Language of document : ECLI:EU:C:2019:160

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Eżenzjoni – Artikolu 13B(b) – Kiri u lokazzjoni ta’ proprjetajiet immobbli – Kunċett – Kuntratt ta’ ċessjoni tal-attività agrikola ta’ art rurali miksija bid-dwieli”

Fil-Kawża C-278/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2018, fil-proċedura

Manuel Jorge Sequeira Mesquita

vs

Fazenda Pública,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u R. Campos Laires, P. Barros da Costa u J. Marques, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Manuel Jorge Sequeira Mesquita u l-Fazenda Pública (it-Teżor Pubbliku, il-Portugall) dwar avviżi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għas-sena 2002 u relatati ma’ kuntratt ta’ trasferiment tal-attività agrikola ta’ art rurali miksija bid-dwieli konkluż ma’ Sociedade Agrícola e Comercial dos Vinhos Vale da Corça Lda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li kien parti mit-Titolu II ta’ din, kien intitolat “Applikazzjoni”, jiddisponi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4        Skont l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva:

“F’każ ta’ trasferiment, bi ħlas jew mingħajr jew bħala kontribuzzjoni lil kumpanija, tal-assi kollha jew parti minnhom, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li ma tkunx saret provvista ta’ merkanzija u li l-persuna li lilha tkun ġiet ittrasferita l-merkanzija għandha tkun trattata bħala s-suċċessur ta’ min jagħmel it-trasferiment. Fejn jixraq Stati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma ssirx distorzjoni tal-kompetizzjonijet f’każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx għal kollox suġġett għat-taxxa.”

5        L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet fit-territorju tal-pajjiż”, kien jipprovdi fil-punt B tiegħu, intitolat “Eżenzjonijiet oħrajn”:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[…]

b)      il-kiri jew l-aljenazzjoni ta’ proprjeta immobbli esklużi:

1.      il-proviżjoni ta’ akkomadazzjoni, kif definita fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, inklużi l-proviżjoni ta’ akkomodazzjoni f’kampijiet tal-vaganzi jew f’siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar;

2.      l-aljenazzjoni ta’ fondi u sisi għall-ipparkjar tal-karozzi;

3.      l-aljenazzjoni ta’ tagħmir u makkinarju installat permanenti;

4.      il-kiri ta’ kaxxiforti.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw iżjed esklużjonijet għall-iskop ta’ din l-eżenzjoni;

[…]”

6        Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1). Il-kontenut tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva ġie riprodott, kważi mingħajr tibdil, fl-Artikolu 135(1)(l) u (2) tad-Direttiva 2006/112.

 Id-dritt Portugiż

7        L-Artikolu 9 tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem iċ-“CIVA”) kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali:

“Huma eżenti mit-taxxa:

[…]

30)      il-kiri ta’ proprjetà immobbli. Din l-eżenzjoni ma tkoprix:

a)      il-provvista ta’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, siti ta’ kkampjar;

b)      il-kiri ta’ bini u siti għall-ipparkjar kollettiv ta’ vetturi;

c)      il-kiri ta’ magni u għodda oħra installati b’mod permanenti, kif ukoll kull kiri ieħor ta’ proprjetà immobbli li jwassal għat-trasferiment bi ħlas tal-attività tal-istabbiliment kummerċjali jew industrijali;

d)      il-kiri ta’ kaxxiforti;

e)      il-kiri ta’ spazji għal espożizzjonijiet jew għal finijiet ta’ pubbliċità.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa l-amministratur tas-suċċessjoni ta’ Adelino Gonçalves Mesquita. Dan tal-aħħar kien ikkonkluda kuntratt ma’ Sociedade Agrícola e Comercial dos Vinhos Vale da Corça, kumpannija li teżerċita attività fis-settur tal-vitikultura. Permezz ta’ dan il-kuntratt, Adelino Gonçalves Mesquita kien ċeda, għal kontroparti ta’ ammonti mħallsa bil-quddiem, l-attività agrikola ta’ art rurali li kien il-proprjetarju tagħha u li kienet miksija bid-dwieli. L-imsemmi kuntratt kien ġie konkluż għal tul ta’ sena, li jiġġedded awtomatikament għal perijodu identiku, sakemm waħda mill-partijiet ittemm dan il-ftehim.

