Language of document : ECLI:EU:F:2010:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

15 ta’ April 2010

Kawża F-2/07

José Carlos Matos Martins

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Sejħa għal turija ta’ interess — Proċedura ta’ selezzjoni — Eżamijiet ta’ preselezzjoni — Aċċess għal dokumenti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. Matos Martins jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tas-27 ta’ Frar 2006, li stabbilixxiet ir-riżultati tiegħu fl-eżamijiet ta’ raġunament verbali u numeriku li għamel fil-kuntest tas-sejħa għal turija ta’ interess mnedija mill-EPSO, f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi ffurmata database tal-kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettqu kompiti varji fi ħdan l-imsemmija istituzzjonijiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ residenza u trasport li saru sabiex l-avukat tiegħu seta’ jikkonsulta d-dokumenti fil-bini tar-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-30 ta’ Marzu, fl-1 ta’ April u fil-21 ta’ Lulju 2009. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent msemmija hawn fuq.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kontenut tal-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Modalitajiet u kontenut tal-eżamijiet — Mistoqsijiet b’għażla multipla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Il-Bord tal-Ġħażla ta’ kompetizzjoni jew il-Kumitat ta’ Selezzjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew ta’ proċedura ta’ għażla. Huwa l-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tikkritika dan il-kontenut biss jekk dan imur lil hinn mill-qafas speċifikat fl-avviż tal-kompetizzjoni jew ma għandu l-ebda konnessjoni mal-għanijiet tal-eżami tal-kompetizzjoni jew mal-proċedura ta’ għażla.

Dan il-prinċipju japplika wkoll fil-kuntest ta’ eżamijiet li jikkonsistu f’mistoqsijiet b’għażla multipla, fejn ma huwiex il-kompitu tal-qorti li tissostitwixxi l-korrezzjoni tal-imsemmija eżamijiet mill-Bord tal-Għażla b’dik tagħha u, b’mod partikolari, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tal-eżamijiet. Fil-fatt, il-fatt li mistoqsija tkun diffiċili ħafna ma jistax ikun indizju li d-domanda ma hijiex xierqa. Il-Bord tal-Għażla jista’ jagħżel mistoqsijiet ta’ varji livelli ta’ diffikultà sabiex jiżgura l-għan primarju ta’ kompetizzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal tal-ogħla standards ta’ kompetenza. Bl-istess mod, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar jekk dan huwiex ikkonfrontat b’irregolaritajiet jew bi żbalji li jseħħu fl-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali b’parteċipazzjoni kbira, b’mod partikolari rigward il-formulazzjoni tal-mistoqsijiet b’għażla multipla. Konsegwentement, il-qorti għandha wkoll tillimita ruħha għal stħarriġ limitat rigward l-intelliġibbiltà ta’ dawn il-mistoqsijiet.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-importanza li għandu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni jew ta’ għażla, huwa l-kompitu tal-Bord tal-Għażla li jiżgura li l-eżamijiet ikollhom sostanzjalment l-istess grad ta’ diffikultà għall-kandidati kollha.

Il-prinċipji ta’ hawn fuq jistgħu jiġu trasposti fil-kuntest ta’ eżamijiet organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal għar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punti 161 u 170 sa 172)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ottubru 1981, Guglielmi vs Il‑Parlament, 268/80, Ġabra p. 2295, punt 8; 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, Ġabra p. 1399, punt 22; 24 ta’ Marzu 1988, Goossens et vs Il‑Kummissjoni, 228/86, Ġabra p. 1819, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Ottubru 1990, Gallone vs Il‑Kunsill, T‑132/89, Ġabra p. II‑549, punt 27; 27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/89, Ġabra p. II‑407, punti 121 u 123; 11 ta’ Lulju 1996, Carrer vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑170/95, ĠabraSP p. I‑A‑363 u II‑1071, punt 37; 17 ta’ Diċembru 1997, Passera vs Il‑Kummissjoni, T‑217/95, ĠabraSP p. I‑A‑413 u II‑1109, punt 45; 25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑433, punt 35; 14 ta’ Lulju 2000, Teixeira Neves vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑146/99, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑731, punt 37; 2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il‑Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, ĠabraSP p. I‑A‑93 u II‑441, punt 61; 9 ta’ Novembru 2004, Vega Rodríguez vs Il‑Kummissjoni, T‑285/02 u T‑395/02, ĠabraSP p. I‑A‑333 u II‑1527, punti 35 u 36; 13 ta’ Lulju 2005, Scano vs Il‑Kummissjoni, T‑5/04, ĠabraSP p. I‑A‑205 u II‑931, punt 45; 8 ta’ Diċembru 2005, Moren Abat vs Il‑Kummissjoni, T‑92/04, ĠabraSP p. I‑A‑399 u II‑1817, punti 44 u 45

2.      Il-fatt li mistoqsijiet b’għażla multipla magħmula lill-kandidati ta’ kompetizzjoni jew ta’ proċedura ta’ għażla kienu ntgħażlu b’mod każwali mill-għodda informatika jissodisfa l-bżonn għall-ugwaljanza bejn il-kandidati, filwaqt li jippermetti l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet fuq diversi jiem fl-interess stess tal-kandidati. Ċertament, ma huwiex eskluż li mistoqsija partikolari, meħuda individwalment, magħmula lil kandidat partikolari tista’ tkun iktar diffiċli minn oħra, tal-istess livell, magħmula lil kandidat ieħor. Madankollu, din id-disparità hija kkumpensata mill-għadd kbir ta’ mistoqsijiet magħmula, peress li l-mistoqsijiet kollha magħżula għandhom ikollhom sostanzjalment l-istess livell ta’ diffikultà għall-kandidati kollha.

Is-sempliċi fatt li kandidat jallega li ġie kkonfrontat b’mistoqsijiet diffiċli, anki diffiċli ħafna, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li xi kandidati għall-proċedura ta’ għażla kienu vvantaġġjati inġustament meta mqabblin miegħu. B’hekk, ir-raġunament ibbażat fuq dikjarazzjonijiet ġenerali u astratti ma huwiex tali li jistabbilixxi l-inugwaljanza fit-trattament, għall-inqas dehra ta’ inugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, il-ħin iddedikat mill-kandidati sabiex iwieġbu għal mistoqsija, li huwa differenti minn kandidat wieħed għall-ieħor, huwa fatt suġġettiv, li jenfasizza biss l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-kandidati li jipparteċipaw f’kompetizzjoni.

(ara l-punti 178 sa 180)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: Goossens et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Giulietti et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59