Language of document : ECLI:EU:C:2019:106

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Miżuri ta’ awsterità baġitarja – Tnaqqis tar-remunerazzjonijiet fis-servizz pubbliku nazzjonali – Modalitajiet – Impatt iddifferenzjat – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(b) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Indipendenza tal-imħallfin – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE”

Fil-Kawża C‑49/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Catalunya (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Carlos Escribano Vindel

vs

Ministerio de Justicia

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, M. Berger, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. Escribano Vindel, minnu stess,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn, H. Krämer u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, C. Escribano Vindel u, min-naħa l-oħra, il-Ministerio de Justicia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, Spanja) dwar it-tnaqqis fl-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-linji gwida ta’ politika baġitarja tal-Istat Spanjol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4        L-Artikolu 2(1) u (2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

[…]

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

5        L-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

[…]

b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg”.

 Id-dritt Spanjol

6        L-Artikolu 299 tal-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is-setgħa ġudizzjarja), tal-1 ta’ Lulju 1985 (BOE Nru 157, tat-2 ta’ Lulju 1985, p. 20632), jipprevedi li l-korp tal-maġistrati ġudizzjarja jinkludi tliet gradi, jiġifieri l-gradi ta’ maġistrat tal-ewwel grad (magistrado) tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), ta’ maġistrat tal-ewwel grad (magistrado) u ta’ maġistrat tat-tieni grad (juez).

7        L-Artikolu 32.Uno (II)(1) tal-Ley 26/2009 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2010 (il-Liġi 26/2009 dwar il-Finanzi Pubbliċi għas-sena 2010), tat-23 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 309, tat-23 ta’ Diċembru 2009, p. 108804, iktar ’il quddiem l-“LPGE 2010”), jipprevedi li, mill-1 ta’ Ġunju 2010, ir-remunerazzjonijiet bażiċi tad-diversi kategoriji li jikkomponu l-maġistratura ġudizzjarja ser jitnaqqsu b’9.73 % meta mqabbla mar-remunerazzjonijiet previsti sa dak iż-żmien.

8        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 32.Uno (II)(4) tal-LPGE 2010 huwa fformulat kif ġej:

“Ir-remunerazzjonijiet addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja u tal-prosekuzzjoni ser jitnaqqsu matul is-sena, meta mqabbla mar-remunerazzjonijiet fis-seħħ sal-31 ta’ Mejju 2010, b’6 % fil-każ tal-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad u tal-prosekuturi tal-ewwel grad, u b’5 % fil-każ tal-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad u tal-prosekuturi tat-tieni grad.”

9        L-Artikolu 1 tar-Real Decreto-Ley 8/2010 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2010), tal-20 ta’ Mejju 2010 (BOE Nru 126, tal-24 ta’ Mejju 2010, p. 45070), emenda l-Artikolu 32 tal-LPGE 2010 fir-rigward tar-remunerazzjonijiet tal-maġistrati għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2010.

10      L-Artikolu 31.Uno tal-Ley 39/2010 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2011 (il-Liġi 39/2010 dwar il-Finanzi Pubbliċi għas-sena 2011), tat-22 ta’ Diċembru 2010 (BOE Nru 311, tat-23 ta’ Diċembru 2010, p. 105744) (iktar ’il quddiem il-“LPGE 2011”), jipprevedi, minn naħa, li l-ammonti tar-remunerazzjonijiet tad-diversi kategoriji li jikkomponu l-maġistratura ġudizzjarja għandhom ikunu identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 32.Uno (II)(1) tal-LPGE 2010, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2010, tal-20 ta’ Mejju 2010, u, min-naħa l-oħra, li r-remunerazzjonijiet addizzjonali ma jkunux suġġetti għal ebda żieda meta mqabbla mar-remunerazzjonijiet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2010.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      C. Escribano Vindel, maġistrat tal-ewwel grad li jippresjedi waħdu fil-Juzgado de lo Social n 26 de Barcelona (il-Qorti Industrjali Nru 26 ta’ Barcelona, Spanja), ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Catalunya (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) sabiex jikkontesta l-iskedi ta’ remunerazzjoni tiegħu għas-sena 2011, billi jsostni, minn naħa, li huma kienu jikkostitwixxu atti amministrattivi adottati abbażi tal-Artikolu 31.Uno tal-LPGE 2011 u, min-naħa l-oħra, li huma kienu jinvolvu “tnaqqis sostanzjali meta mqabbla mal-perijodi korrispondenti tas-sena preċedenti” li jmur kontra l-Kostituzzjoni Spanjola.