9        Skont ir-rapport dwar il-kontroll fiskali għas-sena 2002, l-imsemmija tranżazzjoni ta’ ċessjoni kienet suġġetta għall-VAT. L-ammont totali tal-avviżi ta’ taxxa nnotifikati fuq din il-bażi kien ġie ffissat għal EUR 107 527.10 flimkien mal-interessi kumpensatorji.

10      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra dawn l-avviżi ta’ taxxa quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Mirandela (it-Tribunal Amministrattiv u Fiskali ta’ Mirandela, il-Portugall) fejn invoka l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 9(30) taċ-CIVA. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem it-Tribunal Central Administrativo Norte (it-Tribunal Amministrattiv Ċentrali tat-Tramuntana, il-Portugall), ta digriet ta’ nuqqas ta’ kompetenza u ttrasferixxa l-proċess lis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall).

11      Din l-aħħar qorti tirrileva li mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen” (C-326/99, EU:C:2001:506) jirriżulta li, minn naħa, l-eżenzjoni mill-VAT f’dak li jikkonċerna l-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, li jikkorrispondi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 jinkludi t-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom proprjetarju ta’ immobbli jagħti lill-persuna li tikri, għal tul miftiehem u kontra remunerazzjoni, id-dritt li tokkupa din il-proprjetà daqs li kieku din kienet il-proprjetarja tagħha u teskludi kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt. Min-naħa l-oħra, peress li l-kiri ta’ proprjetà immobbli normalment jimplika attività relattivament passiva, it-tranżazzjonijiet li jimplikaw użu iktar attiv ta’ din tal-aħħar huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

12      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk kuntratt dwar iċ-ċessjoni ta’ attività ta’ dwieli għal tul ta’ sena li jiġġedded awtomatikament jikkostitwixxix kiri u lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu135 (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar l-eżenzjoni fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, jista’ jiġi interpretat fis-sens li din l-eżenzjoni tinkludi kuntratt ta’ trasferiment ta’ operat agrikolu ta’ proprjetajiet rustiċi għad-dwieli, lil kumpannija li l-għan tagħha hija l-attività ta’ operat agrikolu, liema kuntratt ġie konkluż b’terminu ta’ sena u li jiġġedded b’mod awtomatiku kull sena għall-istess perijodu u fejn il-qbiela rispettiva għandha titħallas fi tmiem kull sena?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva 2006/112, li l-interpretazzjoni tiegħu hija s-suġġett tad-domanda magħmula, ma kienx għadu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, hemm lok li din id-domanda tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjoni korrispondenti tas-Sitt Direttiva.

15      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT għall-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, prevista f’din id-dispożizzjoni, tapplikax għal kuntratt ta’ ċessjoni tal-attività agrikola ta’ art rurali miksija bid-dwieli lil kumpannija li teżerċita attività fis-settur tal-vitikultura, konkluż għal perijodu ta’ sena, li jiġġedded awtomatikament, li għandu bħala kontroparti qbiela li titħallas fit-tmiem ta’ kull perijodu annwali.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, EU:C:2001:506, punt 47, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Leichenich, C‑532/11, EU:C:2012:720, punt 17).

17      Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, skont liema l-VAT hija dovuta għal kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli, u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod strett, il-kunċett ta’ kiri u ta’ lokazzjoni msemmi fl-Artikolu 13B(b) ta’ din id-direttiva huwa usa’ minn dak previst fid-diversi drittijiet nazzjonali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, EU:C:2001:506, punti 46 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18      F’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala d-dritt mogħti mill-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli lil-lokatarju, għal remunerazzjoni u għal perijodu miftiehem, li jokkupa dik il-proprjetà immobbli u li jeskludi kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, EU:C:2001:506, punt 55, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Walderdorff, C‑451/06, EU:C:2007:761, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva hija spjegata mill-fatt li l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, filwaqt li hija attività ekonomika, tikkostitwixxi normalment attività relattivament passiva, li ma tiġġenerax valur miżjud sinjifikattiv. Tali attività għalhekk għandha tiġi distinta minn attivitajiet oħrajn li jew għandhom natura ta’ kwistjonijiet industrijali u kummerċjali, bħal dawk li jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet msemmija fil-punti 1 sa 4 ta’ din id-dispożizzjoni, jew għandhom natura li hija kkaratterizzata aħjar bl-eżekuzzjoni ta’ provvista iktar milli bis-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġett, bħad-dritt li tintuża art għall-golf, dak li jintuża pont permezz tal-ħlas tat-tariffi tat-triq jew inkella tad-dritt li jiġu installati distributuri ta’ sigaretti fi stabbiliment kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen”, C-326/99, EU:C:2001:506, punti 52 u 53, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03, EU:C:2004:730, punt 20).

