Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija) fit-18 ta’ Diċembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra BR, CS, DT, EU, FV, GW

(Kawża C-926/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Partijiet fil-kawża prinċipali

BR, CS, DT, EU, FV, GW

Il-partijiet l-oħra fil-kawża:

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția Națională Anticorupție, Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția de Investigare a Infracțiunilor de Criminalitate Organizată și Terorism – Structura centrală, Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Secția pentru investigarea infracțiunilor din justiție, Agenția Națională de Administrare Fiscală, HX, IY, SC Uranus Junior 2003 Srl

Domandi preliminari

L-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE 1 , l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali 2 , adottata abbażi tal-Artikolu 83(2) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn korp estern għall-poter ġudizzjarju, il-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), li tiddeċiedi dwar eċċezzjoni proċedurali li tirrigwarda kompożizzjoni eventwalment illegali tal-kulleġġi ġudikanti, b’rabta mal-prinċipju ta’ speċjalizzazzjoni tal-imħallfin fl-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) (li ma hijiex prevista fil-Kostituzzjoni Rumena) u li tobbliga lil qorti tibgħat lura kawżi li jinsabu fl-istadju tal-appell (rimedju ġudizzjarju b’effett devoluttiv), għal eżami mill-ġdid fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura quddiem l-istess qorti?

L-Artikolu 2 TUE u [t-tieni paragrafu ta]l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-konstatazzjoni, minn korp estern għall-poter ġudizzjarju, tal-illegalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ awla tal-qorti suprema (kulleġġi komposti minn imħallfin fil-kariga, li fil-mument tal-promozzjoni tagħhom, kienu wkoll jissodisfaw b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ speċjalizzazzjoni meħtieġ għall-promozzjoni fl-awla kriminali tal-qorti suprema)?

Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikata deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali, li tinterpreta regola inferjuri għall-Kostituzzjoni, li torganizza l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), inkluża fil-liġi nazzjonali dwar il-prevenzjoni, il-konstatazzjoni u s-sanzjonar ta’ atti ta’ korruzzjoni, regola li ġiet interpretata b’mod kostanti, f’dan l-istess sens, minn qorti għal sittax-il sena?

Konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-ġustizzja jinkludi l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin u t-twaqqif ta’ kulleġġi ġudikanti speċjalizzati fi ħdan qorti suprema?

____________

1     ĠU 2015, L 141, p. 73.

2     ĠU 2017, L 198, p. 29.