Language of document : ECLI:EU:F:2010:23

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

15 ta’ April 2010

Kawża F-104/08

Angel Angelidis

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla d-deċiżjoni ta’ ħatra — Avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti — Aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ prospetti raġonevoli għall-karriera tal-uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Dmir ta’ premura — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Użu ħażin ta’ poter”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Angelidis jitlob, minn naħa, l-annullament tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 12564 dwar pożizzjoni ta’ Direttur tad-Direttorat għall-Affarijiet Baġitarji fid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Unjoni tal-Parlament, tad-deċiżjonijiet li jaħtru lil V. f’din il-pożizzjoni u li jiċħdu l-kandidatura tiegħu għall-imsemmija pożizzjoni, kif ukoll tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti tiegħu magħmula kontra dawk id-deċiżjonijiet; u min-naħa l-oħra, li l-Parlament jiġi kkundannat għad-danni u l-interessi bħala kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-atti kkontestati hawn fuq; finalment, fi kwalunkwe każ, il-ħatra tiegħu fil-grad ta’ Direttur ad personam.

Deċiżjoni: Il-Parlament huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 1 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u terz tal-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Portata

(Artikolu 233 KE)

3.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni ta’ ħatra — Obbligi tal-amministrazzjoni

(Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kriterji — Interess tas-servizz — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

5.      Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Suġġett — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 29)

6.      Uffiċjali — Rikors — Motivi — Użu ħażin ta’ poter — Kunċett

1.      It-talbiet għal annullament imressqa formalment kontra ċ-ċaħda ta’ lment jirriżultaw fil-preżentazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-att li kontra tiegħu tressaq l-ilment, peress li huma, bħala tali, ma fihomx kontenut awtonomu.

(ara l-punt 18)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Bernardi vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173 punt 43; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Lulju 2009, Notarnicola vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑85/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑263 u II‑A‑1‑1429, punt 14

2.      F’każ ta’ annullament mill-qorti Komunitarja ta’ att ta’ istituzzjoni, din tal-aħħar għandha, skont l-Artikolu 233 KE, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza. Sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun ħarġet l-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għalih u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiddeterminaw is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tikkunsidra fit-tibdil tal-att annullat. Fir-rigward tal-effetti tal-annullament ta’ att iddikjarat mill-qorti Komunitarja, jeħtieġ ukoll li jitfakkar li dan japplika ex tunc u għandu għaldaqstant bħala effett l-eliminazzjoni retroattiva tal-att annullat mis-sistema legali. L-istituzzjoni konvenuta hija obbligata, skont l-Artikolu 233 KE, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li jkun diġà ġie eżegwit, jimplika li r-rikorrent jitpoġġa lura fis-sitwazzjoni ġuridika li kien fiha qabel dak l-att.

(ara l-punti 35 u 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Lulju 2000, Gómez de Enterría y Sanchez vs Il‑Parlament, C‑8/99 P, Ġabra p. I‑6031, punti 19 u 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑47/97, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑527, punt 58; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑119/99, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑1185, punt 35; 17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punt 56; 29 ta’ Ġunju 2005, Pappas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑254/04, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑787, punti 36 u 37

3.      Ma huwiex obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi lill-awtorità amministrattiva sabiex tiddetermina l-miżuri konkreti li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tadotta fejn ikun xieraq. Huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 233 KE, li tagħżel minn fost id-diversi miżuri possibbli bil-għan li tilħaq bilanċ bejn l-interessi tas-servizz u n-neċessità li tirrimedja l-preġudizzju impost fuq ir-rikorrent. L-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata teżegwixxi proċedura ta’ reklutaġġ mibdija skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dak il-prinċipju jibqa’ applikabbli anki fl-ipoteżi fejn il-proċedura ta’ reklutaġġ tkun ġiet parzjalment annullata mill-qorti Komunitarja. Minn dan jirriżulta li tali sentenza ta’ annullament f’ebda każ ma jista’ jkollha effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra li twessa’ l-possibbiltajiet ta’ għażla tagħha fl-interess tas-servizz billi tirtira l-avviż inizjali ta’ pożizzjoni vakanti u billi tiftaħ b’mod korrelattiv proċedura ġdida sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Frar 1990, Hochbaum vs Il‑Kummissjoni, T‑38/89, Ġabra p. II‑43, punt 15; 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, Ġabra p. II‑2335, punt 78; 21 ta’ Ġunju 1996, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑41/95, ĠabraSP p. I‑A‑319 u II‑939, punti 38 u 39; Pappas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; 17 ta’ Ottubru 2006, Dehon vs Il‑Parlament, T‑432/03 u T‑95/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑209 u II‑A‑2‑1077, punt 49

4.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa l-interess tas-servizz u, b’mod partikolari, sabiex tiddefinixxi l-eżiġenzi speċifiċi ta’ pożizzjoni li għandha timtela. L-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-imsemmija awtorità aġixxietx f’limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punt 58)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Ġunju 1997, Staelen vs Il‑Parlament, T‑24/95, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punt 99

5.      L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għandu bħala l-għan tiegħu, minn naħa, li jinforma lill-persuni interessati b’mod kemm jista’ jkun eżatt dwar in-natura tal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jokkupaw pożizzjoni li għandha timtela u, min-naħa l-oħra, li jiffissa l-qafas ta’ legalità li fih l-Awtorità tal-Ħatra tkun bi ħsiebha tipproċedi bl-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati u li hija timponi fuqha nnifisha. L-imsemmija awtorità tkun qiegħda tiddevja minn dak il-qafas u tinterpreta b’mod żbaljat, barra minn dan, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li kieku kellha taċċetta kandidatura mressqa wara l-iskadenza tat-terminu ffissat għal dan il-għan mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li t-tardività tagħha ma tistax tiġi spjegata bl-eżistenza ta’ każ ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

(ara l-punt 78)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T‑30/04, ĠabraSP p. I‑A‑113 u II‑519, punt 52

6.      Deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħaq għan differenti minn dak previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

(ara l-punt 89)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Frar 1987, Banner vs Il‑Parlament, 52/86, Ġabra p. 979, punt 6; 8 ta’ Ġunju 1988, Vlachou vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 135/87, Ġabra p. 2901, punt 27; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Ottubru 2009, V vs Il‑Kummissjoni, F‑33/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑403 u II‑A‑1‑2159, punt 250