Language of document : ECLI:EU:F:2011:44

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

14 ta’ April 2011

Kawża F-113/07

Irmantas Šimonis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Trasferiment interistituzzjonali — Ġurist lingwist — Sostituzzjoni ta’ motivi — Rekwiżit ta’ perijodu minimu ta’ anzjanità”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu I. Šimonis jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li warrbitu mill-proċedura ta’ selezzjoni prevista mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti interistituzzjonali COM/2007/142 billi rrinunzjat li titlob it-trasferiment tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni li r-rikorrent kien mgħarraf biha fit-8 ta’ Marzu 2007.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea warrbet lir-rikorrent mill-proċedura ta’ selezzjoni prevista mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2007/142 billi rrinunzjat li titlob it-trasferiment tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrent. Ir-Repubblika tal-Litwanja, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrent, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment — Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Avviż ta’ post vakanti — Skop — Obbligu għall-amministrazzjoni li tindika l-kundizzjonijiet rikjesti għal impjieg — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kriterji — Interess tas-servizz — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Proċeduri — Għażla — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(1))

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Obbligu tal-amministrazzjoni li timla pożizzjoni vakanti — Assenza — Eċċezzjoni

6.      Uffiċjali — Rikors — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat matul il-proċedura — Inammissibbiltà — Eċċezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Deċiżjoni li tiċħad ilment, kemm jekk hija impliċita jew espliċita, jekk hija pura u sempliċi, tikkonferma biss l-att jew l-assenza li dwarhom jilmenta min jagħmel l-ilment, u ma tikkostitwixxix, waħedha, att li jista’ jiġi ikkontestat. Fil-fatt, il-kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju ma tistax tiġi rikonoxxuta fir-rigward ta’ att purament konfermattiv bħal fil-każ ta’ att li ma għandu ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti li jikkawża preġudizzju u li għaldaqstant ma huwiex issostitwit minnu.

Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn l-ipoteżijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew saħansitra tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi ruħu għal dan tal-aħħar.

(ara l-punti 35 u 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punt 54; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Novembru 2009, Voslamber vs Il‑Kummissjoni, F‑86/08, punti 29 u 30, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Peress li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi mingħand l-amministrazzjoni li hija tqiegħed lill-partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni li jkunu jafu, b’mod eżatt, il-firxa tal-obbligi imposti fuqhom jew tad-drittijiet li huma għandhom, huwa jimponi li regola li tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi għall-membri tal-persunal tagħha għandha tkun suġġetta għal miżura ta’ pubbliċità adegwata fil-modalitajiet u fil-forom li għandhom jiġu ddeterminati mill-amministrazzjoni. Pubbliċità bħal din hija rikjesta fir-rigward ta’ regola interna li tiddikjara li l-amministraturi li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ ġurista lingwista għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ erba’ snin ta’ anzjanità wara l-ewwel reklutaġġ tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu assenjati għal funzjonijiet oħra.

B’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw ir-reklutaġġ tal-uffiċjali, l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata li tindika kemm jista’ jkun b’mod eżatt fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jimtela impjieg, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok li huma jippreżentaw il-kandidatura tagħhom. Ċertament, l-imsemmija awtorità ma tistax tiġi obbligata tfakkar il-kundizzjonijiet speċifikament previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kandidati huma preżunti li jkunu mgħarrfa bihom, iżda avviż ta’ pożizzjoni vakanti jitlef l-għan tiegħu, li huwa dak li jinforma lill-kandidati dwar il-kundizzjonijiet li għadhom ikunu ssodisfatti sabiex jimtela impjieg, jekk l-amministrazzjoni setgħet twarrab kandidat għal raġuni li ma tinsabx espressament fl-imsemmi avviż jew fir-Regolamenti tal-Persunal, jew li ma ġietx ippubblikata. Li kieku l-amministrazzjoni kellha tibbaża ruħha fuq ċerti kundizzjonijiet, li skont hi jkunu rikjesti sabiex jimtela l-impjieg inkwistjoni, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż, fid-dawl tal-kandidati li ppreżentaw ruħhom, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ oġġettività, ma jiġux issodisfatti.

