Language of document : ECLI:EU:F:2011:188

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

29 ta’ Novembru 2011

Kawża F‑119/10

Roberto Di Tullio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Membri tal-persunal temporanji — Leave għal servizz nazzjonali — Artikolu 18 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Karriera militari — Twettiq ta’ perijodu ta’ kmand territorjali — Rifjut”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA taħt l-Artikolu 106a tiegħu, li bih R. Di Tullio jitlob prinċipalment l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni rrifjutat li tagħtih leave għal servizz nazzjonali.

Deċiżjoni:      Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanji — Leave għal servizz nazzjonali — Servizz militari — Kunċett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18)

Taħt l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, membru tal-persunal temporanju integrat fit-taħriġ militari biex iwettaq is-servizz legali tiegħu, imsejjaħ biex iwettaq is-servizz alternattiv tiegħu, meħtieġ li jwettaq perijodu ta’ taħriġ militari jew li jissejjaħ fil-forzi armati, għandu jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ leave għal servizz nazzjonali.

Is-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra evidentement, tikkonċerna biss dik fejn membru tal-persunal temporanju huwa obbligat, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-servizz militari, li jwettaq fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu perijodu limitat ta’ taħriġ militari, pereżempju bħala uffiċjal ta’ riżerva. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux ikopru s-sitwazzjoni fejn uffiċjal nazzjonali jasal, wara perijodu ta’ kollokament fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej abbażi ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, biex jirreintegra l-amministrazzjoni tiegħu sabiex jissodisfa obbligi marbutin mal-iżvilupp tal-karriera tiegħu, minkejja li dan l-uffiċjal jappartjeni għal korp li l-membri tiegħu huma suġġetti għar-regoli u għad-dixxiplina militari.

Barra minn hekk, membru tal-persunal temporanju ma jistax jitqies bħala “msejjaħ fil-forzi armati” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ħlief fl-ipoteżi fejn wieħed jew diversi klassijiet tal-età jissejħu minħabba, pereżempju, theddida ta’ kunflitt armat.

(ara l-punti 35, 38 u 40)