12      Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Marzu 2015, il-qorti tar-rinviju ppreżentat quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) domanda dwar il-konformità tal-Artikolu 31.Uno tal-LPGE 2011 mal-Kostituzzjoni Spanjola, li fiha hija rrilevat li minn rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja kien jirriżulta li t-tnaqqis fis-salarju huwa ta’ 7.16 %, għall-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, li r-remunerazzjoni tagħhom hija l-inqas għolja, li huwa ta’ 6.64 % għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad li jippresjedu waħedhom li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, f’liema grupp jaqa’ barra minn hekk C. Escribano Vindel, u li huwa ta’ 5.90 % għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1, li r-remunerazzjoni tagħhom hija l-iktar waħda għolja.

13      B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2015, is-seduta plenarja tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat din id-domanda inammissibbli u ddeċidiet li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tiksirx, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola. Fil-fatt, din il-Qorti kkunsidrat li l-membri tal-korpijiet ġudizzjarji Spanjoli kkonċernati ma humiex f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, peress li dawn jinqasmu f’kategoriji distinti u jokkupaw pożizzjonijiet differenti.

14      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Frar 2016, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni adottati kinux diskriminatorji fir-rigward tal-Karta. Bħala tweġiba, C. Escribano Vindel sostna li l-imsemmija miżuri kienu jinvolvu diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età jew l-anzjanità, peress li t-tnaqqis tar-remunerazzjoni huwa iktar sinjifikattiv għall-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, li hija l-kategorija ta’ dħul fil-maġistratura ġudizzjarja u li tiġbor il-maġistrati ta’ età iżgħar u bl-inqas anzjanità. Għaldaqstant, dispożizzjoni apparentement newtrali tista’ toħloq effett proporzjonalment iktar negattiv skont l-età jew l-anzjanità.

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li tikkontribwixxi għall-għan ta’ tnaqqis tad-defiċit pubbliku impost mill-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba l-età, li hija pprojbita mill-Karta u mid-Direttiva 2000/78. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-rata ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni applikata minn din il-leġiżlazzjoni hija iktar għolja għall-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, u għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad li jippresjedu waħedhom, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, milli għall-kategoriji l-oħra ta’ maġistrati. Fil-fehma tagħha, il-maġistrati ta’ età iżgħar u bl-inqas anzjanità jikkontribwixxu għalhekk ħafna iktar għat-tnaqqis tad-defiċits pubbliċi, mingħajr ma dan l-obbligu speċifiku impost fuqhom huwa ġġustifikat minn raġuni oġġettiva rilevanti.

16      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, peress li tistabbilixxi tnaqqis tar-remunerazzjonijiet abbażi ta’ kriterji mingħajr teħid inkunsiderazzjoni la tal-funzjonijiet eżerċitati u lanqas tal-anzjanità u tipprevedi tnaqqis fit-trattament proporzjonalment iktar sinjifikattiv għall-maġistrati l-inqas imħallsa, tiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ indipendenza ġudizzjarja.

17      Hija tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, qabelxejn, għall-Artikolu 6 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin, adottata mit-8 sal-10 ta’ Lulju 1998 mill-Kunsill tal-Ewropa, sussegwentement, għar-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet, adottata fis-17 ta’ Novembru 2010 u, fl-aħħar nett, għall-punti 74 sa 79 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:395).

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Catalunya (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens [li] ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 31.Uno tal-[LPGE 2011], li tistabbilixxi perċentwali differenti ta’ tnaqqis li rriżultaw iktar onerużi għal dawk il-membri tal-ġudikatura li r-rimunerazzjoni tagħhom hija l-iktar baxxa, li b’hekk ġew issuġġettati għal sagrifiċċju ikbar fil-kuntest tal-kontribuzzjoni lejn il-finanzi pubbliċi (prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni)?