20      Minn dan jirriżulta li n-natura passiva tal-kiri jew tal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, li tiġġustifika l-eżenzjoni tal-VAT minn tali tranżazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva hija relatata man-natura tat-tranżazzjoni nnifisha u mhux mal-mod kif il-persuna li tikri tuża l-proprjetà kkonċernata.

21      Għalhekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, hija eskluża mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni attività li timplika mhux biss tqegħid għad-dispożizzjoni passiva ta’ proprjetà immobbli, iżda wkoll numru ta’ attivitajiet kummerċjali, bħal superviżjoni, ġestjoni u żamma kostanti min-naħa tal-proprjetarju kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ installazzjonijiet oħra, b’mod li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi assolutament partikolari, il-lokazzjoni ta’ din il-proprjetà ma tistax tikkostitwixxi l-provvista preponderanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, EU:C:2001:34, punt 26).

22      Min-naħa l-oħra, il-fatt għal persuna li tikri proprjetà immobbli billi tużaha għal finijiet kummerċjali, skont it-termini tal-kuntratt ta’ lokazzjoni, ma huwiex ta’ natura, waħdu, li jeskludi l-proprjetarju ta’ din il-proprjetà mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Leichenich, C-532/11, EU:C:2012:720, punt 29).

23      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx jidher ikkontestat li l-art rurali miksija bid-dwieli li l-attività agrikola fuqha hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna b’mod iżjed partikolari d-dwieli mħawwla fuq din l-art, li l-imsemmi kunċett ta’ “proprjetà immobbli” ma jimplikax li l-oġġetti inkwistjoni għandhom ikunu inkorporati fl-art b’mod indiviżibbli. Huwa biżżejjed li ma jkunu la mobbli u lanqas li jistgħu jiġu mċaqalqa faċilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Maierhofer, C-315/00, EU:C:2003:23, punti 32 u 33, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Leichenich, C-532/11, EU:C:2012:720, punt 23). Hekk jidher li huwa l-każ tal-imsemmija dwieli, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

24      Għandu wkoll jiġi kkunsidrat li kuntratt ta’ ċessjoni ta’ attività agrikola, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi kiri jew lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kif interpretata fil-punt 18 sa 20 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, din hija ċessjoni, mill-proprjetarju, tal-art agrikola inkwistjoni li ċessjonarju għal tul ta’ żmien miftiehem ta’ sena li jiġġedded awtomatikament u bi qbiela bħala kontroparti. Min-naħa l-oħra, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jindika li, minbarra din il-lokazzjoni, il-proprjetarju pprovda liċ-ċessjonarju provvisti oħra li għandhom in-natura ta’ attivitajiet kummerċjali.

25      F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, id-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar it-tul tal-kuntratt ta’ ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ tiġdid tiegħu, għandu jitfakkar li t-tul stess ta’ lokazzjoni ma huwiex, waħdu, l-element determinanti li jippermetti li kuntratt jiġi kkwalifikat bħala lokazzjoni ta’ immobbli, fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, ħlief f’dak li jikkonċerna tul qasir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03, EU:C:2004:730, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi tul u l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ tiġdid ma jistgħux jiġu kkunsidrati inkompatibbli ma’ kiri jew lokazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26      Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 24 ta’ din is-sentenza ma humiex ikkontestati bl-argumenti mressqa mill-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

27      Fl-ewwel lok, il-fatt li ċ-ċessjonarju tal-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux l-istess drittijiet bħal proprjetarju, b’mod partikolari sa fejn ma huwiex awtorizzat jissostitwixxi d-dwieli bi prodott ieħor, iżda għandu jkompli l-attività stipulata fit-termini tal-kuntratt ta’ ċessjoni, ma jipprekludix lil dan tal-aħħar milli jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tranżazzjonijiet eżentati, msemmija fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, dawn it-tranżazzjonijiet jagħtu lill-persuna li tikri jew liċ-ċessjonarju dritt ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà immobbli inkwistjoni daqs li kieku kien il-proprjetarju tagħha, b’mod partikolari billi tiġi eskluża kull persuna oħra mill-benefiċċju ta’ tali dritt. Dawn ma jittrasferixxux lill-persuna li tikri d-drittijiet kollha tal-proprjetarju ta’ din il-proprjetà.

