Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju) fl-4 ta’ Lulju 2019 – Openbaar Ministerie, YU, ZV vs AZ

(Kawża C-510/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Openbaar Ministerie, YU, ZV

Konvenut: AZ

Domandi preliminari

1.    Il-kliem “awtorità ġudizzjarja” imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni [Qafas] [2002/584/ĠAI 1 tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri] jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni?

2.    Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.1 tkun fl-affermattiv: fuq liema kriterji jista’ jiġi stabbilit li awtorità ta’ Stat Membru tal-eżekuzzjoni hija din l-awtorità ġudizzjarja u li l-mandat ta’ arrest Ewropew eżegwit minnha huwa konsegwentement tali deċiżjoni ġudizzjarja?

3.    Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.1 tkun fl-affermattiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod iktar preċiż l-officier van justitie (il-Prosekutur), jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JAI u l-mandat ta’ arrest Ewropew eżegwit minn din l-awtorità huwa konsegwentement deċiżjoni ġudizzjarja?

4.    Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.3 tkun fl-affermattiv, jista’ jiġi ammess li l-konsenja inizjali hija evalwata minn awtorità ġudizzjarja, b’mod iktar preċiż mill-[internationale rechtshulpkamer (l-Awla tal-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali) tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam)], skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, li jiggarantixxi b’mod partikolari r-rispett tad-dritt ta’ smigħ tal-parti fil-kawża u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-konsenja supplimentari skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tiġi ddevoluta lil awtorità oħra, jiġifieri l-officier van justitie (il-Prosekutur), li ma jiggarantixxix lill-parti fil-kawża la d-dritt ta’ smigħ u lanqas id-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, b’tali mod li jiġi stabbilit nuqqas manifest ta’ koerenza fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI mingħajr ebda ġustifikazzjoni raġonevoli?

5.    Jekk ir-risposta għad-domandi 1.3 u 1.4 tkun affermattiva, l-Artikoli 14, 19 u 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandhom jiġu interpretati fis-sens li, qabel ma jkun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu biex persuna tiġi għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha skont il-mandat ta’ arrest Ewropew li ma huwiex dak li għalih ġiet mitluba l-konsenja, il-Prosekutur Pubbliku li jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja għandu l-ewwel jiżgura r-rispett tad-dritt ta’ smigħ u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja tal-parti fil-kawża?

L-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam li jaġixxi b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lidstaten van de Europese Unie (il-Liġi Olandiża li Timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri) tad-29 ta’ April 2004 huwa l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI li kkonsenjat lill-persuna rikjesta u li tista’ tagħti l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas ?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.