Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2020 minn Lazarus Szolgáltató és Kereskedelmi Kft. “fi stralċˮ kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) mogħti fit-18 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-763/18, Lazaras Szolgáltató és Kereskedelmi vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-85/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: Lazarus Szolgáltató és Kereskedelmi Kft. “fi stralċˮ (rappreżentant: L. Szabó, ügyvéd)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat u, konsegwentement, tannulla d-digriet mogħti mil-Qorti Ġenerali (l-Għaxar Awla) fit-18 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-763/18, Lazarus Szolgáltató és Kereskedelmi vs Il-Kummissjoni, li ġie nnotifikat lill-appellanti fl-istess jum.

sussegwentement, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn din tirrigwarda l-kwistjojnijiet ta’ inammissibbiltà li ma ġewx riżolti bid-digriet mogħti fl-ewwel istanza.

tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell, dment li ma tibgħatx il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, f’liema każ hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma tagħtix deċiżjoni fuq l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell, iżda tirriżerva d-deċiżjoni għas-sentenza definitiva.

Aggravji u argumenti prinċipali

I. Żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti. Motivazzjoni insuffiċjenti.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif meħtieġ is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali qabel ma ħadet konjizzjoni tal-atti kkontestati tal-Kummissjoni.

Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali tikkonċerna t-teħid ta’ konjizzjoni inkonnessjoni mal-eżistenza ta’ atti li jaffettwaw jew li jagħmlu riferiment għall-appellanti.

L-appellanti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni adottata mill-qorti nazzjonali billi qieset li r-riżoluzzjoni tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tikkostitwixxi kwistjoni li għandha tiġi riżolta qabel ma tingħata sentenza fuq il-kawża għar-riżarċiment tad-danni ta’ Lazarus Kft. L-appellanti u r-rappreżentant legali tagħha jistgħu jitqiesu bħala persuna waħda għall-effetti legali biss fir-rigward tal-kawża koperta mill-mandat ad litem eżistenti bejniethom, jiġifieri, fir-rigward tal-kawża għar-riżarċiment tad-danni ttrattata quddiem il-qorti nazzjonali.

Ġaladarba l-mandat mogħti mill-appellanti favur ir-rappreżentant legali tagħha kien jirreferi esklużivament għall-kawża għar-riżarċiment tad-danni ttrattata quddiem il-qorti nazzjonali, ir-rappreżentant legali ma kienx obbligat jinforma lill-appellanti f’terminu “raġjonevoliˮ, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas ma kien obbligat li jitlob it-test sħiħ tal-atti kkontestati, u dan billi l-mandat tiegħu ma kienx jestendi sa dawk il-limiti. L-appellanti waħidha setgħet tressaq hija personalment tali talba mill-mument li fih hija kisbet konjizzjoni tal-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet taffettwaha.

II. Żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar it-“terminu reġjonevoliˮ

Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi applikata għall-kawża odjerna, billi ċ-ċirkustanzi tal-kawżi invokati ma humiex identiċi għal dawk tal-kawża odjerna.

III. Żball fil-klassifikazzjoni tal-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2017

Il-qorti nazzjonali tat sentenza ta’ ċaħda fil-kawża marbuta mal-ilment ta’ OPS Újpest Kft. billi bbażat ruħha, għal dan l-għan, fuq l-ittra informattiva kkontestata tal-konvenuta. Tali sentenza kisret l-interessi tal-appellanti u bidlet b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, peress li, fuq il-bażi tal-imsemmija ittra, il-qorti nazzjonali iddikjarat li l-awtorità nazzjonali kienet tat l-għajnuna b’mod legali.

IV. Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Ksur u applikazzjoni skorretta tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

Għalkemm il-Qorti Ġenerali pprovdiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ma talbitx li l-partijiet jifformulaw osservazzjonijiet dwar jekk it-talba tressqitx b’mod tempestiv. Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-preżentazzjoni intempestiva għall-ewwel darba fid-digriet u ċaħdet it-talba għal din ir-raġuni, mingħajr ma ppermettiet li l-partijiet, b’mod partikolari l-appellanti, jesponu l-argumenti tagħhom u lanqas li jopponu tali ċaħda.

Billi ma osservatx ir-rekwiżit iċċitat iktar ’il fuq, ma kienx possibbli li jiġi prodott dokument li seta’ jikkonferma l-pożizzjoni tal-appellanti dwar il-preżentata tempestiva tat-talba.

____________