28      Fit-tieni lok, ma jistax jintlaqa’ l-argument li s-suġġett tal-kuntratt ta’ ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu portata usa’ mill-imsemmija tranżazzjonijiet, sa fejn jikkonsisti fi trasferiment tal-universalità tal-oġġetti u tad-drittijiet tal-attività agrikola kkonċernata, peress li din għandha natura ta’ impriża. F’dan il-kuntest, il-Gvern Portugiż isostni li dan il-kuntratt wassal ukoll għat-trasferiment ta’ oġġetti u ta’ drittijiet mhux materjali, bħall-awtorizzazzjonijiet legali ta’ tħawwil tad-dwieli intiżi għall-produzzjoni vinikola, il-kapaċità tal-imsemmija attività agrikola li tiġġenera profitt kif ukoll l-isem jew is-sinjal ta’ stabbiliment ta’ impriża.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, sa fejn il-proprjetà immobbli ċeduta abbażi ta’ dan il-kuntratt hija s-suġġett ta’ lokazzjoni biss u mhux ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà, tali ċessjoni ma tikkostitwixxix trażmissjoni ta’ universalità ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat, C‑17/18, EU:C:2018:1038, punti 22 u 23).

30      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li provvista għandha tiġi kkunsidrata bħala unika meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda u indiviżibbli li d-diviżjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat, C‑17/18, EU:C:2018:1038, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Sa fejn, kif jallega l-Gvern Portugiż, il-kuntratt ta’ ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda mhux biss il-proprjetà immobbli inkwistjoni, iżda jwassal ukoll għat-trasferiment ta’ ċerti oġġetti u drittijiet mhux materjali, fejn dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu diviżi miċ-ċessjoni tal-imsemmija proprjetà immobbli, iżda jagħmlu parti integrali minnha, b’tali mod li l-kuntratt ta’ ċessjoni jikkostitwixxi provvista unika fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-proprjetà immobbli hija l-provvista prinċipali, f’dawn il-kundizzjonijiet, dan il-kuntratt jikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Mailat, C-17/18, EU:C:2018:1038, punti 39 sa 41).

32      Barra minn hekk, anki jekk id-domanda magħmula ma ssemmix speċifikament l-esklużjonijiet mill-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni u li jikkorrispondu, fil-fatt, għall-esklużjonijiet msemmija fl-Artikolu 135(2) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi kkonstatat, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li taqa’ taħt waħda minn dawn l-esklużjonijiet.

33      B’mod partikolari, l-esklużjoni li tikkonsisti fil-kiri ta’ għodda u ta’ magni fissi fil-post li tinsab fil-punt 3 tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, li hija invokat mill-qorti tar-rinviju fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha kif ukoll mill-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ma tistax tiġi applikata fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, id-dwieli ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala għodda jew magni. Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-art rurali użata fl-attività agrikola li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ ċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tinkludi għodda, magni u oġġetti oħra kummerċjali jew industrijali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ma huwiex stabbilit li l-kumpannija ċessjonarja teżerċita, minbarra attività fis-settur tal-vitikultura, attività fis-settur tal-produzzjoni tal-inbid.

34      Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Portugiż jinvoka t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva li abbażi ta’ dan l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprovdu esklużjonijiet supplimentari għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 13B(b), dan il-gvern ma juri ebda dispożizzjoni tad-dritt Portugiż li tipprovdi tali esklużjoni li tista’ tapplika għat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT għall-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli previst f’din id-dispożizzjoni tapplika għal kuntratt ta’ ċessjoni tal-attività agrikola ta’ art rurali miksija bid-dwieli lil kumpannija li teżerċita attività fis-settur tal-vitikultura, konkluż għal perijodu ta’ sena, li jiġġedded awtomatikament, li għandu bħala kontroparti qbiela li titħallas fit-tmiem ta’ kull perijodu annwali.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli previst f’din id-dispożizzjoni tapplika għal kuntratt ta’ ċessjoni tal-attività agrikola ta’ art rurali miksija bid-dwieli lil kumpannija li teżerċita attività fis-settur tal-vitikultura, konkluż għal perijodu ta’ sena, li jiġġedded awtomatikament, li għandu bħala kontroparti qbiela li titħallas fit-tmiem ta’ kull perijodu annwali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.