Language of document : ECLI:EU:F:2008:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2008

Kawża F-4/07

Eleni-Eleftheria Skoulidi

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Skambju ta’ uffiċjali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri – Uffiċjal Komunitarju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni Ellenika – Rifjut – Rikors għad-danni – Dannu morali – Proċedura prekontenzjuża – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet sostanzjali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E.‑E. Skoulidi titlob kumpens għad-dannu morali mġarrab minnha minħabba d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad‑Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal‑Kummissjoni, fil-kapaċità tiegħu bħala Awtorità tal-Ħatra, tat‑28 ta’ Marzu 2006, li ma tawtorizzax it-tqegħid tagħha għad‑dispożizzjoni tal‑Ministeru Grieg tal-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Affarijiet Reliġjużi fil-kuntest ta’ skambju ta’ uffiċjali bejn il‑Kummissjoni u l-Istati Membri.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Awtonomija mir-rikors għal annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Proċedura prekontenzjuża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Trattament ugwali – Limiti

5.      Proċedura – Rikors promotur – Rikors għall-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja – Talba għall-kumpens ta’ dannu morali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

1.      Ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni jikkostitwixxu rikorsi awtonomi u l-persuna kkonċernata tista’ tagħżel kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, jew anki t‑tnejn flimkien. Għalhekk, meta jkun hemm att deċiżjonali li jikkawża preġudizzju lil uffiċjal, dan tal-aħħar għandu dritt, mingħajr ma jitlob l‑annullament tal-att inkwistjoni, li jippreżenta, abbażi tal-allegata illegalità ta’ dan l-att, azzjoni intiża biss sabiex jiġi kkumpensat għad-dannu li dan l-att ikun ikkawżalu.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punti 10 u 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑27/90, Ġabra p. II‑35, punt 36; 28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il‑Parlament, T‑59/96, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑331, punt 25; 8 ta’ Lulju 2004, Schochaert vs Il‑Kunsill, T‑136/03, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑957, punt 24; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, Ġabra p. I‑0000 u li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑525/07 P, punt 30; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 9 ta’ Ottubru 2007, Bellantone vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑85/06, Ġabra p. I‑0000, punt 80

2.      Il-proċedura prekontenzjuża tvarja skont jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab il‑kumpens jirriżultax minn att deċiżjonali li jikkawża preġudizzju, fis‑sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew minn aġir tal‑amministrazzjoni li ma jkollux in-natura ta’ deċiżjoni; fl-ewwel każ, hija l-persuna kkonċernata li għandha, fit-termini stabbiliti, tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal‑Ħatra kontra l-att inkwistjoni, u f’dan il-każ it‑talbiet għal kumpens jistgħu jiġu ppreżentati jew f’dan l-ilment jew, għall‑ewwel darba, fir-rikors, filwaqt li fit‑tieni każ, il-proċedura amministrattiva għandha tibda b’talba skont l‑Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu, u tkompli, jekk ikun il-każ, b’ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba.

Meta jkun hemm att deċiżjonali li jikkawża preġudizzju, l-uffiċjal għandu juża l‑proċedura ta’ lment, prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, mhux biss meta jrid jitlob l-annullament tal-att li jikkawżalu preġudizzju, iżda anki, fil-kuntest ta’ azzjoni intiża biss għal kumpens, meta jkun irid biss il‑kumpens għad-dannu kkawżat lilu b’dan l-att.

(ara l-punti 56 u 66)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il‑Kummissjoni, T‑14/91, Ġabra p. II‑235, punti 32 u 34; 6 ta’ Lulju 1995, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑36/93, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑497, punt 117; 28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punt 64; 6 ta’ Novembru 1997, Liao vs Il‑Kunsill, T‑15/96, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑897, punt 57; 1 ta’ April 2003, Mascetti vs Il‑Kummissjoni, T‑11/01, ĠabraSP p. I‑A‑117 u II‑579, punt 33; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Le Maire vs Il‑Kummissjoni, F‑27/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑47 u II‑A‑1‑159, punt 36; 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, Ġabra p. I‑0000, punt 69; 27 ta’ Marzu 2007, Manté vs Il‑Kunsill, F‑87/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑77, II‑A‑1‑451, punt 19

3.      Uffiċjal li jkun jixtieq jippreżenta azzjoni għad-danni abbażi tal-illegalitajiet li għandu att li jikkawża preġudizzju għandu jibda l-proċedura prekontenzjuża fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dan l-att jew mid-data meta jkun sar jaf bih, f’dak li jikkonċerna mhux biss id-dannu materjali, iżda wkoll id-dannu morali.

(ara l-punt 70)

4.       L-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandha tiġi rikonċiljata mal‑osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favurih illegalità mwettqa favur ħaddieħor, peress li tali approċċ ikun ekwivalenti għad‑dikjarazzjoni ta’ prinċipju ta’ “trattament ugwali fl-illegalità”. Għalhekk, uffiċjal ma jistax jibbaża ruħu fuq deċiżjoni illegali sabiex jinvoka ksur tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan ma jgħoddx biss għar-rikors għal annullament, iżda wkoll għar‑rikorsi għad-danni.

(ara l-punt 81)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 77

5.      Rikors għall-kumpens tad-dannu allegatament ikkawżat minn istituzzjoni Komunitarja, parzjalment minn deċiżjoni illegali u parzjalment mill-aġir illegali tal‑istituzzjoni, għandu jindika liema parti mill-ammont tal-kumpens mitlub mir‑rikorrent huwa marbut mal-aġir illegali tal-istituzzjoni u liema parti tikkorrispondi għall-illegalità tal-att li jikkawża preġudizzju. B’hekk, huwa r‑rikorrent, wara li jippreċiża n-natura tad-dannu morali allegat, li għandu jevalwah, anki b’mod approssimattiv, billi jiddistingwi d-dannu bbażat fuq id‑deċiżjoni tal-istituzzjoni Komunitarja minn dak ibbażat fuq l-aġir illegali tagħha, sabiex fl-evalwazzjoni globali ta’ dan id-dannu l-Qorti tal‑Prim’Istanza tkun tista’ tevalwa l-estensjoni u n-natura tiegħu.

(ara l-punt 82)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, N vs Il‑Kummissjoni, F‑95/05, ĠabraSP p. I‑0000, punt 91