2)      Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ preservazzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja permezz ta’ remunerazzjoni ġusta, stabbli u konformi mal-funzjonijiet eżerċitati mill-membri tal-ġudikatura għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkluża fl-Artikolu 31.Uno tal-[LPGE 2011], li la tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, la tal-anzjanità, u lanqas tal-importanza tal-kompiti mwettqa mill-membri ta’ din tal-aħħar u li sabiex tippreżerva l-vijabbiltà tal-ispejjeż pubbliċi, timponi sagrifiċċju iktar oneruż unikament fuq dawk il-membri tal-ġudikatura li r-remunerazzjoni tagħhom hija l-iktar baxxa (prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19      Il-Gvern Spanjol iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula ma ġietx ipprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din it-talba ma tesponix b’mod suffiċjenti la l-fatti fil-kawża prinċipali, la l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u lanqas id-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba.

20      B’mod partikolari, hija nieqsa l-indikazzjoni tal-età, tal-anzjanità u tas-sistema ta’ remunerazzjoni ta’ C. Escribano Vindel. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja ma jkoprix il-grupp ta’ remunerazzjoni 1, li fih jaqa’ C. Escribano Vindel, iżda l-gruppi ta’ remunerazzjoni 4 u 5.

21      Fir-rigward tal-indikazzjoni tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali, ir-referenzi biss għall-Artikolu 31.Uno tal-LPGE 2011 u għall-Artikolu 301 tal-Liġi Organika 6/1985 dwar is-setgħa ġudizzjarja huma insuffiċjenti sabiex jinftiehmu s-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura Spanjola u l-mod kif it-tnaqqis fis-salarju tal-impjegati kollha tas-settur pubbliku ġie applikat għall-imsemmija membri.

22      Il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda informazzjoni dwar l-impatt ekonomiku reali tat-tnaqqis fir-remunerazzjoni għal C. Escribano Vindel jew għall-maġistrati ġudizzjarji l-oħra tal-ewwel grad jew tat-tieni grad u tillimita ruħha li ssemmi perċentwali, mingħajr ma tispeċifika l-ammonti li għalihom dawn japplikaw.

23      Barra minn hekk, l-ebda informazzjoni ma hija pprovduta dwar l-effett tat-tnaqqis fir-remunerazzjoni għall-maġistrati ġudizzjarji tal-ewwel grad tal-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja) jew tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Ċentrali, Spanja), u għall-imħallfin tal-ewwel grad tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Minbarra dan, ir-rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja jqabbel biss is-sitwazzjoni ta’ tliet tipi ta’ pożizzjonijiet magħżula “bħala eżempju”, sabiex “jintwera” il-mod kif il-perċentwal globali ta’ tnaqqis ivarja skont il-piż iktar jew inqas sinjifikattiv tar-remunerazzjoni addizzjonali fir-remunerazzjoni totali.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, il-Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju identifikat b’mod ċar, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Spanjol, il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari.

28      Sussegwentement, il-Gvern Spanjol ġustament jirrileva li l-indikazzjoni tal-kuntest legali nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju hija rudimentali. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn dan il-gvern u mill-Kummissjoni, li jikkorroboraw u jispeċifikaw dan il-kuntest legali, l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja juru li d-deċiżjoni tar-rinviju fiha madankollu l-elementi essenzjali tal-kuntest leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li tagħmel il-qorti tar-rinviju.

29      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ġustament jirrilevaw in-natura lakunarja tal-informazzjoni pprovduta. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex jinftiehmu kemm id-domandi preliminari kif ukoll il-portata tagħhom.

30      Għaldaqstant għandu jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

31      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

32      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li biha tinsab adita, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata tali elementi utli ta’ interpretazzjoni, għandhom jiġu fformulati mill-ġdid id-domandi magħmula.

34      Fil-fatt, fl-ewwel lok, sa fejn l-ewwel domanda hija intiża għal interpretazzjoni tal-“prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fit-tieni lok, sa fejn din l-istess domanda tirrigwarda speċifikament it-tnaqqis fis-salarji tal-“membri tal-maġistratura ġudizzjarja li r-remunerazzjoni tagħhom kienet l-iktar baxx”, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta, minn naħa, li dan il-grupp huwa kkostitwit mill-maġistrati ġudizzjarji tat-tieni grad, li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5, u, min-naħa l-oħra, li C. Escribano Vindel ma jagħmilx parti mill-imsemmi grupp. Fil-fatt, filwaqt li l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jqisu li l-punti ta’ fatt pprovduti mill-qorti tar-rinviju jistabbilixxu li dan tal-aħħar jagħmel parti mill-grupp ta’ remunerazzjoni 1, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li huwa jagħmel parti mill-grupp ta’ remunerazzjoni 4.

