Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2018 minn Fujikura Ltd mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-451/14: Fujikura vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-590/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Fujikura Ltd (rappreżentant: L. Gyselen, lawyer)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Viscas Corp.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn laqgħet il-motiv li jallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-multa imposta fuqha;

tagħti s-sentenza finali skont it-tieni frażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha billi:

-     tannulla l-Artikolu 2(o) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni1 tat-2 ta’ April 2014 li timponi multa ta’ EUR 8 152 000 fuq Fujikura Ltd.; u

-     tnaqqas din il-multa b’44% għal EUR 4 565 120;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi vvalidat l-approċċ tal-Kummissjoni li tapplika l-Punt 18 tal-linji Ġwida tagħha tal-20062 bħallikieku l-ksur kollu kien ikopri biss il-“parti Dinjija” tal-kartell u ma kellux “parti intra-ŻEE” li tinvolvi biss il-produtturi Ewropej.

Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ddeterminat il-valuri nominattivi tal-bejgħ għall-parteċipanti tal-kartell b’mod li naqqset b’mod sinjifikattiv ir-rwol tal-produtturi Ewropej u kabbret ir-rwol tal-produtturi Ażjatiċi, inkluża Fujikura, f’dan il-ksur.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39610 — Kejbils tal-Elettriku) (notifikat bid-dokument C(2014) 2139 finali) (ĠU 2014, C 319, p. 10)

2 Linji Gwida fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli) (ĠU 2006, C 210, p. 2)