(ara l-punti 73 sa 75 u 90)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il‑Kunsill, 188/73, punt 40; 21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C‑158/06, punt 25; 11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C‑161/06, punt 28; 10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 2 ta’ Ottubru 1996, Vecchi vs Il‑Kummissjoni, T‑356/94, punt 50; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑80/08, punt 90

3.      Għalkemm, b’mod partikolari fir-rigward ta’ meta tevalwa l-interess tas-servizz, l-amministrazzjoni għandha setgħa wiesgħa, din hija wkoll obbligata, meta tadotta deċiżjoni individwali, li tagħmel evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fir-rigward tar-reklutaġġ, l-amministrazzjoni ma tistax biss tinvoka l-interess tas-servizz, jew saħansitra l-ekwità, sabiex tadotta deċiżjoni mingħajr ma tispjega għalfejn il-karatteristiċi tal-impjieg li għandu jimtela jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni ma tosservax dan ir-rekwiżit meta ssostni, sabiex tiġġustifika t-teħid ta’ deċiżjoni li twarrab ġurista lingwista ta’ istituzzjoni oħra mis-selezzjoni prevista minn avviż ta’ pożizzjoni vakanti interistituzzjonali, li hija għandha tippromwovi l-mobbiltà interna tal-uffiċjali tagħha, li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kompetizzjonijiet organizzati għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti u li dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn klassifikazzjoni fi grad iktar vantaġġuż, mingħajr ma tispjega għalfejn l-interess tas-servizz jimponi li l-impjieg inkwistjoni ma jistax jimtela minn ġurista lingwista rreklutat għal inqas minn erba’ snin — anzjanità rikjesta, iżda mhux dejjem, abbażi ta’ regola interna —, minflok biss tliet snin kif jipprovdi l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2005.

(ara l-punti 77 u 78)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter u Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 33/86, 44/86, 110/86, 226/86 u 285/86, punt 27; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ottubru 1995, Alexopoulou vs Il‑Kummissjoni, T‑17/95, punt 21

4.      Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-Awtorità tal-Ħatra tkun biħsiebha timla impjieg, hija għandha teżamina, f’ordni ta’ preferenza, fl-ewwel lok, l-opportunitajiet għal promozzjoni u għal trasferiment fl-istituzzjoni fejn il-pożizzjoni vakanti seħħet, fit-tieni lok, il-possibbiltajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet interni f’din l-istituzzjoni u, fit-tielet lok, it-talbiet ta’ trasferiment ta’ uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra, qabel ma tiftaħ il-proċedura ta’ kompetizzjoni abbażi tal-kwalifiki, tal-eżamijiet jew tal-kwalifiki u tal-eżamijiet.

Ċertament, l-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata b’mod assolut li tipproċedi bi prijorità għal promozzjoni jew trasferiment, anki fil-preżenza ta’ kandidaturi validi ta’ uffiċjali li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u l-kundizzjonijiet kollha rikjesti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Madankollu, qabel ma twessa’ l-għażla tagħha billi torganizza kompetizzjoni interna jew billi teżamina l-possibbiltajiet ta’ trasferiment interistituzzjonali, hija għandha teżamina jekk l-opportunitajiet eżistenti jistgħux iwasslu għall-ħatra ta’ persuna bl-ogħla ħiliet ta’ kompetenza, ta’ effiċjenza u ta’ integrità.

(ara l-punti 81 u 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Diċembru 1974, Van Belle vs Il‑Kunsill, 176/73, punti 5 u 6; 18 ta’ Marzu 1999, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament, C‑304/97 P, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni, T‑372/00, punt 98

5.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li tkompli proċedura ta’ reklutaġġ, hija tista’ tagħmel dan biss għal raġunijiet oġġettivi u suffiċjenti, sabiex tikkumpensa l-aspettattiva tal-persuna kkonċernata li tinħatar għall-impjieg li għalih hija kienet kandidata, liema aspettattiva tvarja skont l-istadju tal-proċedura ta’ selezzjoni li fih l-imsemmija persuna tkun waslet. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu impossibbli li jkunu magħrufa qabel ir-redazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal amministrazzjoni normalment diliġenti.

(ara l-punt 90)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Frar 1984, Kohler vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 316/82 u 40/83, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Marzu 1997, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑35/96, punt 60; 17 ta’ Frar 1998, Maccaferri vs Il‑Kummissjoni, T‑56/96, punt 33; 27 ta’ Novembru 2003, Bories et vs Il‑Kummissjoni, T‑331/00 u T 115/01, punt 172

6.      L-amministrazzjoni tista’ tissostitwixxi jew iżżid motiv għal deċiżjoni matul il-proċedura biss jekk jirriżulta li hija tkun f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, b’tali mod li l-annullament possibbli tad-deċiżjoni kontenzjuża jista’ jkollu biss l-effett li jobbliga lill-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni ġdida, identika fil-mertu, għad-deċiżjoni annullata.

(ara l-punt 93)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Diċembru 2010, Angulo Sánchez vs Il‑Kunsill, F‑67/09, punt 71