36      Fit-tielet lok, għalkemm it-tieni domanda tirrigwarda, skont il-kliem tagħha, interpretazzjoni tal-“prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ preservazzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja permezz ta’ remunerazzjoni ġusta, stabbli u konformi mal-funzjonijiet eżerċitati mill-membri tal-ġudikatura”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Fir-raba’ lok, peress li C. Escribano Vindel qed jaġixxi biss f’ismu stess, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 28).

 Fuq l-ewwel domanda, dwar diskriminazzjoni minħabba l-età jew l-anzjanità

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa, huma ġeneralment iżgħar u ġeneralment għandhom inqas anzjanità mit-tieni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija inkluża fl-Artikolu 21 tal-Karta li, mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati u, min-naħa l-oħra, li din il-projbizzjoni ġiet ikkonkretizzata mid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C-298/10, EU:C:2011:560, punt 47).

40      Fit-tieni lok, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali, inklużi tal-maġistrati, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 37, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 29).

41      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78, huma pprojbiti d-diskriminazzjonijiet indiretti bbażati fuq “reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol”.

42      Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-każ ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ twassal għal żvantaġġ partikolari fir-rigward ta’ persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer, C‑482/16, EU:C:2018:180, punt 22).

43      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk impjegat bħalma huwa C. Escribano Vindel huwiex ittrattat b’mod inqas favorevoli minn impjegat ieħor li jkun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli minħabba l-età tiegħu jew jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għal żvantaġġ partikolari fir-rigward tal-kategorija ta’ età li huwa jagħmel parti minnha, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, John, C‑46/17, EU:C:2018:131, punt 22).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-qorti tar-rinviju ma speċifikatx l-età ta’ C. Escribano Vindel u ma identifikatx persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ C. Escribano Vindel, iżda sempliċement irrilevat l-impatt inqas favorevoli tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jaqgħu fil-gruppi ta’ remunerazzjoni 4 u 5 meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1.

45      Sussegwentement, minn dan jirriżulta li, jekk C. Escribano Vindel jaqa’, kif jikkunsidraw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1, ma jistax jitqies li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età, peress li huwa jinsab fost il-maġistrati li huma, skont il-qorti tar-rinviju, ivvantaġġati bil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta mqabbla ma’ oħrajn.

46      Fl-aħħar nett, jekk C. Escribano Vindel jaqa’, kif jidher li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, għandu jiġi ddeterminat jekk dan il-grupp ta’ remunerazzjoni jinkludix maġistrati ta’ kategorija ta’ età ddeterminat li hija distinta minn tali kategorija li tinkludi l-maġistrati li jagħmlu parti mill-grupp ta’ remunerazzjoni 1.

47      Issa, f’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma identifikat l-ebda kategorija ta’ età partikolari li hija żvantaġġata, iżda sempliċement irrilevat, essenzjalment, li, fuq medja, il-maġistrati li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 5 huma iżgħar mill-maġistrati li jaqgħu fil-gruppi ta’ remunerazzjoni 4 u 1. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju identifikat differenza ta’ età partikolari bejn il-grupp ta’ remunerazzjoni 4 u l-grupp ta’ remunerazzjoni 1.

48      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol isostni li l-imsemmija gruppi ta’ remunerazzjoni ma jinkludux maġistrati ta’ kategorija ta’ età partikolari, peress li l-uniku limitu ta’ età għal dħul fil-maġistratura ġudizzjarja huwa dak li qabel id-dħul fis-servizz ma tkunx intlaħqet l-età tal-irtirar tal-imsemmija maġistratura u li l-membri tal-maġistratura ġudizzjarja ma jkunu obbligati bl-ebda mod li jokkupaw pożizzjonijiet, kategoriji jew gruppi superjuri, iżda jistgħu jibqgħu allokati għall-kategorija tal-imħallef tat-tieni grad irrispettivament mill-età tagħhom.

49      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tat-tilwima li tressqet quddiemha, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija gruppi jinkludux maġistrati ta’ kategorija ta’ età partikolari.

50      Fil-ħames lok, fir-rigward tar-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, għandu jiġi speċifikat li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 25).

51      Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk il-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4 humiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jaqgħu fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 49).

