni.
2) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
72. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżit li t-test għandu jkun ċar biżżejjed, peress li l-Kummissjoni ma speċifikatx fil-konklużjonijiet tagħha li qed iżżomm l-Istat Membru responsabbli għan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tiegħu biss fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Skont dan l-Istat Membru, din l-istituzzjoni għamlet din il-kjarifika biss fir-risposta qasira tagħha.
73. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinsinwa li minħabba l-allegati nuqqasijiet serji tagħha, id-deċiżjoni inkwistjoni hija att li ma jeżistix (31) - kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ex officio.
74. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taċċetta li hija ma kkonformatx mad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn din tipprovdi għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-punti 5, 7 u 12 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Madankollu, hija tqis li d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dik id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu invokati kontriha peress li dawn huma illegali għar-raġunijiet diġà esposti fil-kawża li waslet għas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14, EU:C:2017:935) (32).
75. Dan l-Istat Membru jispeċifika, f’dan il-kuntest, li huwa responsabbli li jressaq, skont l-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tallega li l-ksur li sar mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kienx kontra direttiva jew deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri, li l-illegalità tagħha ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi invokata mill-Istati Membri bħala difiża f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità ma’ tali att, iżda ta’ deċiżjoni ġenerali li ma ġietx innotifikata lid-destinatarji, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Hija żżid li l-kliem “fi proċediment li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali” fil-formulazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE jinkludu l-każ fejn il-legalità ta’ att ta’ applikazzjoni ġenerali hija mistħarrġa fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
76. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li hija biss tista’ tinvoka b’mod inċidentali l-illegalità tad-Deċiżjoni 2014/699 f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità ma’ din id-deċiżjoni minn dan l-Istat Membru, anki fid-dawl tal-fatt li kien fil-prattika impossibbli li tikseb il-protezzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni qabel il-ftuħ tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Barra minn hekk, peress li kienet l-Unjoni Ewropea li organizzat il-proċedura li waslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699 b’tali mod li jipprekludi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli tikseb il-protezzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni, l-esklużjoni tal-possibbiltà għal dan l-Istat Membru li jinvoka b’mod inċidentali l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni fil-kawża preżenti tmur kontra il-prinċipju nemo turpitudinem suam allegans auditur. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, it-talba għal ksib, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, wara l-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, ta’ miżura provviżorja mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-effett li l-Kunsill ikun kostrett li jressaq oġġezzjoni, skont l-Artikolu 35 tal-COTIF, kontra d-deċiżjonijiet li ttieħdu matul din is-seduta, kienet tkun inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, l-intenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex li tipprekludi l-adozzjoni tal-emendi kkontestati, iżda pjuttost li tiċċara l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni.
77. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, fir-rigward tal-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF, li hija s-suġġett tal-punt 4 tal-aġenda tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, li hija ma kisritx id-Deċiżjoni 2014/699, peress li din id-deċiżjoni tipprovdi li huma l-Istati Membri li jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li din tiddefinixxi biss “[p]ożizzjoni kkoordinata rakkomandata”. Dan l-Istat Membru jfakkar li rakkomandazzjoni, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ma hijiex vinkolanti. Fir-rigward tal-emenda tal-Artikoli 2 u 9 tal-Appendiċi D (CUV), li hija s-suġġett tal-punt 7 tal-aġenda tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, dan l-Istat Membru jargumenta li, għalkemm id-Deċiżjoni 2014/699 ipprovdiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea kellha biss tiddefinixxi rakkomandazzjonijiet għall-pożizzjonijiet, mingħajr ebda effett vinkolanti.
78. Fis-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrevokat b’mod formali l-ewwel eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE.
(b) Analiżi
79. Rigward il-kritika mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-preċiżjoni tas-sottomissjoni tal-Kummissjoni, jiena nemmen li huwa ċar mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet lilha nnifisha biss fuq il-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF u vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea kif ippreżentata fid-Deċiżjoni 2014/699. Barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni rreferiet biss għall-Artikolu 1 u l-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn dan l-anness jikkonċerna l-emendi tal-COTIF li huma s-suġġett tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Għalhekk jidhirli li, minkejja l-formulazzjoni ġenerali tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rikors tagħha, billi rreferiet għad-Deċiżjoni 2014/699 fl-intier tagħha, ma għandux ikun hemm inċertezza dwar il-portata tal-allegat ksur.
