Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2018 minn Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-13 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-680/13, Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et

(Kawża C-603/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et (rappreżentant: P. Tridimas, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Grupp tal-Euro, irrappreżentat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;

tagħti l-ordnijiet mitluba mir-rikorrenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellati jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn:

ikkonstatat li l-Grupp tal-Euro ma eżiġiex li Ċipru jieħu l-miżuri li kkawżawlhom telf jew li dawn il-miżuri ma kinux meħtieġa minn azzjoni imputabbli lill-Unjoni.

qieset li l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-21 ta’ Marzu 2013 ma ppreġudikatx lill-appellanti;

ikkonstatat li b’ċerti atti oħra l-appellati ma eżiġewx li Ċipru jkompli jimplimenta l-miżuri dannużi u/jew ma eżiġewx l-adozzjoni tal-miżuri dannużi introdotti mill-emendi li saru għad-digrieti dannużi tat-30 ta’ Lulju 2013;

qieset li l-miżuri dannużi ma kinux ilkoll mieħtieġa mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236 1 ;

ikkonstatat li ma kienx hemm ksur serju tad-dritt għal proprjetà, kif protett mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

L-appellanti jargumentaw li l-miżuri dannużi ma jissodisfawx ir-rekwiżit li r-restrizzjonijiet għad-dritt għal proprjetà għandhom ikunu pprovduti mil-liġi u r-rekwiżit ta’ proporzjonalità. Huma jqisu li l-aġir tal-appellati wassal għal aspettattivi leġittimi li ebda miżuri ta’ salvataġġ ma kienu se jittieħdu li jimponu “haircut” fuq l-assi tagħhom. Huma jqisu li bħala depożitanti u/jew azzjonisti fil-Bank of Cyprus u/jew Laiki huma ġew iddiskriminati, b’mod partikolari, fil-konfront ta’ depożitanti u azzjonisti rispettivament f’banek fi Stati Membri oħra taż-Żona Euro li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja simili għal dik mogħtija lil Ċipru.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU 2013, L 141, p. 32).