52      Madankollu, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa paċifiku li r-remunerazzjonijiet bażiċi tal-kategoriji differenti li jikkomponu l-maġistratura ġudizzjarja tnaqqsu b’mod uniformi ta’ 9.73 % u li l-allegata differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta, minn naħa, mit-tnaqqis inqas sinjifikattiv tar-remunerazzjonijiet addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, mid-differenzi ta’ proporzjon, skont il-gruppi ta’ remunerazzjoni, tar-remunerazzjonijiet bażiċi u tar-remunerazzjonijiet addizzjonali fir-remunerazzjoni totali.

53      F’dan il-kuntest, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jispeċifikaw li r-remunerazzjoni addizzjonali tinkludi allowance ta’ anzjanità, kumpens ta’ allokazzjoni, li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ż-żona ta’ allokazzjoni u kundizzjonijiet oġġettivi ta’ rappreżentanza marbuta mal-funzjonijiet eżerċitati, kif ukoll kumpens speċjali, li jagħti kumpens għar-responsabbiltajiet, għat-taħriġ, għall-kumplessità jew għad-diffikultajiet tagħhom. Dan il-gvern u din l-istituzzjoni jikkunsidraw li, peress li r-remunerazzjoni addizzjonali tvarja abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiddistingwu kategoriji distinti tal-maġistratura ġudizzjarja, dawn il-kategoriji ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

54      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess irrilevat li s-seduta plenarja tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2015, li l-persuni kkonċernati ma kinux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, peress li l-membri tal-korp ġudizzjarju jitqassmu f’kategoriji distinti u jokkupaw pożizzjonijiet differenti.

55      Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, ma jidhirx li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjonijiet paragunabbli jew li għandha rabta indiretta mal-età.

56      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jurux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija diskriminatorja minħabba l-età.

57      Fis-sitt lok, f’dak li jirrigwarda l-ipoteżi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ anzjanità, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju ma huwiex inkluż fost il-kriterji elenkati fil-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78. Għall-kuntrarju, l-imsemmi kriterju huwa inkluż fost dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jista’ jiġġustifika differenza fit-trattament minħabba l-età.

58      Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 21 tal-Karta tista’ tiġi applikata, f’dan il-każ, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju la ma ppreċiżat l-anzjanità ta’ C. Escribano Vindel, la ma identifikat persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ C. Escribano Vindel u lanqas ma identifikat kategorija ta’ anzjanità partikolari li hija żvantaġġata. B’mod partikolari, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol miġbura fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi preżunt li l-kategoriji differenti ta’ remunerazzjoni jirriflettu kategoriji ta’ anzjanità partikolari.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jurux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi differenza fit-trattament minħabba l-anzjanità li tista’ tikser l-Artikolu 21 tal-Karta jew l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa, huma ġeneralment iżgħar u ġeneralment għandhom inqas anzjanità mit-tieni.

 Fuq it-tieni domanda, dwar l-indipendenza tal-imħallfin

61      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin jipprekludi l-applikazzjoni għar-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa mit-tieni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija l-oqsma (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117, punt 34).

63      Minn dan isegwi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 37).

64      Issa, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti”, hemm l-oriġini legali tal-korp, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċedura tiegħu hijiex ta’ natura kontradittorja, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 38).

65      Il-garanzija ta’ indipendenza, li hija inerenti għall-missjoni ġudizzjarja, hija meħtieġa mhux biss fil-livell tal-Unjoni, għall-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif previst mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE, iżda wkoll fil-livell tal-Istati Membri, għall-qrati nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 42).

66      Il-kunċett ta’ indipendenza jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-istanza kkonċernata teżerċita l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’tali mod tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Issa, bħall-impossibbiltà tat-tneħħija tal-membri tal-istanza kkonċernata, il-perċezzjoni tagħhom ta’ livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 44 u 45).

67      F’dan il-każ, qabelxejn, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, bħal fil-każ taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-kawża li wasslu għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 46 sa 49) il-miżuri ta’ tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati minħabba r-rekwiżiti marbuta mal-eliminazzjoni tad-defiċit baġitarju eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat u kienu jipprevedu tnaqqis limitat tal-ammont tar-remunerazzjoni, skont perċentwali li tvarja skont il-livell tagħha. Dawn ġew applikati mhux biss għall-membri tal-qrati Spanjoli, iżda, b’mod iktar wiesa’, għal detenturi differenti ta’ karigi pubbliċi u ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fis-settur pubbliku, fosthom rappreżentanti ta’ awtoritajiet leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji. Huma kienu jidhru, għall-kuntrarju, bħala miżuri ġenerali intiżi sabiex għadd ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu fl-isforz ta’ awsterità impost mir-rekwiżiti tat-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Spanjol.

