Language of document : ECLI:EU:F:2008:84

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

26 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-5/07

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Sunt tal-motivi mressqa fir-rikors – Terminu għat-tressiq ta’ lment – Fatt ġdid – Inammissibbilità manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Nijs jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li taħtar lis-superjur tar-rikorrent għall-pożizzjoni attwali tiegħu, l-annullament tar-riżultat, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, tal-kompetizzjoni CC/LA/1/99 u d-deċiżjonijiet relatati u/jew sussegwenti, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat Elettorali tal-Qorti tal-Awdituri, tas-17 ta’ Mejju 2006, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent fir-rigward tal-eżami tat-2, 3 u 4 ta’ Mejju 2006, l-annullament tar-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal tal-Qorti tal-Awdituri tat-2, 3 u 4 ta’ Mejju 2006, l-annullament ta’ kull deċiżjoni relatata u sussegwenti, l-annullament tad-deċiżjonijiet li r-rikorrent ma jiġix promoss u li jiġi promoss G. fl-2006, kif ukoll il-kumpens għad-dannu materjali u morali li allegatament ġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1) u (3); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjonijiet adottati qabel id-dħul fil-kariga tar-rikorrent – Iinfluwenza negattiva fuq l-interessi tar-rikorrent li ma ġietx stabbilita – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

4.      Uffiċjali – Rikors – Kawżi dwar l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Għalkemm ir-regola stabbilita fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li manifestament għandu jiġi miċħud, hija regola proċedurali li tapplika, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għall-kawżi kollha pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma jgħoddx ukoll għar-regoli li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, skont dan l-artikolu, jikkunsidra rikors bħala manifestament inammissibbli, liema regoli jistgħu jkunu biss dawk applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 22)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Diċembru 2007, Martin Bermejo vs Il‑Kummissjoni, F‑60/07, Ġabra p. I‑0000, punt 25

2.      Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors promotur għandu, fost affarijiet oħra, jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa. Dawn għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex abbażi tagħhom il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom dan ir-rikors ikun ibbażat, joħorġu, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ noti, sakemm ma l-istess Tribunal ma jiddeċidix mod ieħor. Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi Statut, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess Statut, uffiċjal għandu jkun rappreżentat minn avukat. Ir-rwol essenzjali ta’ dan tal-aħħar, bħala aġent tal-ġustizzja, huwa preċiżament li jibbaża t-talbiet tar-rikors fuq argumenti legali li jkunu komprensibbli u koerenti biżżejjed, fid-dawl preċiżament tal-fatt li l-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ noti.

Rikors li fih il-fatti jkunu esposti b’mod imħawwad u mingħajr ordni, mingħajr ma l-qarrej ikun jista’ jorbothom b’mod li jagħmel sens ma’ talba tar-rikors jew ma’ wieħed mill-motivi mqajma insostenn tiegħu ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.

Bl-istess mod, rikors ta’ uffiċjal li ma jidentifikax b’mod preċiż l-atti kkontestati u li għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 25 sa 28, 40, 45 u 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1993, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑72/92, Ġabra p. II‑347, punti 16, 18 u 19; 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 42; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29

3.       Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu, u li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni li jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dan ma jkunx il-każ la fil-każ tal-ħatra, fi ħdan l-istess istituzzjoni, ta’ uffiċjal ieħor meta din tkun seħħet qabel d-dħul fil-kariga tar-rikorrent, la fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni ta’ kumitati ta’ appell għal perijodu ta’ evalwazzjoni, u lanqas fil-każ ta’ deċiżjoni li jiġi promoss uffiċjal terz, jekk ir-rikorrent ma jkunx jista’ jistabbilixxi li d-deċiżjoni li ma jiġix promoss jirriżulta minn dan jew li, mill-inqas, kienet ta’ natura li tippreġudika, b’xi mod jew ieħor, il-prospettivi professjonali tiegħu.

(ara l-punti 35, 36, 44 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 et II‑1465, punt 26; 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑171/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑195 u II‑A‑2‑999, punti 86 u 96; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ April 2008, Boudova et vs Il‑Kummissjoni, F‑78/07, Ġabra p. I‑0000, punt 31; 5 ta’ Ġunju 2008, Timmer vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑123/06, Ġabra p. I‑0000, punt 42

4.      Ma hijiex l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Persunal. Madankollu, minkejja li kull persuna li għandha dritt tivvota għandha l-interess li tara li r-rappreżentanti tal-organizzazzjoni tagħha jiġu eletti skont kundizzjonijiet u fuq il-bażi ta’ sistema elettorali konformi mad-dispożizzjonijiet statutorji li għalihom hija bbażata l-proċedura elettorali f’dan ir-rigward, ir-rikors ippreżentat kontra allegata deċiżjoni tal-imsemmija awtorità li tiddeċiedi dwar tali kompożizzjoni għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli minħabba nuqqas ta’ suġġett.

(ara l-punt 43)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 25 ta’ Ottubru 2007, Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, F‑71/05, Ġabra p. I‑0000, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Fl-evalwazzjoni tal-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-mezzi u tar-rimedji li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din l-amministrazzjoni kinitx żammet mal-limiti tad-diskrezzjoni tagħha, liema limiti ma jistgħux jiġu kkontestati, u jekk użatx id-diskrezzjoni tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tagħha.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta f’dan is-sens lill-amministrazzjoni hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u inkonformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ informazzjoni komparabbli.

Għal dan il-għan, l-Awtorità tal-Ħatra għandha s-setgħa statutorja li twettaq l-eżami komparattiv previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-proċedura jew il-metodu li hija tqis l-iktar adegwati.

(ara l-punti 52 sa 54)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Lulju 1976, De Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17; 21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il‑Kummissjoni, 282/81, Ġabra p. 1245, punti 9 u 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il‑Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 21; 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punt 20; 21 ta’ Settembru 1999, Oliveira vs Il‑Parlament, T‑157/98, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑851, punt 35; 3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, T‑187/98, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑885, punt 59; 19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑495, punt 97; 18 ta’ Settembru 2003, Callebaut vs Il‑Kummissjoni, T‑241/02, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑1061, punt 22; 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il‑Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 45; 28 ta’ Settembru 2004, Tenreiro vs Il‑Kummissjoni, T‑216/03, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑1087, punt 50