Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-500/17, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-891/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche u N. Kuplewatzky, Aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Hubei Xinyegang Special Tube Co. Ltd, ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, Válcovny trub Chomutov a.s., Vallourec Deutschland GmbH

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors fl-ewwel istanza għaliex infondati fid-dritt;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tielet u r-raba’ motivi tar-rikors fl-ewwel istanza;

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appelll sa ma jkun hemm deċiżjoni finali tal-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju, hemm diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 59 sa 67 tas-sentenza. B’mod partikolari l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikoli 1(2), 1(4), 3(2), 3(3), 3(8) u 4 tar-Regolament Bażiku 1 , billi interpretat dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet bħala li jimponu fuq il-Kummissjoni r-rekwiżit li tiħu inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott inkwistjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effett fuq il-prezzijiet. Madankollu, l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Bażiku jirrikjedu paragun ma prodott simili, kif iddefinit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku u mhux it-tip ta’ evalwazzjoni fid-dettall rikjesta mill-Qorti Ġenerali fil-livell tas-segmenti tas-suq. L-awtoritajiet ġudizzjarji li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenreali ma jsostnux il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, u l-Qorti Ġenerali tiżnatura l-fatti li fuqhom ibbażaw ruħhom dawn l-awtoritajiet u l-fatti li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Ikkontestat 2 . Finalmentu f’kull każ, ma hemmx aspetti speċifiċi li jiġġustifikaw analiżi skont is-segment tas-suq.

It-tieni aggravju, fil-punti 59 sa 67 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament Ikkontestat jew żnaturat il-fatti f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ numri ta’ kontroll tal-prodotti (iktar ’il quddiem in-“NKP”) fl-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-effetti fuq il-prezz. L-użu tan-NKP jinternalizza ċerti karatteristiċi bħal ma huma s-segmentazzjoni tas-suq (u ħafna fatturi oħra), u dan naturalment jagħmel mod li kull analiżi tal-effetti fuq il-prezz bbażżata fuq tali struttura NKP tkun tiħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li ssir analiżi oħra tal-effetti fuq il-prezz ibbażata fuq is-segmentazzjoni.

It-tielet aggravju, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta interpretat l-Artikolu 296 TFUE u żnaturat il-provi f’dak li jirrigwarda l-analiżi bbażata fuq is-segmentazzjoni tas-suq matul l-investigazzjoni u fir-Regolament Ikkontestat.

Ir-raba’ aggravju, fil-punti 68 sa 76 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat tinterpreta l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Bażiku, li jeħtieġ biss li jiġu stabbiliti l-effetti tal-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni. Bil-kontra tal-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, l-effett ta’ bejgħ ta’ kategoriji ta’ prodotti li ma humiex esportati mill-kampjun ta’ produtturi esportaturi huwa irrilevanti.

Il-ħames aggravju, il-punti 68 sa76 tas-sentenza jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, li jirrigwarda t-teħid ta’ kampjuni, u jneħħulu kull effett utli. Il-konstatazzjonijiet fl-imsemmija punti jinjoraw il-fatt li l-effett inerenti tat-teħid ta’ kampjuni huwa li l-Kummissjoni tanalizza biss l-importazzjonijiet tal-produtturi Ċiniżi li jesportaw meħuda bħala kampjun. Għaldaqstant, jista’ leġittimament ikun hemm bejgħ li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni minħabba l-użu tat-teħid ta’ kampjuni. Madankollu, dan l-effett sekondarju ma jimminax il-leġittimità tal-analiżi tal-effetti fuq il-prezz magħmula abbażi ta’ kampjun rappreżentattiv miġbur b’mod konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku.

Is-sitt aggravju, fil-punti 34, 35, u 45 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali kklassifikat mill-ġdid l-ewwel u t-tieni motivi ppreżentati quddiemha u għalhekk iddeċidiet ultra petita. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddefiniet b’mod żbaljat il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli għall-ewwel u għat-tieni motivi mressqa quddiemha. Anki li kieku l-istandard ta’ stħarriġ stabbilit mill-Qorti Ġenerali kien jeżisti, quod non, huwa kkwalifika b’mod żbaljat jew saħansitra żnatura il-fatti li fuqhom hija bbażata l-analiżi tal-Kummissjoni.

____________

1 Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/804 tal-11 ta’ Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid mingħajr ġonġituri (ħlief tal-ħadid fondut) jew tal-azzar (ħlief tal-azzar inossidabbli), ta’ sezzjoni trasversali tonda, ta’ dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, L 121, p. 3).