80. Barra minn hekk, ma ninsabux fil-preżenza ta’ att li ma jeżistix (33).
81. Barra mill-fatt li r-riferimenti fid-Deċiżjoni 2014/699 għall-“[p]ożizzjoni[jiet] [i]kkoordinat[i] rakkomandat[i]” ma jistgħux bl-ebda mod raġonevoli jiġu interpretati li jippermettu lill-Istat Membru li jinjora l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li din id-deċiżjoni sofriet minn insuffiċjenzi loġiċi inerenti li jwasslu għal att li ma jeżistix hija preżumibbilment kienet tiddeċiedi hekk kif għamlet fil-Kawża C-600/14, EU:C:2017:935, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill.
82. Rigward il-ksur, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fatti kif ippreżentati mill-Kummissjoni u li, barra minn hekk, irrevokat l-eċċezzjoni tal-illegalità, l-analiżi tista’ tkun pjuttost qasira.
83. Il-minuti tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF ma jħallux dubju: ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet l-opinjonijiet tagħha dwar il-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF u vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea kif iddefinita fid-Deċiżjoni 2014/699. Rigward il-punt 7 ta’ din l-aġenda, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat ukoll id-dritt tal-vot fuq dan il-punt speċifiku, b’mod kuntrarju għall-modalitajiet tal-votazzjoni ddefiniti fl-imsemmija deċiżjoni.
84. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tadotta din id-deċiżjoni. Iżda, hawnhekk, ma hijiex din il-kwistjoni. Kif ġiet adottata d-Deċiżjoni 2014/699, il-Ġermanja kienet obbligata li tirrispetta u timplimenta din id-deċiżjoni. F’Unjoni Ewropea bbażata fuq l-istat tad-dritt, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu mill-preżunzjoni tal-legalità. Hemm il-proċeduri stabbiliti sabiex tiġi kkontrollata l-legalità ta’ dawn il-miżuri. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja tista’ tikkontesta kull att taħt l-Artikolu 263(1) TFUE mingħajr ma jkollha turi interess fl-att. F’tali sitwazzjoni, jista’ jkun mistenni mill-Istat Membru li jieħu d-deċiżjoni diffiċli li jsegwi d-Deċiżjoni – irrispettivament minn jekk dan l-Istat Membru jqisx tali deċiżjoni bħala waħda tajba. Dak li ma jistax jagħmel l-Istat Membru huwa li jieħu l-liġi f’idejh. Miżura unilaterali ma hijiex possibbli. Hija ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward li Stat Membru ma jistax jadotta b’mod unilaterali, fuq l-awtorità tiegħu stess, miżuri korrettivi jew protettivi intiżi li jevitaw kull (allegat) ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni minn istituzzjoni (34). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għalhekk aġixxiet kontra, u kisret, it-termini tad-Deċiżjoni 2014/699.
2. Il-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE
(a) L-argumenti tal-partijiet
85. Il-Kummissjoni ssostni li sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, tbiegħdet mill-vot espress mill-Unjoni Ewropea u talbet li teżerċita d-dritt tal-vot tagħha meta dan id-dritt kien ingħata lill-Unjoni Ewropea, hija ħolqot konfużjoni fir-rigward tar-riżultat tal-vot u kkawżat dannu lill-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni, l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tagħha u d-dehra tagħha b’mod ġenerali. Dan l-aġir għalhekk kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE.
86. B’kuntrast, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Kummissjoni ma weritx l-eżistenza effettiva ta’ ksur tal-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni jew il-fatt li l-aġir tagħha kien il-kawża ta’ tali ksur. Għall-kuntrarju, hija tqis li kienet l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-OTIF, li ħolqot sfidi ġodda għall-OTIF, u l-għaġġla eċċessiva li biha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ppreparaw għall-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, li kkawżaw il-konfużjoni matul il-vot f’dan il-korp.