68      Sussegwentement, peress li, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni ta’ C. Escribano Vindel, l-eżami li għandu jsir f’dan il-każ fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu sempliċement jivverifika jekk il-persuna interessata tirċevix, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li hija teżerċita.

69      Għalhekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma jidhirx li huma rilevanti, għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq, f’dan il-każ, mill-qorti tar-rinviju, il-metodu tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont il-qorti tar-rinviju, ma kkunsidrax in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, jew il-fatt li, skont din il-qorti, dan il-metodu kien jimplika tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għall-membri tal-maġistratura ġudizzjarja li jappartjenu għal żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura kif ukoll għal dawk li jappartjenu għal grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura.

70      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk C. Escribano Vindel jirċevix, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda informazzjoni preċiża dwar l-ammont tas-salarju ta’ C. Escribano Vindel. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, skont ir-rapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis fis-salarji maġistrat ġudizzjarju li jippresjedi waħdu f’Barcelona, bħalma huwa C. Escribano Vindel, u li jaqa’ fil-grupp ta’ remunerazzjoni 4, huwa suffiċjenti, fid-dawl tal-kuntest soċjoekonomiku ta’ din il-belt u tar-remunerazzjoni medja tal-uffiċjali Spanjoli, li l-imsemmi rapport jirrileva wkoll, sabiex ikun protett minn kull riskju li interventi jew pressjonijiet esterni jistgħu jkunu ta’ detriment għan-newtralità tad-deċiżjonijiet li jrid jieħu.

71      Għandu jingħad ukoll li, anki jekk jiġi preżunt li C. Escribano Vindel jaqa’ fil-grupp ta’ remunerazzjoni 1, kif isostnu l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, l-argument tal-Kummissjoni għandu japplika a fortiori peress li, kif tfakkar fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ir-remunerazzjoni tal-membri ta’ dan il-grupp huwa ogħla minn dak tal-grupp ta’ remunerazzjoni 4.

72      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tat-tilwima li tressqet quddiemha, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, C. Escribano Vindel huwiex adegwat meta mqabbel mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq u tiġi żgurata, għaldaqstant, l-indipendenza ta’ ġudizzju tiegħu.

73      Madankollu, il-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jurux li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi ksur tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin kif żgurat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix l-applikazzjoni għar-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa mit-tieni, sakemm il-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tkun adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq u tiġi żgurata, għaldaqstant, l-indipendenza ta’ ġudizzju tiegħu, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 2(1) u 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa, huma ġeneralment iżgħar u ġeneralment għandhom inqas anzjanità mit-tieni.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix l-applikazzjoni għar-rikorrent fil-kawża prinċipali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li stabbilixxiet mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, l-anzjanità jew l-importanza tal-kompiti mwettqa, fil-kuntest ta’ miżuri ġenerali ta’ tnaqqis fis-salarji marbuta ma’ restrizzjonijiet li jeliminaw defiċit baġitarju eċċessiv, perċentwali ta’ tnaqqis fis-salarji differenti għar-remunerazzjonijiet bażiċi u addizzjonali tal-membri tal-maġistratura ġudizzjarja, fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, jinvolvi tnaqqis fis-salarji iktar sinjifikattiv bħala perċentwali għal dawk li jagħmlu parti minn żewġ gruppi ta’ remunerazzjoni tal-kategoriji inferjuri ta’ din il-maġistratura ġudizzjarja milli għal dawk li jagħmlu parti minn grupp ta’ remunerazzjoni ta’ kategorija superjuri tal-imsemmija maġistratura, filwaqt li tal-ewwel jirċievu remunerazzjoni iktar baxxa mit-tieni, sakemm il-livell ta’ remunerazzjoni li jirċievi, b’applikazzjoni tat-tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tkun adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li huwa jwettaq u tiġi żgurata, għaldaqstant, l-indipendenza ta’ ġudizzju tiegħu, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.