(b) Analiżi
87. L-Artikolu 4(3) TUE jistipula li skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Unjoni u joqogħdu lura milli jieħdu dawk il-miżuri li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.
88. Din id-dispożizzjoni, li hija ċentrali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (35), ġiet deskritta bħala li tikkostitwixxi l-“għan inerenti tal-kuntratt tal-proġett kollu tal-integrazzjoni Ewropea” (36) u li tenfasizza l-karattru reċiproku tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, hija regola ġenerali li ngħatat espressjoni konkreta f’diversi dispożizzjonijiet oħra fit-Trattat (37).
89. Peress li kull ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju l-ksur tad-Deċiżjoni 2014/699, jikser ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (38), bħala regola ġenerali, l-Artikolu 4(3) TUE jinsab wara dan il-ksur speċifiku u ma jurix effetti legali minnu nnifsu. Għalhekk, f’diversi każijiet, huwa ta’ natura dikjaratorja. Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni b’mod espliċitu milli tanalizza dan il-prinċipju fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi meta ssib ksur ta’ tali nuqqas ta’ traspożizzjoni għaliex ma tarax “il-bżonn” li tagħmel hekk (39).
90. Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 4(3) TUE jikkostitwixxi bażi indipendenti għall-obbligi (40).
91. Hemm lok għal tali applikazzjoni separata tal-Artikolu 4(3) TFUE anki minħabba l-fatt li din il-kwistjoni tinsab fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni.
92. B’mod partikolari, fil-qasam tal-ftehimiet imħallta (41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li fejn jidher li s-suġġett ta’ ftehim jew konvenzjoni jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u parzjalment f’dik tal-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kemm fil-proċess ta’ negozjati u konklużjoni kif ukoll fit-twettiq tal-impenji li jkunu ttieħdu. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni joħroġ mir-rekwiżit tal-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea (42).
93. Jiena nipproponi li din id-dikjarazzjoni (43) tkun tassew il-każ li kieku wieħed ibiddel il-kawża u l-konsegwenza u jara r-rekwiżit tal-unità bħala li joħroġ mill-obbligu ta’ kooperazzjoni (44).
94. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-arranġament bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-votazzjoni fl-organizzazzjoni internazzjonali (l-FAO) jirrappreżenta t-twettiq tad-dmir ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri f’din l-organizzazzjoni internazzjonali (45).
95. Għalkemm fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet, il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni ma kinux inkwistjoni b’mod speċifiku fix-xena internazzjonali, aħna nafu minn din il-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu importanza partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u li dan japplika b’mod speċifiku fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni fil-qasam tal-kompetenza kondiviża (46).
96. Jiena għalhekk nargumenta li dak li għandha bżonn tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti huwa li tmur pass lil hinn. Hija għandha tiċċara li r-reputazzjoni u l-kredibbiltà tal-Unjoni fix-xena internazzjonali jikkostitwixxu interess ġuridiku distint protett mill-Artikolu 4(3) TFUE u li, fil-kawża inkwistjoni, imur lil hinn mill-formulazzjoni u l-għan tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699.
97. In-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-deċiżjoni flimkien mal-manifestazzjoni ċara ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni jikkawżaw danni lir-reputazzjoni tal-Unjoni fil-livell internazzjonali. Dawn jagħtu l-impressjoni li din l-organizzazzjoni ma hijiex kapaċi li taġixxi flimkien fil-preparazzjoni ta’ laqgħa f’organizzazzjoni internazzjonali.
98. Barra minn hekk, kif issostni tajjeb il-Kummissjoni, il-fatt biss li l-vot tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellux effett fuq ir-riżultat tas-seduta ma jbiddilx din il-konstatazzjoni.
V. Konklużjonijiet
99. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha u l-Artikolu 4(3) TUE billi vvotat fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) kontra l-pożizzjoni stabbilita f’din id-deċiżjoni u esprimiet pubblikament id-diżapprovazzjoni tagħha kemm għal din il-pożizzjoni kif ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni tal-Unjoni Ewropea previst fiha.
– tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.